Select Page
Jason Azzopardi jagħmel diversi allegazzjonijiet dwar Bernard Grech u jirriżenja mill-PN

Jason Azzopardi jagħmel diversi allegazzjonijiet dwar Bernard Grech u jirriżenja mill-PN

Ilbieraħ, Jason Azzopardi iddikjara li ta r-riżenja tiegħu minn membru tal-Partit Nazzjonalista lis-Segretarju Ġenerali tal-PN.

Huwa żvela dan permezz ta’ post li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu fejn fl-istess post, b’mod dettaljat spjega dwar ikla li saret fl-ewwel jiem ta’ Diċembru 2021, fejn skont hu, il-Kap tal-PN Bernard Grech iltaqa’ ma’ numru żgħir ta’ negozjanti, li fosthom kien hemm żewġt negozjanti irġiel, it-tnejn qraba mill-viċin ta’ persuna li tinsab għaddejja proċeduri kriminali b’konnessjoni ma’ assassinju.

Azzopardi qal li f’din il-laqgħa kien hemm ukoll preżenti kuntrattur u sid ta’ negozju kbir ta’ appliances. Huwa stqarr li dawn iż-żewġt iqraba tal-persuna akkużata li kienu preżenti mhumiex parti min-negozju tat-Tumas Group.

L-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi żied jgħid li f’din l-ikla, il-Kap tal-PN ingħata donazzjoni ta’ flus għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN li saret ftit jiem biss wara.

Semma wkoll li ġie infurmat li qabel ma bdiet din l-ikla, il-Kap tal-PN ittieħed fil-ġenb minn dawn iż-żewġt iqraba li semmewlu s-suġġett ta’ proklama għal dan l-akkużat. Is-sorsi li tkellmu ma’ Jason Azzopardi qalulu li l-Kap tal-PN ta assigurazzjoni li kieku kellu jkun Prim Ministru kien ikun dispost jirrakkomanda l-għoti tal-proklama f’dan il-każ.

Jason qal li jaf ukoll li n-negozjant li jbigħ l-appliances li kien preżenti, ismu jibda bl-“O” qal lil Kap tal-PN, waqt l-istess ikla, li ma kienx se jivvota lill-Partit Nazzjonalista sakemm ikun hemm Jason Azzopardi.

Skont Jason, it-tweġiba li l-Kap tal-PN tah kienet: “inti kellimni wara l-elezzjoni.”

Filwaqt li sostna li ma jistax jikxef is-sorsi għal raġunijiet li ma jistax jesprimi pubblikament, Jason qal li dan kollu sar jafu minn tliet sorsi differenti li għandhom aċċess dirett għal min ħa sehem fl-ikla, għaż-żewġt iqraba u għan-negozjant.

Saħaq li hu tahom il-kelma li jipproteġi l-kunfidenzjalità u hekk se jagħmel, jiġri x’jiġri.

Azzopardi fakkar li f’okkażjonijiet differenti fl-2021, il-Kap tal-PN pubblikament esprima l-fehma li dan l-akkużat għandu jingħata l-proklama, xi ħaġa li hu ma jaqbilx magħha u kien ukoll esprimi ruħu dwar dan.

Għal Jason, din mhix imġiba aċċettabbli. Fil-fehma tiegħu, il-politiċi kollha għandhom joqogħdu attenti li ma jagħmlu xejn li jista’ jagħti l-impressjoni li lesti jagħmlu kompromessi ma’ mafjużi. Huwa qal li għall-kriminali, l-unika udjenza li jista’ jkollhom hi l-qrati, mhux il-Partiti. Agħar minn hekk, tingħata l-impressjoni li l-ħtieġa tal-partiti li jiġbru l-flus mingħand min jiflaħ iħallas tagħti xi aċċess preferenzjali lill-kriminali sinjuri, żied jgħid Jason.

Huwa qal li l-Kap tal-PN biss jaf jekk id-deċiżjoni tiegħu li pubblikament jargumenta favur il-proklama għal dan l-individwu kinitx riżultat ta’ donazzjonijiet li ngħata jew iż-żewġ affarijiet humiex separati u m’għandhomx x’jaqsmu.

Jason sostna li internament kien ikkritika kif iż-żewġ affarijiet, l-assigurazzjoni lill-qraba tal-akkużat, u d-dikjarazzjoni pubblika favur il-Proklama, ikkonfermaw il-vulnerabbiltà tal-politika għall-indħil tal-kriminali.

Żied jgħid li minflok illimita ruħu għall-kritika interna, għamel il-kritika b’mod pubbliku meta skont Jason, l-isforz ta’ ħafna xhur biex jiġi eskluż mill-PN laħaq il-qofol tiegħu meta l-Kap tal-PN iddikjara jew implika pubblikament li Jason Azzopardi huwa “skadut”. B’referenza għad-diskors li Bernard Grech qal f’intervista, li kulħadd għandu expiry date fil-politika, inkluż hu

Skont Jason, b’dik l-istqarrija sar ċar għal kulħadd li l-PN ma jridx iħalli aktar spazju lil min għalih id-distanza bejn il-politika u min juża flusu biex jixtri privileġġi ‘l fuq mil-liġi hu prinċipju li miegħu ma jsirux kompromessi u allura ma baqgħetx possibbli għalih li jagħmel kritika interna.

Jason Azzopardi qal li b’qalbu maqsuma, jirrikonoxxi għal kollox x’ried ifisser il-Kap tal-PN meta qal li Jason u allura min jifhimha bħalu hu skadut u eskluż mill-Partit Nazzjonalista.

Żied jgħid li bi kliemu u għemilu, Bernard Grech għamlu orfni politiku, u stqarr li llum qed jifhem ħafna li dawk li jgħidu li m’għadhomx jagħrfu l-PN, il-Partit li kienu jgħożżu u li issa rendihom orfni politiċi.

Huwa sostna li bid-deċiżjoni li ħa, se jevita lin-nies ta’ rieda tajba fil-PN, li saħaq li hemm ħafna nies ta’ rieda tajba, il-proċess skabruż li jgħadduh ġuri għall-fehmiet tiegħu u minflok iddeċieda li jirriżenja mill-PN.

Jason issieħeb fil-PN meta kellu biss 17-il sena u stqarr li qatt ma ħaseb li kien se jasal jagħmel din l-azzjoni.

“Minn dakinhar tajt ħajti għall-missjoni tal-PN, servejt, mhux mingħajr żbalji, fir-rwoli, karigi u uffiċċji differenti, imma żgur mingħajr qatt ma fittixt l-interess personali, u rajt li l-politika tkun hemm biex taqdi lil kulħadd mhux lil min, għax għandu ħafna flus, jara li l-liġi tinkiteb jew titħaddem biex taqdi lilu”

Jason Azzopardi

Minkejja li ammetta li żbalji u difetti kellu u għad għandu, huwa qal li l-integrità tiegħu baqgħet mhux mimsusa. “La qatt kont għall-bejgħ u lanqas ħa nħalli lil min ibigħni.”

Żied jgħid li minkejja li skont Bernard Grech hu skadut, se jżomm sod mal-valuri tiegħu u li sa ftit ilu kienu tal-PN, “li l-ġustizzja trid issir u li kulħadd hu l-istess quddiem il-liġi irrispettivament minn kemm għandu flus u aċċess għall-politiċi.”

Fl-istess waqt, esprima t-tama li l-PN u l-Kap tiegħu jirrikonoxxu li f’dan l-episodju seħħew żbalji serji li jridu jiġu indirizzati u qatt ripetuti.

Ikkonkluda billi qal li kull min fil-politika ġenwinament jistinka għall-ġustizzja, dejjem se jsib l-appoġġ tiegħu, hu min hu u ġej minn fejn ġej.

Fl-aħħarnett Jason Azzopardi qal li jittama li ħadd ma jgħaddi minn dak li jien għadda minnu fl-aħħar xhur.

“L-Ewropa ma tibżax mir-Russja u mhix se tiġi rikattata” – Roberta Metsola

“L-Ewropa ma tibżax mir-Russja u mhix se tiġi rikattata” – Roberta Metsola

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa ma tibżax mir-Russja u mhix se tiġi rikattata.

Dan wara d-deċiżjoni tal-Kremlin li jaqta’ l-provvisti tal-gass lil żewġ stati membri tal-UE

F’post fuq il-midja soċjali tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li din id-deċiżjoni hija eskalazzjoni kkalkulata tal-invażjoni illegali, mhux ġustifikata u kriminali tiegħu fl-Ukrajna u li tikkonferma li għall-Kremlin, l-enerġija dejjem kienet għodda politika biex teżerċita influwenza.

Hija għal darb’oħra reġgħet saħqet dwar l-importanza li l-Ewropa trid tkun kapaċi tħaddem l-industriji tal-enerġija mingħajr ma tiddependi fuq il-Kremlin.

Saħqet li wasal iż-żmien li l-Ewropa tingħaqad flimkien u tinvesti mill-ġdid f’enerġiji rinnovabbli, diversifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-enerġija, sanzjonijiet ulterjuri u aktar profondi fuq ir-Russja filwaqt li żżid l-appoġġ għall-Ukrajna.


Metsola qalet li r-Russja ma tistax tkun kemm membru ta’ fiduċja tal-komunità internazzjonali kif ukoll aggressur li jwettaq reati tal-gwerra.

Issa huwa reat kriminali għall-ajruplani Russi li jidħlu fl-ispazju tal-ajru Brittaniku

Issa huwa reat kriminali għall-ajruplani Russi li jidħlu fl-ispazju tal-ajru Brittaniku

Ir-Renju Unit għamilha reat kriminali li ajruplani Russi jidħlu fl-ispazju tal-ajru Brittaniku bħala parti minn aktar sanzjonijiet kontra Moska għall-invażjoni tagħha fl-Ukrajna.

Meta bdiet l-invażjoni tar-Russja fl-24 ta’ Frar, il-Gran Brittanja inizjalment ipprojbixxiet kwalunkwe linja tal-ajru konnessa mar-Russja jew li hija rreġistrata fir-Russja.

Din l-aħħar mossa tpoġġi l-kwistjoni f’idejn il-pulizija aktar milli l-awtoritajiet tal-avjazzjoni.

Sanzjonijiet kummerċjali ġodda li jipprojbixxu l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija relatati mal-avjazzjoni u l-ispazju lejn ir-Russja tħabbru mill-Uffiċċju tal-Affarijiet Barranin, tal-Commonwealth u tal-Iżvilupp.

Dawn jinkludu l-kanċellazzjonijiet tal-poloz tal-assigurazzjoni fis-settur u l-projbizzjoni tal-assiguraturi tar-Renju Unit milli jħallsu pretensjonijiet.

Rapporti jiżvelaw li l-Papa Emeritus Benedittu naqas milli jieħu azzjoni fuq każi ta’ abbuż sesswali

Rapporti jiżvelaw li l-Papa Emeritus Benedittu naqas milli jieħu azzjoni fuq każi ta’ abbuż sesswali

Investigazzjoni Ġermaniża fil-Knisja Kattolika żvelat li l-Papa Emeritus Benedittu XVI naqas milli jieħu azzjoni fuq erba’ każijiet ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal meta kien Arċisqof ta’ Munich.

Il-Papa Emeritus Benedittu, li dak iż-żmien kien jissejjaħ b’ismu, Josef Ratzinger, żamm il-kariga mill-1977 sal-1982.

Minkejja li huwa ċaħad l-akkużi, rapporti ġodda dwar allegazzjonijiet ta’ abbuż komplew isostnu l-akkużi.

Allegatament, l-abbuż kompla taħt il-mandat tiegħu, u l-qassisin akkużati baqgħu attivi fir-rwol tal-knisja.

F’każ minnhom, huwa allegat li l-Papa Emeritus kien jaf b’qassis akkużat li abbuża minn subien li ġie trasferit fid-djoċesi tiegħu, iżda li mbagħad baqa’ jaħdem fir-rwoli oħra pastorali, li ħafna drabi jinvolvu li jżuru u jissapportjaw nies fil-komunità.

Filwaqt li esprima s-sapport tiegħu għall-vittmi kollha ta’ abbuż minn saċerdoti, fi stqarrija l-Vatikan qal li se jeżamina d-dettalji tar-rapport ladarba jkun ġie ppubblikat.

Il-Papa Emeritus, li llum għandu 94 sena, sar l-ewwel mexxej tal-knisja li rriżenja f’aktar minn 600 sena fl-2013. Minn dakinhar huwa għex ħajja kwieta fil-Belt tal-Vatikan.

Rapport preċedenti dwar l-abbużi sesswali fil-Ġermanja kkonkluda li aktar minn 3,600 ruħ madwar il-pajjiż kollu kienu ġew abbużati minn membri tal-kleru bejn l-1946 u l-2014. Ħafna mill-vittmi kienu subien żgħar ħafna.

Ir-rapport il-ġdid li huwa bbażat fuq iż-żoni ta’ Munich u Freising sab speċifikament mill-inqas 497 vittma ta’ abbuż mill-1945 sal-2019.

Minbarra l-Papa Emeritus, ir-rapport ikkritika membri oħra tal-knisja, fosthom l-Arċisqof attwali tar-reġjun, il-Kardinal Reinhard Marx. Huwa nstab ħati li naqas milli jaġixxi f’żewġ każi ta’ allegat abbuż.

Il-Kardinal diġà offra r-riżenja tiegħu lill-Papa Franġisku f’Ġunju tal-2021, u qal li għandu jaqsam ir-responsabbiltà li għall-“katastrofi” tal-każijiet ta’ abbuż li kienu qed jiġu żvelati.

Madankollu, il-Papa Franġisku rrifjuta li jaċċetta r-riżenja.

Jiem qabel, il-Papa Franġisku kien biddel il-liġijiet kriminali tal-Vatikan, u saħħaħ il-pożizzjoni tal-Knisja dwar l-abbuż sesswali.

Il-pazjent li twaħħlitlu qalb ta’ ħanżir kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel u ħallieh paralizzat

Il-pazjent li twaħħlitlu qalb ta’ ħanżir kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel u ħallieh paralizzat

Ir-raġel li rċieva trapjant ta’ qalb ta’ ħanżir għall-ewwel darba fid-dinja kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel u ħallieh paralizzat.

Il-familja tal-vittma żvelat li David Bennett, ta’ 57 sena, kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil Edward Shumaker fl-1988 u ħallieh paralizzat.

Oħt il-vittma, Leslie Shumaker Downey qalet li ħuha miet fl-2007, wara kważi 20 sena ta’ kumplikazzjonijiet mediċi marbuta mal-attakk.

Hija qalet li David Bennett ma kienx denju biex jirċievi t-trapjant. Madanakollu t-tim li għamel l-operazzjoni qal li r-rekord kriminali ta’ xi ħadd qatt ma jista’ jkun raġuni biex jiġi rrifjutat trattament.

L-attakk seħħ f’April tal-1988 meta mart Bennett poġġiet fuq ħoġor Shumaker, li dak iż-żmien kellu 22 sena qalet oħt il-vittma.

Hija qalet li f’mument ta’ għira u rabja, Bennett ta’ daqqiet ta’ sikkina lil Shumaker f’dahru ripetutament.

Bennett instab ħati u ġie kkundannat 10 snin ħabs.

Bħalissa, David Bennett qed jirkupra wara l-proċedura sperimentali ta’ seba’ sigħat f’Baltimore.

It-trapjant kien meqjus bħala l-aħħar tama li ssalva l-ħajja ta’ Bennett, għalkemm għadu mhux ċar kemm din il-proċedura se ttawwal il-ħajja tal-pazjent.

Oħt Shumaker qalet li Bennett qed jiġi mpinġi bħala eroj u pijunier meta fil-verità mhuwiex. Żiedet tgħid li t-tifħir għandu jkun għat-tobba li rnexxielhom jagħmlu operazzjoni bħal dik u mhux għal Bennett.

Shumaker kien juża siġġu tar-roti wara l-attakk, qabel ma tatu puplesija fl-2005 u miet sentejn wara.

Enable Notifications    OK No thanks