Mużika Mużika: Serata ta’ nostalġija b’kanzunetti klassiċi

Mużika Mużika: Serata ta’ nostalġija b’kanzunetti klassiċi

It-tieni serata tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika li xxandret ilbieraħ kienet mimlija emozzjonijiet u nostalġija.

Is-semifinalisti flimkien ma’ kantanti stabbiliti interpretaw kanzunetti klassiċi Maltin, li jgħaddi kemm jgħaddi żmien jibqgħu tant maħbuba u popolari.

Serata ppreżentata għal darb’oħra minn Keith Demicoli, Moira Delia u Clare Agius flimkien ma’ Taryn Mamo Cefai u Dorian Cassar.

Fis-serata finali tal-lejla nkunu nafu min hu r-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika!

Liema kanzunetta hija l-favorita tiegħek?

Filmat: “Il-mużika kienet xi ħaġa li tgħaqqadna flimkien” – Moira Stafrace

Filmat: “Il-mużika kienet xi ħaġa li tgħaqqadna flimkien” – Moira Stafrace

L-aktar mument emozzjonanti waqt it-tieni serata ta’ Mużika Mużika lbieraħ, ċertament kien dak il-mument li Moira Stafrace, il-mara ta’ Chris, li ħalliena fit-18 ta’ Frar li għadda, tat l-ewwel prestazzjoni tagħha fuq il-palk mingħajr żewġha.

Moira, flimkien mal-kantanta Victoria Sciberras interpretaw waħda mill-kanzunetti klassiċi, Tgħidlix.

Żgur li l-mument li Moira tfaċċat fuq il-palk ta’ Mużika Mużika qanqal emozzjoni kemm lil dawk preżenti fis-sala kif ukoll lil dawk li kienu qed isegwu minn djarhom, iżda d-diskursata tagħha ma’ Keith Demicoli wara l-prestazzjoni ċertament li nisslet aktar minn demgħa waħda.

Għall-fatt li din kienet l-ewwel darba għal Moira fuq il-palk mingħajr Chris, hija qalet li tħoss li qisha ġiet maqsuma min-nofs.

Keith staqsa lil Moira, x’se jiġri mill-karriera mużikali tagħha issa wara l-mewt ta’ Chris. Għal dan Moira qalet li Chris, konxju li ma kienx se jibqa’ magħna, kien ifakkarha li fadlilha ħajja x’tgħix u jħeġġiġha biex tkompli tgħixha.

Fost iċ-ċapċip u l-emozzjonijiet tal-udjenza preżenti, u bejn tgħanniqa ta’ sapport u oħra minn Keith, Moira qalet li s-sigriet tas-suċċess taż-żwieġ tagħhom u l-imħabba ta’ bejniethom kienet il-mużika. Hija qalet li minkejja li kienu żewġ karattri b’saħħithom, il-mużika kienet il-ħaġa li tgħaqqadhom flimkien, anki waqt xi argumenti li kien ikollhom.

Fil-fatt, hija qalet li l-iktar ħaġa li se tibqa’ tgħożż mill-memorji ta’ Chris hija l-mużika.

Insellmulek Chris!

Mużika Mużika: Min taħseb li se jkunu l-finalisti?

Mużika Mużika: Min taħseb li se jkunu l-finalisti?

Wara li lbieraħ, smajna l-21 semifinalista tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, ippreżentat minn Keith Demicoli, Clare Agius u Moira Delia flimkien ma’ Gianni Zammit u Taryn Mamo Cefai, illejla se nkunu qed ingawdu spettaklu ieħor.

Illejla se tkun serata partikolari għaliex fiha se nkunu qed nisimgħu kanzunetti klassiċi li ċertament se jqanqlu nostalġija.

Imma mhux biss!

Illejla se nkunu nafu wkoll min se jgħaddi għas-serata finali t’għada!

Erġa’ segwi l-prestazzjonijiet kollha tas-semifinali tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika:

Min taħseb li se jkunu l-finalisti?

Filmat: Interpretazzjoni ta’ O Come All Ye Faithful minn Kevin Borg

Filmat: Interpretazzjoni ta’ O Come All Ye Faithful minn Kevin Borg

Hekk kif qiegħdin noqorbu lejn Jum il-Milied, żgur li għal ħafna minna, il-kanzunetti klassiċi tal-Milied ikunu għaddejjin fl-isfond ta’ dak li nkunu qed nagħmlu matul il-ġurnata tagħna.

Il-kantant tant popolari Kevin Borg qasam mas-segwaċi tiegħu interpretazzjoni ta’ waħda mill-kanzunetti klassiċi tal-Milied, O Come All Ye Faithful.

Għalhekk, jekk tixtieq tisma’ kanzunetta li ċertament iddaħlek fl-ispirtu tal-Milied, isma’ l-verżjoni mill-isbaħ ta’ Kevin Borg flimkien ma’ Daniel Bror Palm tal-kanzunetta O Come All Ye Faithful.

Ed Sheeran jgħid li kważi qatel lil Elton John waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali tal-Milied

Ed Sheeran jgħid li kważi qatel lil Elton John waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali tal-Milied

F’intervista, Ed Sheeran żvela storja li minkejja taf tnissel tbissima wkoll setgħet spiċċat ħażin!

Sheeran qal li f’mument waqt il-ġbid tal-vidjow mużikali tal-kanzunetta li niedew ftit ġranet ilu, Merry Christmas, kważi qatel lil Elton John.

Huwa qal li fix-xena fejn hu jidher liebes ta’ “sexy santa”, ta’ daqqa ta’ sieq lil rigal li fuqu kellu qanpiena kbira tal-metall, li taret u għaddiet bl-eżatt minn ħdejn ras Elton John.

Kurżità oħra interessanti hija li attriċi u żeffiena Maltija ħadet sehem fil-vidjow mużikali!

Giulia Rose, li tgħix Londra, ġiet infurmata ġurnata biss qabel il-ġbid li kienet ġiet magħżula biex tkun parti minn dan il-vidjow mużikali.

L-artista Maltija qalet li kien biss meta rathom li bdiet temmen li kellha opportunità bħal dik ma’ żewġ stilel tal-mużika. Hija tiddeskrivi l-esperjenza bħala waħda li ma tinsa qatt.

L-istilla ta’ Bad Habits, ta’ 30 sena u l-leġġenda tal-mużika Sir Elton John, ta’ 74 sena, niedew il-kollaborazzjoni tagħhom il-ġimgħa li għaddiet.

Il-kanzunetta bħalissa riesqa lejn in-numru 1 fil-klassifika tas-singles tar-Renju Unit u hija waħda mit-tliet kanzunetti tal-festi li John u Sheeran kitbu flimkien.

Din il-kanzunetta hija l-ewwel diska tal-Milied ta’ Sheeran, filwaqt li John huwa magħruf għall-kanzunetta tiegħu tal-Milied tal-1990 Step Into Christmas.

Huwa mifhum li l-Vidjow mużikali huwa maħdum biex jagħti ġieħ lil xi kanzunetti klassiċi tal-Milied u joħloq mill-ġdid xeni emblematiċi minn Last Christmas ta’ Wham, Merry Christmas Everyone ta’ Shakin’ Stevens, Walking in the Air ta’ The Snowman u Stay Another Day ta’ East 17.

Enable Notifications OK No thanks