
Jonathan Goodwin ta’ Britain’s Got Talent paralizzat
L-escapologist Jonathan Goodwin, ta’ 42 sena, tħalla paralizzat wara inċident, qalet l-għarusa tiegħu Amanda Abbington.
L-attriċi ta’ Sherlock qalet li kważi miet darbtejn wara l-inċident tas-sena l-oħra waqt il-provi għal America’s Got Talent: Extreme.
Hija qalet li l-istuntman, li deher fl-istaġun 2019 ta’ Britain’s Got Talent, issa juża siġġu tar-roti.
Skont l-għarusa tiegħu, Abbington, ta’ 48 sena, Goodwin waqa’ 30 pied waqt stunt li marret ħażin u spiċċa tgħaffeġ bejn żewġ karozzi li ħadu n-nar. Huwa tilef kilwa, kiser ix-shoulder blades u kiser iż-żewġ saqajn.
Huwa ġarrab ukoll ħruq, kiser is-sinsla tad-dahar u kien viċin li jitlef ħajtu.
L-attriċi qalet li minkejja dan, Goodwin baqa’ pożittiv u ffaċċja dan kollu b’saħħa u kuraġġ. Hi rrakkuntat li l-istuntman bagħatilha voice note qabel l-operazzjoni tiegħu biex jgħidilha li kien hemm 50% ċans li ma l-operazzjoni ma tirnexxix u qalilha li jħobbha filwaqt li rringrazzjaha għall-aħħar xhur ta’ ħajtu magħha.

Inizjalment il-koppja kienu ħbieb fuq il-midja soċjali għal madwar 10 snin. Abbington bdiet issegwih hekk wara li binha kien isegwih ukoll.
Bdew joħorġu flimkien wara li kienet hi kienet ħassret minn mal-attur ta’ Sherlock, Martin Freeman, u hu kien iddivorzja lil martu.
Għall-ewwel, kienu jqattgħu sigħat jitkellmu fuq it-telefon kuljum qabel ma vvjaġġa lejn Vjenna biex jiltaqa’ magħha għall-ewwel darba.
Fi 30 minuta, Goodwin ippropona! Il-koppja qed tippjana li tiżżewweġ dan is-sajf.
