Select Page
Kif tista’ torqod aħjar? – Danica Ann Cassar

Kif tista’ torqod aħjar? – Danica Ann Cassar

L-irqad huwa ferm importanti f’ħajjitna. Hemm tendenza li aktar ma nikbru naħsbu li nistgħu ngħaddu mingħajru. Kemm-il darba smajt fil-klinika “ilni ma norqod minn gurnata u nofs ilu” jew “kulma kelli bżonn dal-lejl huma sagħtejn biss ta u għadni għaddej”. L-irqad kultant nispiċċaw inħarsu lejh bħala ħela ta’ ħin però fir-realtà għandna bżonnu ferm aktar milli naħsbu.

Waqt li nkunu reqdin, moħħna u ġisimna jkunu qed jagħmlu ħafna xogħol ristorittiv li jkollna bżonnu biex inkunu b’saħħitna. Apparti l-mistrieħ, waqt li nkunu reqdin il-moħħ iħassar l-informazzjoni li m’għandniex bżonn niftakru u jipproċessa aktar dak li għandna bżonn.

Kif nista’ norqod aħjar? Din il-mistoqsija smajtha kemm-il darba. Dawn huma ftit suġġerimenti ta’ kif tista torqod ahjar:

Orqod bejn 6-8 sigħat mal-lejl, f’ħinijiet simili.

Dan ifisser li jekk torqod fil-ħdax, l-aktar kmieni li tista’ tqum hu fil-ħamsa, ovvjament jekk tista’ torqod sas-sitta huwa ħafna aħjar. Studju ricenti li involva 90,000 voluntier ikkonferma l-importanza li norqdu u nqumu f’ħinijiet simili; sewwa jekk fost il-ġimgħa jew anke l-weekend. Dan għaliex ġisimna għandu arloġġ bijoloġiku li jidra jqum u jorqod f’ħinijiet simili. Jekk vera torqod u tqum f’ħinijiet simili, ġismek tant jidra li l-alarm kważi ma jkollokx x’tambih għax tibda tqum qabel f’xi żewġ minuti. Inħeġġek tħares ftit lura u tara x’kien il-pattern tal-irqad għal dawn l-aħħar ġimgħat? Jekk it-tweġiba hija imgerxa, ara kif tista’ tagħmilhom aktar simili.

Naqqas l-użu tal-mowbajl jew gadgets.

Bħalma nafu, il-gadgets huma bżonnjużi ħafna biex nibqgħu konnessi mad-dinja esterna. Però l-gadgets jerħu dak li jgħidulu blue light li dan ixekkel u jtellef mill-kwalità tal-irqad. L-aħjar mod hu li ma tużax il-gadget sa siegħa qabel ma’ torqod. Aħjar taqra xi ktieb jew toqgħod ftit kalm qabel is-sodda milli toqgħod ittella’ u tniżżel fuq il-midja soċjali jew tara xi film fuq it televixin jew laptop għax hemmhekk tun qed tattiva lil moħħok biex jibqa imqajjem aktar milli tfakkru li wasal il-ħin tal-irqad.

Il-kamra tas-sodda, jekk possibbli għall-irqad u intimità biss.

Jekk tista’ l-kamra tas-sodda ma tagħmel xejn fiha ħlief torqod, tistrieħ u għalu intimità mal-partner tiegħek. Dan għaliex il-moħħ jassoċja ħafna l-kuntest ta’ madwarna ma’ fejn qiegħdin. Jiġifieri jekk jiena s-soltu naħdem u nistudja mis-sodda, lil moħħi jaf ħa ngerfxu xħin ħa mmur hemm biex norqod. Għalhekk jekk tista’ taħdem minn kamra oħra ħalli s-sodda biss għal irqad.

Tagħmilx xogħol jew eżerċizzju sa sagħtejn qabel il-ħin tal-irqad.

Tajjeb kemm hu tajjeb l-eżerċizzju għal ġisimna, jekk ħa nkunu attivi b’intensità qawwija, tista’ taffetwa l-kwalità tal-irqad. Dan għaliex ġisimna jerħi ċerti kimiċi ngħidulhom ormoni bħal adrenalina, li tqajjimna flokk tgħinna norqdu. Biex norqdu, ġisimna jerħi l-melatonin, li huwa ormon ieħor, li jekk inkunu qiegħdin nagħmlu l-eżerċizzju dan jaf ma jintreħiex f’ġisimna. Għalhekk huwa tajjeb li jekk se nagħmlu l-eżerċizzju nagħmluh kemm jista’ jkun kmieni mal-ġurnata.

Dawn huma ftit pariri relatati mal-irqad. Hemm ħafna aktar li se naqsam magħkom fil-futur. Ovvjament mhux il-pariri kollha jgħoddu għal kulħadd speċjalment jekk taħdem bix-shifts, fejn il-ħinijiet simili tal-irqad ma jgħoddux, imma hemm pariri oħra li tista’ tagħmel. Ara ġismek x’għandu bżonn u x’jaħdem għalih u adatta għal dak li qed jgħidlek ġismek. Ġisimna dejjem jurina x’għandu bżonn allura nistiednek tisma’ minnu.

Jekk tħoss li għandek bżonn sapport professjonali biex ittejjeb l-irqad tiegħek, jeżistu professjonisti li jistgħu jgħinuk tagħmel dan.

Li tiekol tuffieħa kuljum tgħin biex iżżommok aktar f’saħħtek? – Matthaeus Grasso

Li tiekol tuffieħa kuljum tgħin biex iżżommok aktar f’saħħtek? – Matthaeus Grasso

🍎😷👩‍⚕ Ġieli smajt il-frażi bl-Ingliż, “An apple a day keeps the doctor away?”

🍏 Jirriżulta li din mhix sempliċiment frażi biss! Fil-fatt hemm ix-xjenza li turi li t-tuffieħ jista’ jgħin biex iżommna f’saħħitna … u għalhekk l-isfida ta’ din il-ġimgħa hija li tiekol tuffieħa kuljum!

Studji juru li t-tuffieħ u l-prodotti tat-tuffieħ jistgħu jgħinu biex inaqqsu r-riskju li jiżviluppaw:

⛔ Kanċer

🚫Mard tal-qalb

⛔Ażma

🚫Il-marda tal-Alzheimer

Filwaqt li fl-istess ħin ikollok benefiċċji qawwija meta niġu għal:

💪 Il-ġlieda kontra l-effetti tax-xjuħija,

👉 Il-kontroll tad-dijabete

👌 Jgħinu fit-telf tal-piż u biex inżommu piż tajjeb għal saħħitna

👍 Is-saħħa tal-għadam

💪 Il-funzjoni tal-pulmun

👉 Is-sistema diġestiva

🍎🌟 Meta tixtri t-tuffieħ tiegħek din il-ġimgħa, kull meta jkun possibbli, agħżel l-organiku. Tuffieħ li ma jkunx organiku ħafna drabi jiġi sprejjat bil-kimiċi matul il-proċess tat-tkabbir u jkun miksi wkoll biex iżommuhom jidhru tajbin fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-merċa.

Se tingħaqad magħna għal din l-isfida? Għidilna fil-kummenti … flimkien mat-tip favorit tat-tuffieħ tiegħek! ⤵️⤵️⤵️

Xorti Ħażina – Tanja Cilia

Xorti Ħażina – Tanja Cilia

“…jekk nagħti tliet bewsiet lil min ikun ħiereġ mid-dar, mela dan ma jkorrix sakemm ikun barra…”

Bqajt niftakar id-data; il-Ġimgħa, 13 ta’ Frar. Ġiet tarani ħabiba tiegħi bla ħsieb, u sabitni nqasqas xi stampi biex nagħmel il-posters għan-notice board tal-knisja.

Kont se nnewlilha l-imqass biex sakemm ngħidu kelma – jew mija – tgħinni ftit, imma x’ħin rat li quddiemi kelli xi kalendarji antiki, bħal tkexkxet.

“Mela int ma tibża minn xejn?” staqsietni.

“Eh?”

“Mela ma tafx li ħażin tagħmel jekk iżżomm xi kalendarju antik, insomma, skadut, kemm jekk bl-idejn imdendel mal-ħajt, jew f’xi kexxun?”

“U għaliex?” staqsejtha b’nofs tbissima, għax kienet qanqlitli l-kurżità.

“Ara, l-oħra. Dan bħal meta żżomm arloġġ li ma jaħdimx. Tkun qed tiġbed l-isfortuna lejk. Il-kalendarji u l-arloġġi juru ż-żmien, u l-ħin, u jekk ma jkunux sew, anki tqassar ħajtek tista’. U llum, ukoll, il-ġurnata tal-ġimgħa meta għandna 13 mix-xahar…”

“U ħallini minnek. Mela jmissni ilni mejta, għax dawk ilhom is-snin għandi… u biex ngħidlek, fil-kexxun għandi xi erba’ arloġġi li xi darba kont biħsiebni neħodhom għat-tiswija, wkoll…”

F’daqqa waħda, ftakret li riedet tkun id-dar kwarta wara, għax kienu se jġibulha l-ħaxix. Naħseb samtet griżmejha daqskemm xorbitu malajr il-kafè, biex tfittex titlaq.

Tassew li hawn ħafna li jemmnu fis-superstizzjonijiet… jilbsu bżaru, għajn, jew qrun; jaħarbu jiġru kif jaraw qattus iswed, ma jgħaddux minn taħt sellum… Jekk tgħidilhom li dan kollu bla sens, u jiġi mill-injoranza, jew mill-biża’ ta’ dak li mhux magħruf, malajr jgħidulek xi ġralha il-kuġina’ tal-mara ta’ ħu l-ġara…

F’kull kultura nsibu tradizzjonijiet li qishom jgħallmuna xi ħaġa simili. Kultant, jidħol ukoll is-seħan tal-moħħ; jekk nagħti tliet bewsiet lil min ikun ħiereġ mid-dar, mela dan ma jkorrix sakemm ikun barra… tant li meta xi ħadd jinsa jagħmel xi azzjoni, idum jehwden, u kultant, din issir fissazzjoni, wkoll.

U min jivvintahom is-superstizzjonijiet? Għaliex għandek tneħħi kull werqa mejta minn kull pjanta li għandek ġewwa, iżda ma jimprtax jekk tħalli skoss, fil-pjanti tat-terrazzin? Għaliex il-ħajt tal-ġnien tista’ tiżbgħu aħdar, imma tal-kċina, le?

Hawn min ma jridx siġġu jitbandal, id-dar, għax l-Irlandiżi “jgħidu” li l-fatati fuqhom iħobbu joqgħodu.

Ta’ min jgħid li kultant, fatt żgħir jitkabbar u jiġi mehmuż ma’ storja għal kollox differenti minn dik originali. Ngħidu aħna, kien hemm żmien meta ż-żebgħat ħodor setgħu jkunu letali, għax kienu magħmla minn kimiċi velenużi, fosthom l-arseniku. Iż-żebgħa, u l-wallpaper, kienu jerħu gassijiet tossiċi, tant li kien hemm ħaddiema fil-fabbrika dak iż-żmien u mietu minħabba fihom; u baqgħet l-idea li l-ħitan hodor iġibu l-isfortuna.

Hawn ħafna min iġemma’ kaktus u s-sukkulenti; l-iżjed dawk li ma tanxt jafu jieħdu ħsieb il-pjanti; għax lil dawn kważi impossibbli toqtolhom. Imma hawn min ma jridhomx, għax jgħidu li x-xewk jiġbed il-vibrazzjonijiet ħżiena… kif jgħidu li jagħmlu jagħmlu l-ponot tal-umbrella meta tiftagħha fid-dar.

Issa flok nemmnu fil-ħmerijiet, mhux aħjar nagħmlu moħħna hemm u nirraġunaw li l-affarijiet bla ħajja m’għandhomx poteri fuqna?

Enable Notifications    OK No thanks