by skoperta.net | 04/Feb/22 | L-Aħħar Aħbar
Aktar kmieni llum, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej sal-bidu tas-sajf se jitneħħew il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 li qiegħdin fis-seħħ.
Filwaqt li fakkar l-aħbar li mill-aħħar ta’ April u bidu ta’ Mejju se jkunu jistgħu jibdew isiru l-festi fil-bliet u l-irħula b’mod responsabbli imma wkoll b’mod li jixbah ħafna lil dak li konna mdorrijin bih fis-snin li għaddew, kif ukoll l-aħbar li l-Karnival se jsir f’Mejju bl-istess mod, il-Ministru Chris Fearne ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej 7 ta’ Frar se jiġi estiż il-ħin tal-viżitaturi fl-isptar Mater Dei.
Minn nhar it-Tnejn ukoll se titneħħa l-miżura tal-ammont ta’ nies miġbura f’residenza privata. Sal-lum kien limitat sa 4 households, issa se titneħħa kompletament.
Ħabbar ukoll li mit-Tnejn li ġej il-Gvern Malti se jibda jagħraf iċ-ċertifikati tat-tilqim mill-Ġordan u l-Maldivi.
Mill-14 ta’ Frar, dawk il-persuni li jkollhom ċertifikat tat-tilqim validu u jkunu ġejjin minn pajjiż li huwa kklassifikat bħala dark red, il-perjodu ta’ kwarantina li jeħtieġu li jagħmlu se jonqos minn 14 għal 10 ijiem.
Il-kwarantina ta’ dawk li jkunu ġejjin minn barra biex jaħdmu f’Malta u għad m’għandhomx permess ta’ residenza f’Malta issa tista’ tibda ssir f’residenza fissa minflok f’lukanda. Il-lukanda se tkun qed tintuża biss għal dawk li jiġu Malta għal perjodu qasir u m’għandhomx residenza fissa.
B’effett immedjat, it-tfal kollha ta’ bejn il-5 u l-11-il sena li jkollhom iċ-ċertifikat tat-tilqim biż-żewġ dożi se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr il-ħtieġa tat-test tal-PCR.
Ħabbar ukoll li mill-21 ta’ Frar se tiġi indirizzata l-mod ta’ kif issir il-kwarantina. Jekk is-sitwazzjoni attwali tibqa’, il-kwarantina ta’ dawk li jkollhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi se tonqos minn 7 għal ħamest ijiem.
Dan se jkun japplika wkoll għal tfal li jkunu mlaqqma u jkollhom lil xi ħadd pożittiv fil-klassi.
Mill-1 t’April, in-numru ta’ persuni bilqiegħda f’tieġ se jibqa’ l-istess, dak ta’ 500 persuna mlaqqma kompletament iżda se jkun jista’ jsir ukoll b’persuni bilwieqfa sa massimu ta’ 300 persuna mlaqqma kompletament.
Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra kif inhi issa, fix-xhur li ġejjin se jkomplu jitneħħew aktar restrizzjonijiet fuq avvenimenti organizzati u night clubs.
Il-Ministru Chris Fearne fakkar li minn nhar it-Tnejn li ġej iċ-ċertifikat tat-tilqim mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.
by skoperta.net | 25/Jan/22 | L-Aħħar Aħbar
Aktar kmieni fil-parlament, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-7 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.
Dr Fearne ħabbar ukoll li mill-14 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju anki għall-bars, gyms, pools, spas, swali taċ-ċinema u teatri.
Iċ-ċertifikat tal-vaċċin jibqa’ validu għall-attivitajiet tal-massa, spettaturi f’faċilitajiet sportivi, casinos, stabbilimenti tad-divertiment u s-safar.
Il-Ministru indika wkoll li l-perjodu ta’ kwarantina mistenni jonqos lejn l-aħħar ta’ Frar.
Huwa qal li dan se jkun jista’ jsir minħabba li n-numru ta’ nies fit-Taqsima tal-Kura Intensiva baqa’ stabbli u għaliex intlaħaq l-ammont ta’ nies imlaqqma bil-booster.
Żied jgħid li l-figuri qed juru li issa huwa l-waqt li l-gvern jibda jħabbar dik li qed tissejjaħ exit roadmap biex jibdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet.
by skoperta.net | 25/Jan/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Nhar it-Tnejn, il-Papa Emeritu Benedittu XVI ammetta li kien preżenti f’laqgħa fl-1980 li fiha ġie diskuss saċerdot akkużat b’abbuż sesswali.
Huwa qal li ċ-ċaħda tiegħu aktar kmieni ġiet minn żball fl-editjar tal-istqarrija tiegħu.
Investigazzjoni indipendenti dwar abbuż mill-kleru Kattoliku fl-Arċidjoċesi ta’ Munich, fejn il-Papa Emeritu Benedittu kien Arċisqof mill-1977 sal-1982, il-ġimgħa li għaddiet uriet li kien preżenti.
L-ammissjoni waslet fi stqarrija lill-Aġenzija Kattolika tal-Aħbarijiet permezz tas-segretarju privat tiegħu l-Arċisqof Georg Gänswein, li qal li l-iżball ma sarx b’intenzjoni malizzjuża iżda riżultat ta’ żball fl-ipproċessar editorjali tad-dikjarazzjoni tiegħu għall-investigazzjoni indipendenti kkummissjonata mill-Arċidjoċesi ta’ Munich.
Gänswein qal li l-Papa Emeritu Benedittu jiddispjaċih ħafna għal dan u jitlob li jiġi skużat.
Benedittu XVI, magħruf bħala Joseph Ratzinger qabel ma sar Papa, qed jippjana li joħroġ stqarrija dettaljata fil-jiem li ġejjin, qal Gänswein, u żied li Benedittu talab biex wieħed jifhem li r-reviżjoni sħiħa tar-rapport ta’ 1,900 paġna għadha teħtieġ iż-żmien.
Fl-istqarrija ntqal li dak li qara mir-rapport s’issa, jimlieh b’mistħija u uġigħ minħabba t-tbatija kkaġunat fuq il-vittmi.
Benedittu, li llum għandu 94 sena, sar l-ewwel Papa f’sekli sħaħ li rriżenja meta ċeda fl-2013. Il-mandat tiegħu kien imtappan minn skandlu globali ta’ abbuż sesswali fil-Knisja Kattolika, u s-sejbiet tal-investigaturi, li issa jimplikawh direttament f’nuqqas li jipprevjeni u jieħu azzjoni dwar l-akkużi ta’ abbuż, jheddu li jħassru r-reputazzjoni tal-Papa Emeritus.
by skoperta.net | 13/Jan/22 | L-Aħħar Aħbar
Illejla Abner Aquilina, żgħażugħ ta’ 20 sena, tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ stupru u qtil ta’ Paulina Dembska.
Huwa u dieħel il-Qorti għamel mossa oxxena fejn deher joħroġ subgħajh tan-nofs.
Aquilina wieġeb li mhuwiex ħati iżda ma ntalab l-ebda ħelsien mill-arrest. Madankollu ġie mitlub biex l-akkużat jinżamm fl-isptar Monte Karmeli u mhux jintbagħat il-ħabs.
B’reazzjoni għal dan, il-Qorti saħqet li l-akkużat għandu jiġi eżaminat mill-aktar fis possibbli, biex b’hekk id-direttur tal-ħabs ikun jista’ jiddeċiedi fejn għandu jinżamm.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret aktar kmieni, il-pulizija qalet li għadha trid tistabilixxi jekk l-istupru seħħx qabel jew wara li l-vittma ġiet maqtula.
by skoperta.net | 11/Jan/22 | L-Aħħar Aħbar
Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli fl-età ta’ 65 sena.
Huwa miet fl-isptar l-Italja fejn kien ilu mis-26 ta’ Diċembru, minħabba kumplikazzjoni serja minħabba disfunzjoni tas-sistema immuni tiegħu.
Sassoli, politiku Taljan, ġie wkoll ikkurat fi sptar Franċiż għal pulmonite f’Settembru.
David Sassoli beda l-karriera tiegħu bħala ġurnalist, u kompla jevolvi fil-karriera meta ingħaqad max-xandir tal-Istat Taljan RAI. Fl-2009, ingħaqad mal-Partit Demokratiku u rebaħ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Huwa ilu president tal-parlament ta’ 705 siġġu mill-2019. Huwa rwol fil-biċċa l-kbira ċerimonjali u l-mandat tiegħu kellu jintemm dan ix-xahar.
Skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Viċi President iddeterminat skont il-preċedenza, isir President jekk ir-rwol jiġi vakanti.
Roberta Metsola tokkupa l-kariga ta’ Viċi President, għaldaqstant se tkun qed isservi bħala President tal-Parlament Ewropew sakemm jiġi elett President ġdid.
L-elezzjoni se ssir nhar l-Erbgħa d-19 ta’ Jannar u Metsola hija l-kandidata tal-PPE għar-rwol.