Wara li nhar il-Ġimgħa li għadda l-qorti tat il-verdett tagħha dwar il-kawża li fetaħ l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kontra l-kumpanija Vitals, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qasam ir-reazzjoni u l-ħsibijiet tiegħu fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu.
Simon Busuttil huwa wieħed mill-politiċi li minn dejjem kienu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
F’kitba, Simon Busuttil iddeskriva l-verdett tal-qorti, fejn annullat il-ftehim kollu biex l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-isptar San Luqa u Karin Grech ġew privatizzati, bħala konferma ta’ kemm f’pajjiżna, “in-nies fil-poter u l-kriminali saru ħaġa waħda.”
“Għax hekk seħħ f’pajjiżna, sa mill-2013. Korruzzjoni sfaċċata kull fejn tħares, li setgħet tkun possibbli biss għax il-korrotti taw lilhom infushom protezzjoni sħiħa minn kull konsegwenza għal dak li jagħmlu. Fi kliem ieħor, għandhom impunità totali. Għax il-poter sar ħaġa waħda mal-kriminalità,” żied jgħid Simon Busuttil.
Kull proġett pubbliku fassluh bil-ħsieb ta’ kif se jixxaħħmu. Minn power station sa sptarijiet pubbliċi. Minn proġetti ta’ toroq sa permessi tal-bini. Minn passaporti sa viżas tal-ivjaġġar. Anki fuq sempliċi liċenzja tas-sewqan ħammġu jdejhom. Biex żgur jiffangaw kemm jifilħu, ħatfu l-istituzzjonijiet biex ma jkunux jistgħu jieħdu passi kontrihom. Għalhekk għadhom jiġru barra.
Huwa kompla jgħid li l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, li suppost ikunu l-aktar għodda importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità, spiċċaw impotenti.
Fortunatament, nhar il-Ġimgħa, il-Qorti tatna raġġ ta’ tama. Imma kulħadd jaf li biex tieħu raġun il-Qorti trid tistenna snin twal u kif jgħidu, justice delayed is justice denied. U skużi: għaliex għandna noqogħdu nidħlu l-Qorti biex kuntratt korrott jitwaqqaf? Għaliex ma twaqqafx mill-ewwel mill-gvern flok tħalla għaddej 7 snin sħaħ, biex it-tixħim jibqa’ għaddej? Ir-risposta hija ovvja: għax kien il-gvern stess li kienu parti mill-korruzzjoni. U l-Qorti twassal biss għal responsabbilità legali. U r-responsabbilità politika kif ħadd ma jerfagħha?
Simon Busuttil qal li dan kollu tħalla jsir għax min hu fil-poter jagħti protezzjoni lill-kriminali minflok jieħu passi kontrihom. Saħaq li meta l-poter u l-kriminalità jsiru ħaġa waħda “m’għandekx demokrazija. M’għandekx saltna tad-dritt. Għandek Gvern mafjuż.”
Għax trid tkun mafjuż biex tħalli biċċa korruzzjoni bħal tal-isptarijiet għaddejja meta jkollok il-poter u d-dmir li twaqqafha. U flok tieħu passi, tiddefendiha, sena wara sena wara sena, u saħansitra tattakka lil min ikun qed jiġġieled għas-sewwa. U trid tkun vili biex tagħmel, jew tagħlaq għajnejk għal, korruzzjoni minn fuq dahar is-saħħa tan-nies.
“Kulħadd jaf min hu responsabbli,” enfasizza Simon Busuttil.
Huma responsabbli personalment il-prim korrotti Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, li kienu l-atturi ewlenin fir-roadmap ta’ korruzzjoni sa mill-2013, inkluż fis-serq tal-isptarijiet tagħna u fil-power station tal-Electrogas. Huma responsabbli l-Ministri fil-kabinett ta’ Joseph Muscat li flok waqfulu, kif kellhom il-poter u d-dmir li jagħmlu, dawwru ħarsthom in-naħa l-oħra taparsi ma raw xejn. U meta sfidajnihom, ivvutaw favurih fil-Parlament, għal darba, tnejn, tlieta. Iddefendewh. U attakkaw lilna li waqafnilu. Ma jmurx jitilfu s-siġġu. Mela kompliċi miegħu. Huwa responsabbli Robert Abela, li kien konsulent legali fil-kabinett ta’ Muscat u li meta sar Prim Ministru, baqa’ jiddefendi l-kuntratt u jippompja l-miljuni f’kuntratt frawdolenti flok waqqfu kif kellu l-poter u d-dmir li jagħmel. Huwa responsabbli Chris Fearne li messu ra dak li rajna aħna sa mill-bidu nett u mhux prova jbella’ r-ross bil-labra biċ-ċuċata manja tar-Real Deal. La għamel tiegħu ir-Real Deal, mela issa għandu jerfa’ l-konsegwenzi.
Simon Busuttil staqsa, “possibbli ħadd mhu kapaċi jerfa’ responsabbilita’? Kif għaddew jumejn u għadu ma rriżenja ħadd minn dawk li huma responsabbli?”
Dawn ħasbu li billi jiddefendu l-indifensibbli, billi jtawwlu u jostakolaw u billi jattakkaw li kull min jazzarda jieqfilhom, kollox jista’ jibqa’ għaddej. Marru żmerċ.
“Il-kbir għadu ġej,” enfasizza Simon Busuttil, frażi li jgħid diversi drabi wkoll l-eks deputat parlamentari Jason Azzopardi, li flimkien ma’ Simon kien ukoll fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Huwa fakkar li għad hemm diversi inkjesti għaddejjin, “fosthom l-inkjesta tiegħi dwar il-famużi kumpaniji li Mizzi u Schembri fetħu fil-Panama u li fihom kienu se jaħbu t-tixħim tal-Eletrogras. L-inkjesta tlabtha fl-2017 u flimkien mal-kollega Jason Azzopardi, kelli niġġieled sentejn sħaħ kontra ostaklu wara l-ieħor li għamlulna Muscat, Schembri u Mizzi biex ma tinfetaħx (daqstant jibżgħu mill-inkjesta). Sa fl-aħħar, l-inkjesta infetħet fuq ordni tal-Maġistrat Doreen Clarke u marret quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, f’April tal-2019, jiġifieri 4 snin ilu. Din l-inkjesta tista’ biss tikkonkludi li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra Mizzi u Schembri għax kulħadd jaf għal xiex fetħu l-kumpaniji tal-Panama.”
“Fil-fatt, ma nistax nifhem kif il-Qorti għandha bżonn daqstant żmien biex tasal għal din il-konklużjoni ovvja. Bħalma ma nistax nifhem x’qed jistenna l-Kummissarju tal-Pulizija biex jarrestahom u jressaqhom, flok jistenna lill-Qorti tordnalu jagħmel dak li jmissu ilu li għamel. U la semmejt l-Electrogas, il-mistoqsija tiġi waħedha: jekk Robert Abela sa fl-aħħar ammetta li l-kuntratt tal-ispartijiet kien frawdolenti, tant li mhux se jappella, allura x’qed jistenna biex iħassar il-kuntratt SUPER-frawdolenti tal-Electrogas? Qed jistenna lill-Qorti tordnalu jwaqqfu? Possibbli Robert Abela mhux kapaċi jagħmel dak li hu sewwa, minn jeddu, mingħajr ma jiġi mġiegħel?” żied jgħid Simon Busuttil.
Tkellem ukoll dwar ir-rwol importanti tal-Partit Nazzjonalista f’dan kollu. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista, li huwa l-oppożizzjoni ewlenija fil-pajjiż u bħala tali, għandu l-obbligu li jopponi dak li hu ħażin.
Il-PN ilu mill-bidu nett, sa’ mill-2015, jisħaq li l-kuntratt tal-isptarijiet huwa ħadma nobis – tant li fil-programm elettorali tal-2017 konna diġa ntrabatna li gvern Nazzjonalista jerġa jieħu l-isptarijiet lura. Ħaqqu kull prosit Adrian Delia li, bħala Kap tal-partit warajja, baqa’ jsostni din il-ġlieda, u saħansitra fetaħ kawża u baqa’ jippersisti sakemm rebaħha nhar il-Ġimgħa. U ħaqqu kull appoġġ Bernard Grech li qed ikompli din il-ġlieda. F’isimna kollha. Ħaqqha kull prosit ukoll is-soċjeta’ ċivili, b’mod partikolari Repubblika, li mhux biss jagħtu vuċi lill-kuxjenza tagħna, iżda jieħdu kull tip ta’ azzjoni biex f’pajjiżna terġa tirrenja s-saltna tad-dritt. Kienet proprju Repubblika li talbet li tinfetaħ inkjesta kriminali dwar l-isptarijiet fl-2019 u l-konklużjoni tagħha tista’ tkun biss li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra min kien responsabbli għal din il-biċċa korruzzjoni papali. Fost dawk indagati hemm Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Chris Cardona u Edward Scicluna.
Fl-aħħar nett, Simon Busuttil qal li l-persuna li fuq kollox u fuq kulħadd, ħaqqha kull rispett u apprezzament hija Daphne Caruana Galizia. Saħaq li anki fuq l-isptarijiet, kienet hi l-ewwel waħda li kixfithom, u għal darb’oħra, kellha raġun. “U għax kixfet l-iskandli, spiċċat maqtula. Ħallset l-akbar prezz.”
Huwa biss meta ssir ġustizzja fuq l-assassinju tagħha u fuq l-iskandli li kixfitilhom, li pajjiżna jkun jista’ jieħu r-ruħ. Dakinhar li sseħħ ġustizzja, f’pajjiżna nkunu nistgħu nerġgħu nieħdu nifs ta’ arja nadifa, bla ntiena ta’ ħmieġ u korruzzjoni. U Malta tkun tabilħaqq rebbieħa.
Wara l-istqarrija li ppubblika lbieraħ b’reazzjoni għall-verdett tal-Qorti dwar il-ftehim tal-Vitals, aktar kmieni llum, l-eks Prim Ministru u kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li xtaq jiġbed l-attenzjoni fuq ċerti punti relatati mas-sentenza.
Huwa beda billi qal li l-fatt li l-konċessjoni tal-isptarijiet giet diskussa u ttieħdu deċiżjonijiet dwarha numru ta’ drabi fil-Kabinett mhux xi ħaġa ġdida. “Dan il-fatt huwa inkluż f’tabella li tinsab fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali u li l-Qorti għamlet tagħha. Ma hemm l-ebda kuntradizzjoni bejn dak li qal id-Deputat Prim Ministru u dak li għedt jien.”
Kompla jgħid li l-Kabinett minn dejjem kellu sistema stabbilita ta’ skrutinju legali tad-deċiżjonijiet li jittieħdu.
Muscat qal fis-sentenza huwa jissemma darbtejn. “L-ewwel fejn jingħata rendikont tax-xhieda tiegħi, li dwarha l-Imħallef ma sabx kummenti kuntrarji x’jagħmel. It-tieni fejn l-Imħallef jikkwota parti minn din ix-xhieda fejn għedt li l-konċessjonarji ma kinux wettqu dak kollu mistenni minnhom.”
F’kitba fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tiegħu, Joseph Muscat qal ukoll li r-referenzi dwar frodi fis-sentenza f’dan il-każ ċivili huma fil-konfront ta’ terzi u mhux fil-konfront tiegħu jew tal-Gvern. “Barra minn hekk ma hemmx referenza għal korruzzjoni,” żied jgħid.
Fl-aħħar nett, Muscat qal li r-raġuni għaliex l-Imħallef ħassar il-konċessjoni kienet biss li fil-fehma tiegħu il-konċessjonarji ma wettqux dak mistenni minnhom. “Intenni li nilqa’ kull tip ta’ skrutinju ulterjuri li jista’ jkun hemm wara dak li sar mill-Awditur Ġenerali u mill-Qorti.
L-MPE Griega Eva Kaili ċaħdet l-involviment f’allegat skandlu ta’ tixħim li kien jinvolvi l-ospitant tat-Tazza tad-Dinja l-Qatar fil-Parlament Ewropew.
Hija waħda mill-erba’ suspettati akkużati wara li investigaturi Belġjani sabu madwar €1.5m f’żewġt idjar u bagalja.
Kaili tneħħiet mir-rwol tagħha bħala waħda mill-14-il viċi president, wara li l-MPE vvutaw b’625 favur u wieħed kontra biex dan iseħħ.
Il-President tal-Parlament Roberta Metsola rreferiet għal dawn il-jiem bħala “jiem diffiċli għad-demokrazija Ewropea”.
Il-Qatar ċaħad kull allegazzjoni.
Fi stqarrija, l-avukat ta’ Eva Kaili qal li l-MPE tiddikjara l-innoċenza tagħha u li m’għandha x’taqsam xejn mal-allegat tixħim mill-Qatar. Żied jgħid li kien hemm provi mhux ikkontestati, li kull mossa, kuntatt u dikjarazzjoni li għamlet Eva Kaili rigward il-Qatar saret fl-eżekuzzjoni u l-applikazzjoni tal-politika uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-prosekuturi wettqu sensiela ta’ tfittxijiet fuq diversi jiem u qalu li nstabu flus kontanti b’valur ta’ madwar €600,000 fid-dar ta’ wieħed mis-suspettati, €150,000 fl-appartament ta’ MEP u €750,000 f’bagalja, f’kamra ta’ lukanda fi Brussell.
Il-Pulizija Belġjana ppubblikat ritratt nhar it-Tlieta li juri munzelli ta’ karti tal-flus f’denominazzjonijiet ta’ €200, €50, €20 u €10.
Sorsi qalu li l-€150,000 instabu fl-appartament ta’ Kaili. Mistoqsi jekk dan kienx minnu, l-avukat tagħha qal: “M’għandix idea jekk instabux xi flus jew kemm instabu.”
Is-suspettati arrestati mill-pulizija Belġjana ġew akkużati b’“parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, ħasil ta’ flus u korruzzjoni”, qalu l-prosekuturi nhar il-Ħadd.
Tfittxijiet saru fl-Italja kif ukoll fi Brussell. Minn nhar il-Ġimgħa, ir-riżorsi tal-IT ta’ 10 impjegati parlamentari ġew “iffriżati” biex jipprevjenu l-għajbien tad-data meħtieġa għall-investigazzjoni.
Nhar il-Ġimgħa nżammu sitt persuni bħala parti mill-investigazzjonijiet.
It-tliet akkużati l-oħra huma kollha ċittadini Taljani. Is-sieħeb ta’ Kaili, Francesco Giorgi, li huwa assistent parlamentari, huwa fost dawk allegatament akkużati.
Skont rapport mill-BBC, sorsi qalu li l-eks MEP Pier Antonio Panzeri, li issa jmexxi l-grupp għad-drittijiet tal-bniedem Fight Impunity, huwa wkoll fost l-erba’. Allegatament, martu u bintu ġew arrestati wkoll. Is-Sur Giorgi qabel kien ħadem għalih bħala assistent parlamentari.
Is-suspettat l-ieħor, skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana Ansa, huwa Niccolò Figa-Talamanca. Huwa jmexxi lobby group No Peace Without Justice, li jinsab fl-istess bini f’Rue Ducale fil-kwartier Ewropew ta’ Brussell.
Il-kap tas-segretarju ġenerali tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions, Luca Visentini, ġie interrogat u wara nħeles. Qal li aktar tard kien seta’ jwieġeb il-mistoqsijiet kollha li sarulu.
Erba’ persuni mill-Parlament Ewropew ġew akkużati b’rabta ma’ investigazzjoni kontra l-korruzzjoni.
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili u tlieta oħra ġew akkużati u mitfugħin il-ħabs nhar il-Ħadd fil-Belġju, fost stħarriġ tal-pulizija dwar allegata korruzzjoni marbuta mal-Qatar.
Minn nhar il-Ġimgħa ġew arrestati sitt persuni fi Brussell wara li l-investigaturi għamlu diversi rejds ibbażati fuq suspetti ta’ pagamenti ta’ flus “sostanzjali” mill-istat tal-Gulf biex jinfluwenzaw lill-MPE.
Kaili, MPE Soċjalista Griega u waħda mill-14-il viċi president fil-korp leġiżlattiv Ewropew, ġiet akkużata b’korruzzjoni. Hija ġiet sospiża mill-partit tagħha u sanzjonata, u ġiet irtirata mid-dmirijiet, bħal tirrappreżenta lill-kap tal-parlament fil-Lvant Nofsani.
L-uffiċċju tal-prosekutur federali Belġjan ma semmiex il-pajjiż ikkonċernat, iżda sors qrib il-kwistjoni kkonferma mal-AFP li l-pajjiż huwa l-Qatar, kif ġie wkoll irrappurtat f’aġenziji tal-aħbarijiet oħrajn.
Għadhom mhumiex imsemmija t-tliet individwi l-oħra li ġew akkużati iżda f’midja barranija ġie rrappurtat li fosthom hemm leġiżlatur tal-UE u eks membru.
Il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew għandu pożizzjoni soda kontra l-korruzzjoni u għalkemm ma jistgħux jikkummentaw fuq l-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa, se jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinu l-kors tal-ġustizzja. Hija ssospendiet b’effett immedjat ukoll is-setgħat, id-dmirijiet u l-kompiti kollha li ngħataw lil Eva Kaili fil-kariga tagħha bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew.
Our @Europarl_EN stands firmly against corruption.
At this stage, we cannot comment on any ongoing investigations except to confirm that we have & will cooperate fully with all relevant law enforcement & judicial authorities.
We’ll do all we can to assist the course of justice.
L-allegazzjonijiet jaslu fi żmien sensittiv għall-Qatar hekk kif bħalissa qed jospita t-Tazza tad-Dinja, dan ukoll wara li diġà kellu jiġġieled kontra allegazzjonijiet ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem tal-ħaddiema migranti u l-komunità LGBTIQ+.
Is-seduti tas-suspettati dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus kienu għaddejjin fi Brussell fi tmiem il-ġimgħa, skont kelliem għall-uffiċċju tal-prosekutur federali. Tnejn mis-sitt arrestati ġew illiberati.
Clint Mansueto, Raul Antonio Pace u Philip Edrick Zammit qed jiġu akkużati b’korruzzjoni fit-testijiet tal-liċenzja tas-sewqan, għaldaqstant huma qed iwieġbu li mhumiex ħatja tal-akkużi.
Skont rapport minn TVMNews, eżaminatur tas-sewqan qal fil-Qorti li kien avżat ili jkollu jwieġeb lill-ministru jekk xi wieħed mill-kandidati indikati jeħel mit-test tal-liċenzja.
Roderick Cavallo li kien ix-xhud ewlieni fil-Qorti, xehed li dan ma kienx każ iżolat u li dawn l-istruzzjonijiet kienu jpoġġuh taħt pressjoni. Meta Roderick u oħrajn iddeċidew li jinvolvu l-unjin f’dawn il-każijiet, ġew injorati u t-talbiet waqfu 3 snin ilu.
Cavallo qal li Mansueto kien jagħtih l-istruzzjonijiet għax hu kien is-superjuri tiegħu. Dan iddikjara waqt li kien qed iwieġeb fil-kontro-eżami.
il-Maġistrat Rachel Montebello, fi tmiem is-seduta, qalet li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jgħaddu ġuri.
Il-Partit Nazzjonalista rrefera bi stqarrija għax-xhieda fil-qorti fil-każ ta’ allegat korruzzjoni fit-testijiet tal-liċenzji tas-sewqan.
il-Prim Ministru għadu ma kkonfermax min hu l-ministru u lanqas jekk hux beħsiebu jieħu passi fil-konfront tiegħu, għalkemm, il-kelliem għat trasport, Adrian Delia qal li fil-qorti komplew joħorġu aktar dettalji fosthom dwar l-indħil ta’ mill-anqas Ministru wieħed,
Ġie appellat lill-Ministru konċernat biex jerfa’ r-responsabilità politika u jirriżenja sakemm inaddaf ismu.
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.