Select Page
Riċetta: Ross biz-Zalzett Malti u Ħaxix

Riċetta: Ross biz-Zalzett Malti u Ħaxix

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

275g ross mgħolli (jew ara l-metodu li nuża jien aktar l-isfel)

3 zalzett tal-malti, mingħajr ġilda u mqatta’ ftit

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Kuċċarina żejt tal-ġunġlien (sesame seed oil), jew żejt taż-żebbuġa

Żewġ imgħaref ħall tat-tuffieħ

Żewġ kuċċarini soy sauce

Kuċċarina kemmun

Nofs bżaru tal-kulur imqatta’ dadi żgħar

4 faqqiegħ imqatta’ dadi

Nofs karrotta mqatta’ dadi żgħar

Nofs qarabagħlija mqatta’ dadi żgħar

Żewġ imgħaref brunġiel imqatta’ dadi żgħar

Żewġ imgħaref pastard imqatta dadi żgħar

Żewġ imgħaref qara ħamra mqatta’ dadi żgħar

Żewġ spring onions imqatta’

Żewġ sinniet tewm imqatta’

Żewġ chillies (bżar aħmar jaħraq), imqattgħin irqaq u mingħajr żerriegħa

8 cherry tomatoes maqsumin min-nofs

Għat-tiżjin:

Mgħarfa parmesan imfarrak

Mgħarfa tursin frisk imqatta’

Metodu:

  • Poġġi ż-żejt, is-soy sauce, u l-ħall ġo taġen fond fuq nar medju.
  • Kif tara li saħnu ftit, żid il-bżar, il-melħ, u l-kemmun.
  • Ħawwad ftit u żid il-brunġiel, il-qarabagħli, il-pastard, it-tewm, il-bżaru l-ħelu, iċ-chillies, il-karrotta, il-faqqiegħ, l-ispring onions, u l-qara ħamra.
  • Sajjar mikxuf fuq nar medju għal 5 minuti waqt li tħawwad spiss.
  • Żid iz-zalzett u sajjar u ħawwad għal 3 minuti.
  • Żid it-tadam. Ħawwad sew. Baxxi n-nar, għatti t-taġen u ħallih isir għal 5 minuti.
  • Żid ir-ross mat-taħlita li għandek fit-taġen u ħawwad sew għal żewġ minuti biex jitħallat kollox sew.
  • Servi mżejjen bi ftit ġobon parmesan u tursin imqatta’ fil-wiċċ.

Ingredjenti u metodu għal ross safrani – dawn l-ammonti iservu għal bejn 3 u 4 porzjonijiet:

800ml ilma

275g ross, abjad jew brown nej

Kuċċarina mburġata Turmeric powder

Bżar u melħ

  • Ferra’ l-ilma ġo kazzola u poġġiha fuq nar medju.
  • Żid il-bżar u l-melħ, u t-turmeric.
  • Ħallih fuq in-nar sakemm jiftaħ jagħli.
  • Kif jibda jagħli, żid ir-ross.
  • Ħawdu darba waħda biss b’imgħarfa tal-ħadid. Importanti li tuża mgħarfa tal-ħadid.
  • Għatti l-kazzola u baxxi n-nar fuq l-iżghar burner.
  • Ħallih isir għal 20 minuta. Tikxfux u tħawdux għal dawk l-20 minuta.

Nota: Jekk dan ir-ross ma tkunx se sservih ma’ zalza li fiha togħmiet qawwijin bħar-riċetta tal-lum, tista’ żżid kwalunkwe ħwawar mal-ilma qabel ma titfa’ r-ross.

Bħal pereżempju; kari, mixed spice, ħabaq jew sagħtar niexef, lewż imqatta’, u anki dada tal-istokk tal-ħaxix jew tiġieġ jekk tiggosta.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Tiġieġ bil-Basal u l-Ġobon Gruyère

Riċetta: Tiġieġ bil-Basal u l-Ġobon Gruyère

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Żejt taż-żebbuġa

Basla kbira mqatta’ rqiqa

Żewġ kuċċarini sagħtar frisk

Melħ u bżar, skont il-gosti tiegħek

Żewġ sinniet tewm, imqattgħin fin ħafna

750g sider tat-tiġieġ bla għadam u bla ġilda, maqtugħ f’biċċiet

Nofs kuċċarina riegnu imnixxef

Nofs kuċċarina ħabaq imnixxef

Nofs kuċċarina bżar cayenne

Żewġt imgħaref dqiq plejn

100ml stokk taċ-ċanga

100g ġobon Gruyère mqatta’

8 tadamiet taċ-ċirasa, maqsumin min-nofs

Tursin imqatta’ frisk, biex iżżejjen

Metodu:

  • F’taġen fond fuq nar medju, saħħan żewġt imgħaref żejt.
  • Żid il-basal, il-melħ, il-bżar u s-sagħtar.
  • Naqqas in-nar għal baxx u ħallih isir, ħawwad kultant sakemm il-basal jiġi karamelizzat, madwar 20 minuta u kważi mdewweb.
  • Żid it-tewm u t-tadam u sajjar għal 4 minuti.
  • Itfi n-nar u warrab it-taħlita tal-basal ġo platt. Imsaħ it-taġen bis-srievet tal-karti sabiex terġa’ tużah.
  • Fi skutella kbira, ħawwad it-tiġieġ bil-melħ, il-bżar, il-ħabaq, il-cayenne u l-oregano.
  • Imbagħad żid id-dqiq. Ħawwad kollox sew flimkien u għaffeġ ftit b’furketta.
  • Saħħan il-kuċċarina taż-żejt li fadal fl-istess taġen fuq nar medju.
  • Żid it-tiġieġ u sajjar sakemm jieħu kulur dehbi minn kull naħa u jkun kważi sar. Madwar 4 minuti fuq kull naħa.
  • Żid l-istokk taċ-ċanga, u żid it-taħlita tal-basal karamelizzat.
  • Ħalli t-taħlita tagħli, imbagħad naqqas in-nar għal baxx u ħalliha ttektek sakemm it-tiġieġ ikun imsajjar sew u l-istokk taċ-ċanga jonqos ftit, madwar 10 minuti.
  • Żid il-Gruyère u għatti t-taġen b’għatu. Sajjar sakemm il-ġobon idub, madwar żewġ minuti.
  • Neħħi minn fuq in-nar u żejjen bit-tursin qabel ma sservi.

Dan tista’ sservih waħdu wkoll.

L-ikla t-tajba!

Din ir-riċetta ġiet imwassla lilkom minni u minn Vince Busuttil.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks