Filmat: X’kellha xi tgħid l-attriċi Rita Camilleri dwar Lino Grech?

Filmat: X’kellha xi tgħid l-attriċi Rita Camilleri dwar Lino Grech?

Nitkellmu ma’ Rita Camilleri

Rita, bħalissa qed tinterpreta l-karattru ta’ Anġela fuq Sorelle. Liema kienet l-aktar xena li ħadt gost tagħmel? U x’sibt l-aktar ta’ sfida b’dan il-karattru?

L-aktar xena li ħadt pjaċir nagħmel kienet meta mort infittex lil Steve u fl-aħħar arrestajnieh. Bħala sfida huwa l-fatt li Anġela ma tibża’ minn xejn mhux bħali!!

Hemm similaritajiet bejn il-karattru ta’ Anġela u tiegħek personali? F’liema sitwazzjonijiet taħseb li kont taġixxi differenti minnha?

Naħseb l-unika ħaġa simili li għandi ma’ Anġela hija l-imħabba li għandha hi lejn bintha u jien lejn ibni. Li kont naġixxi differenti naħseb dwar il-fatt li hi ma tridx li tmur tfittex lil missierha għat-trapjant.

Kif intlaqa’ min-nies dan il-karattru?

Milli jgħiduli intgħoġob ħafna u jammirawha.

Meqjusa bħala waħda mill-atturi veterani ta’ pajjiżna. Kemm ilek attriċi?

L-ewwel darba li tlajt fuq il-palk imma m’għidt xejn!! Kelli 4 snin, id-DePorres.

Kif nibtet l-imħabba tiegħek għar-reċtar?

Naħseb minn dakinhar, kull meta nitla’ fuq il-palk inkun f’dinja oħra.

Kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attriċi?

Konna nkunu d-DePorres għax iż-zijiet li trabbejt magħhom kienu jgħinu hemm u kien hemm kumpanija li ttella’ l-plays li kellha bżonn tifla għall-aħħar xena u z-ziju qallu bija!

Liema kienet l-ewwel produzzjoni teatrali li ħadt sehem fiha?

Ta’ 6 snin Fr Bjorn kien kiteb buzette għall-konkors li kellu jsir għat-tfal u dan kien jismu “Taqtigħ il-Qalb” u konna ġejna t-tielet.

Teatru jew televiżjoni? U għaliex?

Teatru, is-sensazzjoni li tħoss meta titla’ fuq il-palk, l-eċitament u l-feedback tan-nies, ma ssibhomx fil-filming.

Mill-karattri kollha li ħdimt s’issa, liema minnhom taħseb li ħalla l-aktar impatt fuq in-nies?

Għalija l-aktar karattru li ħalla impatt kien il-karattru ta’ Filumena. Permezz ta’ dan il-karattru tara l-imħabba tal-omm xi twassalha tagħmel.

U liem minnhom ħalla l-aktar impatt fuqek personali?

Ikolli nammetti li l-karattru ta’ Filumena huwa l-aktar karattru li ħalla impatt fuqi personali wkoll. L-omm ma tieqaf qatt taħseb fuq uliedha, anki meta jikbru.

X’tiftakar dwar preparamenti ta’ produzzjonijiet li ħadt sehem fihom fil-bidu tal-karriera tiegħek? U x’differenzi tara minn dak iż-żmien għal-lum?

Ilum ħafna aħjar għax għandek ir-riklamar jgħin ħafna u l-production houses qed jinvestu f’aktar equipment pereżempju f’produzzjoni minnhom ħdimna b’erba’ kameras allura ħadna take waħda mhux xi 6 jew 7 takes. Issa ħafna aktar faċli, l-ewwel darba li ħadt sehem fuq it-TV kelli 10 snin, dak iż-żmien jekk tagħmel żball terġa’ tibda x-xena mill-ġdid!! Illum ovvja bit-teknoloġija ġdida nagħmel dik il-biċċa biss. Illum ħafna aħjar!!

Semmilna wħud mill-memorji l-aktar li tgħożż ma’ atturi veterani li m’għadhomx magħna..

Naħseb l-aktar għal qalbi huma l-memorji ta’ Lino Grech. Niftakar konna nkunu qed nagħmlu play l-institute u tarah waqt il-provi jagħmel il-karattri kollha, litteralment jinbidel quddiem għajnejk.

Irrakkuntalna praspura li għamilt jew ġratlek relatata mar-reċtar..

Nifftakar konna qed nagħmlu kummiedja l-Manoel meta wieħed mill atturi kien ħa joħroġ fuq il-palk marritlu l-buttuna tax-shorts, irid joħroġ u ma jistax għax ħa jaqalu ix-shorts u dak il-ħin qbadt hairpin u rnexxili nżommlu x-shorts milli jaqalu u mbuttajtu ‘l barra għal fuq il-palk. Dawk is-sekondi rajnihom sigħat.

‘Il bogħod mir-reċtar, min hi Rita Camilleri? Kif tiddeskrivi lilek innifsek?

Issa jien irtirata u nieħu pjaċir insib il-ħin għall-passatempi li qabel ma tantx kelli ċans għalihom. Jien omm u minn sena u tlett xhur ilu sirt nanna ta’ baby Alex. Nipprova nkun pożittiva kemm nista’ avolja l-ħajja mhux dejjem tħallini.

Qattajt parti kbira minn ħajtek mas-Salesjani. X’impatt ħalla fuq ħajtek dan?

Impatt qawwi, għalija s-Salesjani huma t-tieni familja tiegħi, qattajt parti kbira minn ħajti hemm u bil-ħila tagħhom wasalt fejn wasalt fit-teatru.

X’jagħtik l-aktar sodisfazzjon f’ħajtek?

Meta nkun mal-familja, ma’ huti u l-familji tagħhom, hemm inkun fil-ġenna tal-art.

Persuni li jispirawk kemm fil-karriera tiegħek ta’ attriċi kif ukoll personali…

Bħala attur jew direttur, kif semmejt fuq Lino Grech, u kelli tutor id-drama school li llum sfortunatament m’għadhiex magħna Ethel Farrugia. U personalment iz-ziju li kien rabbieni, dejjem bil-kelma t-tajba, u dejjem għallimni nipprova nara t-tajjeb f’kulħadd.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

Bla dubju l-isbaħ mument kien meta sirt omm u wara meta sirt nanna. L-agħar mument f’ħajti li ħalla impatt ikrah kien meta sena u nofs ilu konna miseries ma’ oħti u waqgħet u mietet quddiemi. Xena li tmur qatt minn quddiem għajnejja.

X’inhi l-akbar lezzjoni li tgħallimt mill-ħajja s’issa?

Li għandek tgħix il-mument u tgħid lil dak li jkun li tħobb għax meta jiġri kif ġara lilna mbagħad wara jkun tard wisq.

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiva dwarhom? U għaliex?

Fejn jidħol l-abort, suġġett naqra delikat imma jweġġagħni ħafna u meta naf li hawn tant koppji li jixtiequ t-tfal u ma jistgħux, u qtil ta’ kreaturi innoċenti ma niflaħiex. It-tfal barka jġibu.

Hemm xi ħaġa li dejjem xtaqt tagħmel u għad ma kellekx l-opportunità li tagħmilha?

Nixtieq nitgħallem aktar crafts u meta kont iżgħar dejjem xtaqt nidħol pulizija imma d-daddy ma ħallinix għax hu kien pulizija u ma ridnix!

Kif jirnexxilek tagħraf il-pożittività tal-ħajja?

Meta nara l-kuraġġ tan-nies li huma inqas ixxurtjati minni ngħid jien għandi saħħti, il-familja b’saħħitha u għandi saqaf fuq rasi, hemm tiġini s-saħħa li nkun pożittiva.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi?

Nixtieq ngħid grazzi lil kull min jibgħatli l-messaġġi, u kliem li jinkoraġġuni u grazzi kbira lil dawk kollha li kienu hemm għalija fl-agħar mumenti ta’ ħajti.

Enable Notifications OK No thanks