by skoperta.net | 31/Aug/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Ma nistgħux, ma niffaċċjawx ir-realtà! Aktar ma jgħaddu l-ġranet, il-faqar qed jiżdied b’rata mgħaġla kemm madwar id-dinja kif ukoll fuq il-gżira żgħira tagħna. Żgur li f’ħajjitna rajna, smajna u missejna l-faqar b’idejna.
Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet, partikolarment tal-ikel, qed toħloq problema kbira madwar id-dinja, speċjalment fl-Ewropa.
Ir-raġunijiet li wasslu għal din il-kriżi huma diversi iżda ż-żewġ raġunijiet ewlenin huma l-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra ta’ bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li issa ilha għaddejja għal 6 xhur sħaħ.
Esperti jwissu li jekk ma jittiħdux l-azzjonijiet neċessarji din il-problema tista’ teskala għal kriżi dinjija ferm akbar, speċjalment għal dawk li diġà jgħixu fil-faqar.
Għalhekk irridu nagħmlu xi ħaġa!
Il-faqar huwa li ma jkollokx biżżejjed flus biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi inklużi l-ikel, il-ħwejjeġ u l-kenn. Madankollu, il-faqar huwa ferm aktar milli sempliċement ma jkollokx biżżejjed flus. L-Organizzazzjoni tal-Bank Dinji tiddeskrivi l-faqar b’dan il-mod: “Il-faqar huwa ġuħ!”
Fost dan kollu, tqum ukoll il-kontroversja li ħafna jsostnu li sidien ta’ negozji jagħżlu li japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni u jgħollu l-prezzijiet aktar milli huwa meħtieġ.
Imma l-gvern qiegħed jagħmel biżżejjed? In-nies huma konxji biżżejjed ta’ dak li qed iseħħ madwarna? irridu nadattaw għal stil ta’ ħajja ġdida b’aktar sagrifiċċji?
Dik l-omm li tikkumbatti kuljum biex tara kif se titma’ liż-żewġ uliedha hija reali!
Madwar id-dinja, kif ukoll f’Malta insibu postijiet li jgħinu lil dawk fil-bżonn. Dawn jissejħu ‘Foodbanks’ – organizzazzjonijiet tal-karità mingħajr skop ta’ qligħ, li jqassmu l-ikel lil dawk li għandhom diffikultà biex jixtru biżżejjed biex jevitaw il-ġuħ.
Tkun idea interessanti li banek tal-ikel bħal dawn jiftħu fuq skala iżgħar f’kull lokalità. B’hekk tkun iktar faċli li tagħti l-ikel u min ikun fil-bżonn jista’ jintlaħaq aktar malajr.
Aħna magħrufa sew għall-ġenerożità tagħna allura ejjew inkomplu naħdmu biex in-nies kollha t’hemm barra ma jorqdux fuq stonku vojt. Ejjew nibdew nippromwovu l-ħtieġa tal-‘foodbanks’ fuq skala iżgħar
f’kull lokalità. Ejjew nagħmlu l-parti tagħna!
by skoperta.net | 28/Jul/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Bħalissa l-Ewropa tinsab ukoll fi kriżi tal-enerġija, u dan ifisser li l-pajjiżi se jissieltu biex iżommu d-djar sħan u l-industrija tibqa’ għaddejja din ix-xitwa.
Dan għaliex ir-Russja naqqset aktar il-provvisti tal-gass naturali tal-Ewropa, użat biex iħaddem fabbriki, jiġġenera l-elettriku u jsaħħan id-djar fix-xitwa. Moska tgħid li l-kunsinni permezz ta’ pipeline maġġuri lejn il-Ġermanja, Nord Stream 1, se jinżlu għal 20% din il-ġimgħa.
Għalkemm ir-Russja qed tgħid li dan qed iseħħ minħabba raġunijiet tekniċi, il-gvern Ġermaniż qal li dan mhuwiex minnu u li ma kien hemm l-ebda raġuni teknika.
Il-mexxejja Ewropej qed jippreparaw għall-possibbiltà li r-Russja taqta’ l-provvisti tal-gass lejn l-Ewropa kompletament, u qalu li l-President Russu Vladimir Putin qed juża l-enerġija għall-influwenza politika fil-konfront tiegħu mal-Punent dwar il-gwerra fl-Ukrajna.
B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet lill-pajjiżi biex inaqqsu l-użu tal-gass bi 15% matul is-seba’ xhur li ġejjin.
It-tnaqqis fil-provvisti mill-kumpanija tal-gass tar-Russja Gazprom aktar kmieni din il-ġimgħa, naqqas il-kapaċità tal-pipeline Nord Stream 1, ir-rotta ewlenija tal-kunsinna lejn l-Ewropa għall-gass Russu.
Nord Stream 1 jammonta għal madwar terz tal-esportazzjonijiet kollha tal-gass Russu lejn l-Ewropa.
Dan qed joħloq tħassib fost il-membri tal-Unjoni Ewropea minħabba li jekk ir-Russja tiddeċiedi li taqta’ l-gass kompletament, dan se jaffettwa l-ekonomija tal-pajjiżi.
Is-sena l-oħra, ir-Russja provdiet lill-Unjoni Ewropea 40% tal-gass tagħha.
by skoperta.net | 21/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-President tal-Bank Dinji David Malpass qal li d-dinja tista’ tiffaċċja katastrofi umana mill-kriżi tal-ikel ikkawżata mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna
Huwa qal li żidiet rekord fil-prezzijiet tal-ikel se jitfgħu mijiet ta’ miljuni ta’ nies fil-faqar u nutrizzjoni aktar baxxa, jekk il-kriżi tkompli.
Il-Bank Dinji jikkalkula li jista’ jkun hemm qabża kbira ta’ 37% fil-prezzijiet tal-ikel.
Dan jolqot l-aktar lill-foqra, li jieklu inqas u jkollhom inqas flus għal affarijiet oħra, bħall-edukazzjoni.
Huwa qal li hija tip ta’ kriżi inġusta, bħal ma kienet ukoll dik ikkawżata mill-Covid.
Żied jgħid li b’katastrofi umana, mhux biss tonqos in-nutrizzjoni imma ssir ukoll sfida politika għal gvernijiet li ma jistgħu jagħmlu xejn dwarha, ma kkawżawhiex huma u jaraw il-prezzijiet jogħlew.
Malpass qal li ż-żidiet fil-prezzijiet qed jaffettwa l-ikel ta’ kull tip, żjut, grains u aktar prodotti li huma magħmula mill-qamħ, għax jiżdied il-prezz tagħhom la ladarba l-prezz tal-qamħ jiżdied.
Huwa appella lill-pajjiżi biex ma jissussidjawx il-produzzjoni jew jillimitaw il-prezzijiet, minflok, huwa qal li l-enfasi għandha tkun fuq iż-żieda fil-provvisti madwar id-dinja ta’ fertilizzanti u ikel flimkien ma’ assistenza mmirata għall-ifqar nies.
Il-Kap tal-Bank Dinji wissa wkoll dwar kriżi oħra li tista’ tirriżulta mill-inkapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jħallsu d-djun pandemiċi kbar tagħhom, fost iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija.
Saħaq li dan huwa prospett reali ħafna, u qiegħed jiġri f’xi pajjiżi. Żied jgħid li ma jafux sakemm din il-kriżi tista’ teskala iżda 60% tal-ifqar pajjiżi bħalissa qiegħdin jew f’diffikultà ta’ dejn jew f’riskju għoli li jkunu f’dejn kbir.
by skoperta.net | 05/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Fil-programm Pjazza li jixxandar fuq ONE TV, il-Ministru Chris Fearne għal darb’oħra reġa’ sostna li s-sitwazzjoni fl-isptar Mater hija taħt kontroll u m’hemm l-ebda kriżi.
Huwa saħaq li minkejja li n-numru ta’ każijiet ġodda tal-Covid-19 qed ikun kbir, Malta għandha l-ogħla rata ta’ nies li ħadu l-booster fid-dinja. Għaldaqstant sostna li l-immunità fil-komunità hija waħda għolja.
Huwa qal kien hemm żmien fejn fl-ITU kien hemm 40 pazjent u s-sitwazzjoni wkoll kienet taħt kontroll. Huwa qal li llum hemm erbgħa u Malta għandha l-inqas rata ta’ pazjenti fl-ITU. Żgħid li l-maġġoranza li qegħdin l-isptar u li huma pożittivi għall-Covid-19 mhumiex qegħdin hemm minħabba kumplikazzjonijiet tal-Covid-19 iżda minħabba raġunijiet oħra.
Għal darb’oħra, il-Ministru reġa’ kkonferma li l-pjan ta’ dik li qed tissejjaħ bħala l-exit roadmap, se jkompli għaddej fil-ġranet li ġejjin.
Dan qalu ftit sigħat wara li l-MUMN ħarġet stqarrija li l-isptar Mater Dei jinsab fi kriżi serja minħabba li hemm numru kbir ta’ pazjenti pożittivi għall-Covid-19 mifruxa fis-swali kif ukoll nuqqas kbir ta’ infermiera.
by skoperta.net | 04/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-Malta Union of Midwives and Nurses issostni li kuntrarjament għal dak li qal il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, l-isptar Mater Dei jinsab fi kriżi qawwija b’pazjenti li huma pożittivi għall-Covid qed jinfirxu fis-swali kollha.
Dalgħodu, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li s-sitwazzjoni fl-isptar Mater Dei hija taħt kontroll u li r-restrizzjonijiet se jkomplu jitneħħew fil-jiem li ġejjin.
Fi stqarrija, l-MUMN qalet li bħalissa f’Mater Dei hemm aktar minn 150 pazjent li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 mifruxa fis-swali kollha li joħolqu riskju għoli ta’ infezzjoni fl-isptar kollu.
L-unjin qalet li n-nuqqas kbir ta’ infermiera huwa kawża ta’ ammont kbir ta’ infermiera mibgħuta fuq kwarantina li jirriżulta li diversi swali jibqgħu b’żewġ jew tliet infermiera biss minflok sitta.
Tliet swali sħaħ fl-isptar Mater Dei kellhom jiġu trasformati kompletament għall-pazjenti li huma pożittivi għall-Covid-19. L-MUMN qalet ukoll li l-infermiera qed jirrifjutaw li jaħdmu overtime anke meta mitluba ripetutament mill-maniġment tal-isptar, minħabba li xi wħud qed isofru minn burnout.
L-MUMN sostniet li s-sitwazzjoni hija ddisprata u li l-Ministru tas-Saħħa qed jirrifjuta li jnaqqas il-kirurġija elettiva biex jikkumpensa għaż-żieda kbira ta’ każijiet tal-Covid u n-nuqqas kbir ta’ infermiera fis-swali.
Skont l-MUMN, in-numru kbir ta’ każijiet tal-Covid-19 fis-swali kollha laħaq sal-punt fejn kull sala f’Mater Dei qed ikollha pazjenti li jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19.
L-unjin saħqet li l-politika m’għandha tkun l-aġenda ta’ l-ebda ministru tas-saħħa u jekk il-Ministru tas-Saħħa jirrifjuta li jnaqqas il-kirurġija elettiva, ir-riskji ta’ trażmissjoni tal-Covid jiżdiedu kemm għall-istaff kif ukoll għall-pazjenti.
Fl-istqarrija ntqal ukoll li l-kurituri, il-librerija u l-canteen tal-istaff qed jintużaw bħala swali, li jagħmluha aktar diffiċli għall-infermiera biex jaħdmu mal-pazjenti peress li dawn ma kinux maħsuba biex ikunu swali.
Għaldaqstant l-Unjin qed tappella lill-Ministru jaġixxi b’mod responsabbli peress li l-isptar Mater Dei ma jistax jibqa’ jaħdem b’żieda daqshekk qawwija ta’ każijiet tal-Covid.