U hekk malli bdejt nisma’ l-ħoss tat-takkuna taż-żarbun tiegħi stess ittakkan bil-qalb fuq il-madum abjad tal-kuritur, l-istess ħsieb reġa’ beda jberren f’moħħi. Tajt daqqa t’għajn ħafifa lejn il-veduta urbana, mimlija bini mdaqqas mit-twieqi kbar tal-istess kuritur hekk kif kont għaddejja b’pass mgħaġġel lejn il-lift forsi finalment nerġa’ nara l-arja ta’ barra wara ġurnata sħiħa xogħol. Ma ridtx noqgħod naħli ħini nerġa’ nħares lejn dawk il-blokok kbar tal-konkrit li kont naf eżatt kif kienu. Il-veduti li kienu joffru dawn il-kurituri bla kulur, kont nafhom iżjed milli bl-amment. Kont naf kull kantuniera, kull angolu, kull tabella, il-lampi tad-dawl u l-ħbula mdendlin magħhom kollha……….kollox. Saħansitra kont drajt anke fejn kienu jpoġġu l-ħamiem u l-għasafar tal-bejt biex joqogħdu jnemmsu t-toroq mimlija traffiku t’hemm taħt u jagħmlu xogħolhom. U dak il-ħin waqaft. Il-ħsieb. Dak il-ħsieb li dejjem kien iberren f’moħħi, reġa’ ġie u ħa kontroll ta’ dak il-mument. Għalaqt għajnejja, ippruvajt nieħu nifs fit-tul iżda ma stajtx. Kontra qalbi, erġajt ftakart. André. André kien telaqni. Hekk. Mingħajr rimors. Mingħajr ebda tip ta’ spjegazzjoni. Xejn. Ħalla warajh baħħ kbir. Solitudni. Uġigħ li trid tkun għaddejt minnu biex tkun taf xi jfisser. Kultant, meta kont niftakar fih, kont inħoss l-intern ta’ ġismi kollu juġagħni. Qisu jsir parti għalih. Qisu ma jibqax jappartjeni lil ġismi. Isir parti minn vojt kbir. Vojt insapportabbli. Kont ħabbejtu. Ħabbejtu ta’ veru. U kieku stajt kont nagħtih id-dinja. Id-dinja kollha. Imma kont naf………… Kont naf li ma riedx dak li stajt noffrilu jien. Ried iżjed. Ried lil ħaddieħor. U għal mument xtaqt nikkalma lili nnifsi bil-ħsieb li ħadd ma seta’ jħobbu kif kont ħabbejtu jien. Kemm xtaqt………
Eks ġeneral fl-armata Afgana jgħid li hu u ħafna eks suldati u politiċi oħra qed iħejju biex jibdew gwerra ġdida kontra t-Taliban.
Lt Ġen Sami Sadat qal li tmien xhur taħt it-tmexxija tat-Talibani kkonvinċew lil ħafna Afgani li azzjoni militari hija l-unika triq ‘il quddiem.
Huwa qal li l-operazzjonijiet jistgħu jibdew ix-xahar id-dieħel wara l-festival Iżlamiku tal-Eid, meta qed jippjana li jirritorna l-Afganistan.
It-Talibani ħadu l-kontroll tal-pajjiż f’Awwissu li għadda.
Waqt li tkellem għall-ewwel darba dwar il-pjanijiet, Sadat qal lill-BBC li hu u oħrajn se jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-Afganistan jinħeles mit-Talibani u s-sistema demokratika terġa’ tiġi stabbilita.
Il-ġeneral enfasizza kif it-Talibani kienu qed jerġgħu jintroduċu regoli dejjem aktar ħorox inklużi restrizzjonijiet severi fuq id-drittijiet tan-nisa u l-bniet, u skont hu wasal iż-żmien li jwaqqfu l-ordni awtoritarju tagħhom u jibdew kapitlu ġdid.
Huwa qal li fi tmien xhur taħt it-tmexxija tat-Talibani ma kien hemm xejn ħlief aktar restrizzjonijiet reliġjużi, kwotazzjoni ħażina, interpretazzjoni ħażina u użu ħażin tal-iskripts mill-Koran Imqaddes għal skopijiet politiċi.
Inizjalment, huwa qal li ppjana li jagħti lit-Taliban 12-il xahar biex jara jekk kinux se jinbidlu iżda sfortunatament komplew bit-torturi, qtil, għajbien, nuqqas ta’ ikel, malnutrizzjoni tat-tfal.
Qal li kuljum irċieva mijiet ta’ messaġġi mingħand Afgani jistaqsuh x’kien se jagħmel dwar dan.
Mistoqsi jekk kienx hemm xi alternattiva għal gwerra oħra, Sadat qal li jittama li t-Talibani moderati, magħrufa li huma skomdi b’sensiela dejjem tikber ta’ restrizzjonijiet li jfakkru fil-ħakma drakonjana tat-Talibani fl-1990, jistgħu jkunu parti minn gvern ġdid.
“Aħna m’aħniex kontra t-Taliban,” qal, biss kontra l-istil ta’ tmexxija attwali tagħhom. Żied jgħid l-Afganistan għandu jkun pajjiż fejn kulħadd jista’ jgħix b’mod liberu fih u mhux pajjiż għat-Talibani biss.
Ir-Renju Unit għamilha reat kriminali li ajruplani Russi jidħlu fl-ispazju tal-ajru Brittaniku bħala parti minn aktar sanzjonijiet kontra Moska għall-invażjoni tagħha fl-Ukrajna.
Meta bdiet l-invażjoni tar-Russja fl-24 ta’ Frar, il-Gran Brittanja inizjalment ipprojbixxiet kwalunkwe linja tal-ajru konnessa mar-Russja jew li hija rreġistrata fir-Russja.
Din l-aħħar mossa tpoġġi l-kwistjoni f’idejn il-pulizija aktar milli l-awtoritajiet tal-avjazzjoni.
Sanzjonijiet kummerċjali ġodda li jipprojbixxu l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija relatati mal-avjazzjoni u l-ispazju lejn ir-Russja tħabbru mill-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin, tal-Commonwealth u tal-Iżvilupp.
Dawn jinkludu l-kanċellazzjonijiet tal-poloz tal-assigurazzjoni fis-settur u l-projbizzjoni tal-assiguraturi tar-Renju Unit milli jħallsu pretensjonijiet.
Il-futboler ta’ Manchester United, Mason Greenwood ġie arrestat fuq allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali u theddid ta’ qtil.
Manchester United qalu li ż-żagħżugħ ta’ 20 sena, mhux se jkun qed jilgħab mal-klabb qabel avviż ieħor.
Il-pulizija arrestat lil Greenwood wara li ttellgħu ritratti u vidjows fuq il-midja soċjali minn mara li rrappurtat inċidenti ta’ vjolenza fiżika.
Ġie rrappurtat li bħalissa għaddejja l-investigazzjoni u l-mara qed tingħata sapport speċjalizzat.
Greenwood li ddebutta mal-klabb f’Marzu tal-2019, iffirma kuntratt ta’ erba’ snin fi Frar tal-2021 wara li tela’ fil-gradi tal-Akkademja.
Nhar il-Ħadd, Manchester United qalu li l-klabb huwa kontra u jikkundanna kull tip ta’ vjolenza u filwaqt li huma konxji tal-allegazzjonijiet iżda mhumiex se jikkummentaw aktar sakemm jiġu stabbiliti l-fatti.
Nitkellmu mal-membri tal-grupp mużikali Malti SKALD
Se tkunu qed ittellgħu żewġ kunċerti fi Spazju Kreattiv nhar il-Ġimgħa t-28 u s-Sibt id-29 ta’ Jannar. Kif wasaltu għall-pjan li ttellgħu dawn il-kunċerti? U x’għandhom jistennew mis-serata dawk li se jattendu?
Ġejna mistiedna biex intellgħu dan il-kunċert minn Spazju Kreattiv. Kull membru kien ilu bix-xewqa li jdoqq fi Spazju Kreattiv għal żmien twil. Il-post huwa wieħed intimu u laqa’ diversi passjonijiet artistiċi u xogħlijiet teatrali differenti bħal reċti, kunċerti u pantomimi. Ma naħsibx li qatt kellna l-opportunità li ndoqqu f’sala ċirkolari fejn l-ispettaklu jingħata ċ-ċentru tal-attenzjoni b’mod mhux biss figurattiv iżda letterali. Iddedikajna ħafna ġimgħat ta’ prattika akkost tar-restrizzjonijiet u intoppi li esperjenzajna minnħabba l-pandemija. Għandkom tistennew tnedija ta’ xogħol ġdid minn Skald u wirja t’iżjed talenti lokali bħal m’huma ta’ Rea u Ċikku l-Poplu.
Xi jfissru dawn il-kunċerti għal Skald? U għalikom personali?
Nixtiequ li nżommu l-kuntatt mal-pubbliku f’dawn iż-żminijiet tant diffiċli għall-arti. Nerġgħu ntennu li kienet ilha x-xewqa li niġu milqugħa fil-palk ta’ dan it-teatru żgħir. Inħossu li l-atmosfera sferika mudlama se tkun ta’ benefiċċju għall-għan li nerġgħu nolqtu l-udjenza fil-qalb u l-laħam il-ħaj.
Tistgħu tiżvelaw xi ħaġa dwar il-kunċerti?
Se nkunu qiegħdin nużaw ‘props’ li jorbtu mas-sinifikat ta’ kull diska. Preparajna xogħol ġdid kif ukoll xogħol li diġà ssemma’ qabel. L-aħħar diski li nkitbu se jħejju d-direzzjoni għall-album li jmiss, dejjem jekk id-destin jippermetti.
Kif oriġina l-grupp mużikali SKALD? Kif ingħaqadtu u kif ġiet l-idea għall-isem?
Nixtiequ li nistgħu nirrakkuntawlek xi storja drammatika imma r-realtà hi li ma kellniex ħsieb li ningħaqdu għal tul ta’ żmien. Kien ġie avviċinat wieħed minna biex jgħaqqad grupp malajr ħalli ninterpretaw xi kitbiet ta’ Dun Karm Psaila u ġejna mitlubin nipprovdu isem ta’ band biex ikun jista’ jiġi inkluż fil-programm ta’ dakinhar.
Diġà ma konniex komdi bil-ħin li kellna għall-prattika allura ħriġna b’wieħed ta’ malajr, “Skald”. Ma kellu l-ebda sinifikat ħlief li konna qed indoqqu f’garaxx mimli injam u wieħed kellu joqgħod attent ma jdaħħalx skalda f’subgħajh.
Ftit wara sirna nafu li b’kumbinazzjoni, il-kelma ‘skald’ għandha sinifikat fl-Iskandinavja fejn kienet tiddeskrivi mużiċist jew għannej li kien jirrakkonta poeżiji fuq l-istejjer erojċi ta’ xi persuna.
Koinċidentalment, din kienet r-raġuni għaliex iltqajna, biex indoqqu poeżiji ta’ Dun Karm li fosthom kienu jfaħħru personaġġi bħal Mikiel Anton Vassalli. Meta eventwalment iddeċidejna nkomplu, żammejna l-isem.
Ġeneralment, minn fejn tkun ispirata l-mużika tagħkom?
Hija wisq varjata biex inpoġġuha f’qoffa waħda. Hemm diski li damu ġimgħat biex inkitbu. Hemm diski fejn il-maġġorparti tax-xogħol ikun tlesta waqt estru fis-sagħtejn ta’ filgħodu mill-kantant. Hemm diski li ġew maħsuba fis-sewqan lejn id-dar waqt li konna mwaħħlin fit-traffiku.
L-ispirazzjoni tiġi minn kullimkien. Esperjenzi personali, l-ambjent, l-istorja Maltija, il-letteratura, il-lingwa u anki xogħol artistiku. Il-kitba wkoll tista’ tiġi minn kull wieħed minna.
X’messaġġ tippruvaw twasslu permezz tal-mużika tagħkom?
Kull diska hija differenti imma fl-aħħar mill-aħħar, naħsbu li kollox jorbot mat-tama. Jekk nirrakkuntaw xi storja daqsxejn kiefra, hija dejjem bl-intenzjoni li ma jiġix ripetut l-iżball.
Liema tqisu li kienu l-isbaħ mumenti ta’ Skald s’issa?
Wieħed mill-akbar mumenti ta’ tferfir kien meta ġejna mwiegħda sapport biex naħdmu u eventwalment invaraw l-ewwel album tagħna. Ma nistgħux nenfasizzaw biżżejjed kemm hu diffiċli tipproduċi album u kemm hemm bżonn paċenzja, dedikazzjoni u investiment qawwi biex iseħħ kollox.
L-istess tferfir reġa’ tfaċċa meta ġietna l-opportunità li ndoqqu l-Portugal flimkien. Hija wisq sabiħa u t’unur li tkun tista’ tagħti wirja ta’ mużika Maltija ‘l barra minn xtutna.
Mument ieħor li jibqa’ ankrat fil-memorja hu l-kunċert li rrekordjajna ġewwa l-Manoel, Skaldatura. Kellna l-opportunità li npoġġu xogħlijiet tagħna maġenb dawk ta’ Trevor Zahra taħt l-istess bozza. Minħabba l-pandemija, ma setax ikollna udjenza preżenti, iżda jekk hemm post wieħed f’Malta fejn artist għandu jdoqq f’post baħħ bil-qalb kollha, dak il-post huwa l-Manoel. Il-maesta tat-teatru kienet l-unika spettatriċi tagħna, u kien privileġġ li ndoqqu għaliha.
Tħossu li l-mużika Maltija hija apprezzata biżżejjed?
Kunfidenti ngħidu li s-sitwazzjoni sejra għall-aħjar. Kien hemm żmien fejn il-Malti ma kienx ikollu lanqas ċans imiss mar-radju popolari. Illum il-ġurnata, l-affarijiet inbidlu. Hemm ħafna iżjed gruppi li jkantaw bil-Malti. Hemm ħafna iżjed kittieba li jiktbu bil-Malti. Hemm kunċerti ferm akbar bħal mhu dak ta’ Mużika Mużika. Hemm opportunitajiet biex tirbaħ investiment għal kontribuzzjoni kulturali bħal mhu album bil-Malti jew filmat mużikali ta’ diska Maltija. Hemm artisti li huma diġà stabbiliti li qiegħdin joħorġu u jipproduċu iżjed mużika bil-Malti. Mexjin ‘il quddiem.
Liema mill-kanzunetti li ħriġtu s’issa tħossu li ħalliet impatt l-aktar?
Probabbilment hija Kura peress li kienet il-kavallier fuq quddiem tal-album tagħna. Hija l-iżjed diska minn tagħna li nstemgħet fuq radju, YouTube u anki Spotify. Kura hija diska pjuttost sempliċi li tittratta fuq tradiment romantiku. Madanakollu, dan hu suġġett li jolqot ħafna nies. Anki min m’għaddiex minnha kapaċi jifhem il-kuntest u jpoġġi ruħu fl-istess sitwazzjoni.
Għandkom xi pjanijiet oħra għax-xhur li ġejjin?
Hemm lok li naqgħu ftit kwieti immedjatament wara l-kunċert ġewwa Spazju Kreattiv minnħabba li hemm xi membri għandhom bżonn jiffukaw fuq il-ħajja personali. Iżda malli joqrob is-sajf, ħa nkunu qed noħorġu mużika ġdida. Hija x-xewqa tagħna li terġa’ tiġi opportunità biex nipproduċu album ieħor. Din id-darba, il-kontenut jirrifletti iżjed ideat ġodda wara l-ewwel album Kura. Qed nesperimentaw bi strumenti u tekniki ġodda li se rrendu materjal li joħloq kuntrast ma’ dak li ħdimna fuqu s’issa.
X’messaġġ tixtiequ twasslu lil min qed jaqra din l-intervista?
Sabiex jinkiteb album, ikun hemm bżonn li numru ta’ mużiċisti jiltaqgħu regolarment għal żmien twil ħafna. Dan kollu mill-ħin personali tagħhom. Biex il-mużika toħroġ sabiħa, qed jintużaw strumenti li jiswew l-eluf. Biex jinkera studjo u jiġi rrekordjat, hemm bżonn ġranet sħaħ ta’ xogħol u iżjed eluf. Hemm bżonn flus biex jipproduċu d-diski, biex jiġu ppublikati onlajn u biex jiġu reklamati fuq midja soċjali. Hemm bżonn l-eluf biex jittella’ kunċert sabiex tikri post, tikri d-dawl, tikri l-makkinarju u tqabbad id-diversi inġiniera, ħaddiema u nies tekniċi biex jarmaw kollox.
Appoġġjaw l-artisti lokali bil-but. Hija inutli li wieħed igerger fuq in-nuqqas ta’ mużika Maltija jekk iqarras wiċċu meta jara li jrid joħroġ karta t’għaxar ewri biex jixtri CD jew jara kunċert. Kunu afu li fil-maġġor parti tad-drabi, il-mużika mhi trendi kważi xejn lill-artist, anzi, tipikament jiġri bil-kontra u jispiċċaw jinħarġu flus mill-but. Iċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija għamlet l-affarijiet ħafna iżjed diffiċli. L-affarijiet iggravaw u l-artisti lokali għandhom bżonn il-pubbliku iżjed minn qatt qabel.
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.