Select Page
Riċetta: Tiġieġ bil-Kari u Ħalib tal-Coconut stil Tajlandiż

Riċetta: Tiġieġ bil-Kari u Ħalib tal-Coconut stil Tajlandiż

Ingredjenti (għal żewġ porzjonijiet):

Żewġ imgħaref coconut oil (jew żejt taż-żebbuġa)

Basla kbira, imqatta’ rqiqa

500g sider tat-tiġieġ bla għadam u bla ġilda, u mqatta’ f’biċċiet bitesized

Tliet sinniet tewm, imqatta’ rqiq ħafna

Żewġ kuċċarini ġinġer midħun

Żewġ kuċċarini kosbor midħun

Bott ħalib tal-coconut

Żewġ karrotti maħkuka

Tliet imgħaref pejst tal-kari aħmar Tajlandiż, (jew trab tal-kari)

Kuċċarina melħ

Nofs kuċċarina bżar

Daqs tliet kikkri weraq tal-ispinaċi friski

Mgħarfa meraq tal-lumi

Żewġ imgħaref zokkor ismar

Żewġ imgħaref kosbor frisk, imqatta’ għat-tiżjin

Metodu:

  • F’taġen kbir, żid iż-żejt, il-basla, u sajjar fuq nar medju sakemm il-basla tibda tirtab, madwar 5 minuti, ħawwad spiss.
  • Żid it-tiġieġ u sajjar għal madwar 5 minuti, jew sakemm it-tiġieġ ikun sar sew; aqleb u ħawwad spiss biex tiżgura li jsir sew.
  • Żid it-tewm, il-ġinġer, il-kosbor, u sajjar għal madwar żewġ minuti, jew sakemm jibda jfuħ. Ħawwad spiss.
  • Żid il-ħalib tal-coconut, il-karrotti, il-pejst tal-kari Tajlandiż, il-melħ, il-bżar, u ħawwad biex tgħaqqad.
  • Naqqas in-nar għal baxx, u ħalli t-taħlita ttektek bil-mod għal madwar 5 minuti, jew sakemm il-volum tal-likwidu jkun naqas kemm mixtieq u jagħqad ftit.
  • Żid l-ispinaċi, il-meraq tal-lumi, u ħawwad biex tgħaqqad. Sajjar sakemm l-ispinaċi jkun idbiel u jkun sar artab, madwar żewġ minuti.
  • Żid iz-zokkor ismar u ħawwad sew.
  • Roxx il-kosbor frisk fil-wiċċ u servi immedjatament fuq ross jew ma’ ħobż naan.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Creamy Mushroom Spaghetti with a Crunchy Beef Topping

Riċetta: Creamy Mushroom Spaghetti with a Crunchy Beef Topping

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

400g spagetti

200g laħam taċ-ċanga, imqatta’ f’biċċiet żgħar

Żewġ imgħaref dqiq

Kuċċarina kari

Nofs kuċċarina melħ

Nofs kuċċarina bżar

Kwart ta’ kuċċarrina mixed spice

Kwart ta’ kuċċarina ħabaq niexef

Niskata salvja niexfa

Mgħarfa butir

300g faqqiegħ imqatta’

4 tewmiet mit-twil, imqatta’ rqiq

4 spring onions, imqatta’ rqaq

Niskata melħ u niskata bżar

Żewġt imgħaref inbid aħmar

Mgħarfa HP sauce

Kuċċarina żejt

200ml krema friska

100g ġobon maħkuk

Ftit kosbora friska mqatta’ biex iżejjen.

Metodu:

  • Ibda billi tħallat flimkien id-dqiq, il-kari, is-salvja, il-mixed spice, il-ħabaq u l-bżar u l-melħ ġo skutella.
  • Żid il-biċċiet tal-laħam imqatta’ żgħar u ħallat sew sakemm tara li l-laħam ikun miksi sew bit-taħlita tad-dqiq.
  • Għatti l-iskutella u poġġiha fil-friġġ għal mill-anqas nofsiegħa.
  • Itfa’ borma bl-ilma fuq in-nar biex tgħalli l-ispagetti.
  • Ġo taġen poġġi ż-żejt, l-HP sauce, l-inbid, u l-bżar u l-melħ.
  • Poġġi t-taġen fuq nar medju u ħallih jisħon ftit sakemm itir l-alkoħol tal-inbid.
  • Żid il-faqqiegħ, il-basal, u t-tewm. Ħawwad u ħallih fuq in-nar sakemm il-faqqiegħ isir artab. Kultant tih taħwida.
  • Kif tara li sar, warrab it-taħlita tal-faqqiegħ ġo platt.
  • Fl-istess taġen saħħan il-butir, u kif jisħon sew, żid il-laħam u aqlih fuq nar medju waqt li tħawwad spiss sakemm il-biċċiet tal-laħam isiru iqarmċu. Madwar 15 u 20 minuta.
  • Sadanittant il-misħun ikun għala. Itfa’ l-ispagetti biex isir, għal 12-il minuta.
  • Kif isir l-ispagetti, saffih u erġa’ itfgħu mill-ewwel ġol-borma.
  • Żidlu l-ġobon maħluk, il-krema friska, u t-taħlita tal-faqqiegħ.
  • Poġġi l-borma fuq nar baxx kemm jista’ jkun u ħawwad kontinwament għal 3 minuti sakemm jitħallat kollox.
  • Qassam fuq platti immedjatament. Żid ftit mil-laħam iqarmeċ fuq kull platt u żejjen il-wiċċ bil-kosbora mqatta’.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Insalata tal-Patata bil-Bejken

Riċetta: Insalata tal-Patata bil-Bejken

Din l-insalata tajba anke sħuna bħala kontorn ma’ xi platt tal-laħam.

Għandek bżonn (għal 4 porzjonijiet):

4 patatiet kbar
Basla kbira mqatta’ rqiqa
4 slices bejken, imqattgħin f’biċċiet żgħar
Mgħarfa tewm imqatta’ fin ħafna
Kuċċarina żerriegħa tal-kosbor
Kuċċarina żrieragħ tal-kemmun
Kuċċarina oregano
Niskata bżar
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
Mgħarfa sherry vinegar
Mgħarfa kosbor imqatta’ frisk biex iżżejjen

Metodu:

  • Qaxxar u agħlli l-patata. Tħallihomx jirtabu wisq.
  • Saffi l-patata u ħalliha tibred, u mbagħad qattagħha f’biċċiet kbar.
  • F’taġen nonstick, aqli l-bejken, il-basla u t-tewm sakemm il-basla tirtab u l-bejken isir iqarmeċ.
  • M’hemmx bżonn ta’ żejt għax huma jsiru fix-xaħam li joħroġ mill-bejken stess.
  • Neħħi l-bejken, il-basla u t-tewm mit-taġen u poġġihom ġo skutella kbira.
  • Fl-istess taġen, żid iż-żerriegħa tal-kosbor, iż-żerriegħa tal-kemmun, l-oregano u l-bżar.
  • Qallihom għal żewġ minuti, u ħawwad kontinwament biex ma jeħlux u toħrog sew l-aroma taghħom.
  • Neħħi minn fuq in-nar u żidhom mat-taħlita tal-bejken.
  • Imbagħad żid ukoll il-patata ġol-iskutella.
  • Żid iż-żejt u l-ħall u ħawwad sew biex tiksi l-patata bit-taħlita u l-ħxejjex aromatiċi kollha.
  • Żejjen bil-kosbor frisk.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Żibeġ bil-Ħaruf stil Għarbi

Riċetta: Żibeġ bil-Ħaruf stil Għarbi

Ir-riċetta tal-lum hi ispirata minn riċetta Libjana bl-isem ta’ Maccarona Libiya.

Għandek bżonn (għal 4 porzjonijiet):

700g għaġin Ditali
400g kapuljat tal-ħaruf
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
Basla kbira, mqatta’ rqiqa
4 sinniet tewm, imqattgħin irqaq
Mgħarfa kemmun
Mgħarfa kosbor
Mgħarfa turmeric
Mgħarfa mixed spice
Tnejn bżar aħmar imnaddfin miż-żerriegħa u mqattgħin irqaq, jew mgħarfa chilli flakes
Bott (400g) kunserva
Bott (400g) meraq tat-tadam (puree)
Kuċċarina zokkor
700ml ilma
Kuċċarina melħ

Metodu:

  • Saħħan iż-żejt ġo borma kbira.
  • Imbagħad baxxi n-nar u żid il-basla, it-tewm, il-kemmun, il-melħ, il-kosbor, it-turmeric, il-ħwawar imħallta, u l-bżar aħmar.
  • Fuq nar baxx ħawwad għal ftit minuti sakemm il-basla tirtab.
  • Jekk it-taħlita ssir niexfa wisq, tista’ żżid mgħarfa ilma sħun.
  • Imbagħad żid il-kapuljat tal-ħaruf u kompli aqli għal 5 minuti.
  • Ħawwad spiss ħalli ma jibqalekx biċċiet kbar tal-kapuljat.
  • Meta l-ħaruf jibda jieħu kulur kannella, żid il-kunserva, il-puree tat-tadam u z-zokkor.
  • Ħawwad sewwa u ħallih itektek għal 2 minuti.
  • Żid l-ilma u erġa’ ħawwad. Sajjar fuq nar qawwi sakemm iz-zalza tibda tiftaħ tagħli.
  • Imbagħad baxxi n-nar, agħtti l-borma u ħalliha ttektek għal mill-inqas nofs siegħa u tiha taħwida minn ħin għal ħin. Aktar ma tħalliha ttektek aktar se toħroġ it-togħma tal-ħwawar.
  • Wara nofs siegħa jew aktar, żid in-nar sakemm iz-zalza tibda tagħli.
  • Imbagħad żid id-ditali nej u sajjar mikxuf fuq nar baxx, waqt li tħawwad spiss.
  • Ħallih isir għal madwar 15-il minuta jew sakemm l-għaġin isir ‘al dente’, u l-parti l-kbira taz-zalza tkun ġiet assorbita.
  • Servi immedjatament.
  • Żejjen bi bżar u ġobon maħkuk friski, u tursin jew kosbor frisk imqatta’.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Majjal bil-Coconut u l-Kari

Riċetta: Majjal bil-Coconut u l-Kari

Għandek bżonn (għal 4 porzjonijiet):

500g majjal, maqtugħ f’biċċiet bitesized
200ml ilma
Mgħarfa żejt
Nofs kuċċarina żerriegħa tal-mustarda
Mgħarfa tewm midħun
Mgħarfa ġinġer maħkuk
Żewġ basliet imqatta’ rqaq
4 bżar jaħraq (Ħallihom sħaħ imma fellilhom min-naħa waħda)
Landa (400ml) coconut milk

Mgħarfa Kemmun
Mgħarfa Garam masala
Żewġ imgħaref Kari jaħraq
Żewġ imgħaref Kosbor
Żewġ imgħaref Turmeric
Nofs kuċċarina bżar
Nofs kuċċarina melħ

Metodu:

  • Saħħan iż-żejt f’taġen fond.
  • Żid iż-żerriegħa tal-mustarda, il-ġinġer, il-kari, il-kosbor, it-turmeric, il-bżar, il-melħ, il-kemmun u l-garam masala.

Nota: Jien nħobb inħallat il-ħwawar kollha flimkien f’tazza qabel.

  • Ħawwad kontinwament għal minuta fuq nar baxx.
  • Żid il-basal, it-tewm u l-bżar l-aħmar.
  • Kompli sajjar fuq nar baxx sakemm il-basal isir artab u jibda jieħu kulur kannella.
  • Issa żid il-biċċiet tal-majjal u kompli aqli għal 5 minuti, waqt li tħawwad spiss.
  • Żid l-ilma u agħtti t-taġen.
  • Ħallih itektek fuq nar baxx għal 30 minuta u kultant tiħ taħwida.
  • Wara li jgħaddu t-30 minuta, żid il-coconut milk u ħawwad sewwa.
  • Ħallih fuq in-nar sakemm tara li ħa jibda jagħli.
  • Neħħih minn fuq in-nar u servi fuq noodles jew ross.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks