
“Qed issir ħsara kbira minn grupp żgħir ta’ għalliema bl-għan li titfarrak l-iskola”
F’ittra miftuħa, numru ta’ edukaturi minn kull settur, staff amministrattiv u xi ġenituri, esprimew in-nuqqas ta’ qbil ma’ dak li qiegħed jingħad fil-mezzi tax-xandir u fuq il-midja soċjali dwar is-sitwazzjoni fil-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir.
Aħna l-edukaturi ilna mis-sajf naħdmu u nippreparaw, bħal fis-snin imgħoddija, biex noffru edukazzjoni xierqa lill-istudenti tagħna. Dan nixtiequ nagħmluh mingħajr ma niġu intimidati jew nitqiesu bħala “tradituri” minn grupp żgħir ta’ għalliema oħra fl-istess Kulleġġ, li għandhom fehmiet differenti, sempliċiment għaliex qed naħdmu b’ mod normali, għall-interess tat-tfal.
Huma qalu li “fl-istess kulleġġ qed issir ħsara kbira minn grupp żgħir ta’ għalliema li m’għadhomx
jiffurmaw parti mill-komunità, bil-għan li titfarrak u tikkollassa s-sistema edukattiva, l-iskola u l-komunità tant maħbuba minn tant nies. B’mod sistematiku iridu li jinħoloq “kaos/ kollass totali”, billi qed jiġu instigati l-istudenti biex jiktbu messaġġi u jwaħħluhom mal-ħitan tal-iskola.”
Fl-ittra, irrimarkaw ukoll kif numru ta’ membri tal-istaff stennew il-bidu u l-ewwel jiem tas-sena skolastika biex jirriżenjaw.
Din saret logħba psikoloġika perikoluża fuq l-istudenti tal-Kulleġġ u fuqna l-għalliema. Filwaqt li nifhmu li għandhom kull dritt jirriżenjaw, il-ħsara li qed ikomplu jagħmlu minn barra l-Kulleġġ qed issir irreparabbli, speċjalment għal dawk l-istudenti li waslu fl-aħħar sena tas-sekondarja.
Stqarrew, li din l-attitudni wasslet biex tinżera’ pika żejda bejn setturi differenti fl-iskola b’opinjonijiet differenti u nħolqot klima ta’ “aħna” kontra “huma”. “Filwaqt li nagħrfu l-jedd ta’ kulħadd għall-opinjoni tiegħu, nemmnu li xorta għandu jibqa’ jsaltan ir-rispett lejn ħaddieħor.”
Esprimew ukoll il-fiduċja tagħhom fir-Rettur Fr. Aaron Zahra u fil-kap il-ġdid tas-sekondarja, is-Sur Horace Gauci u ddeskrivewhom bħala persuni kompetenti ħafna, għall-kuntrarju ta’ dak li qed jingħad minn xi wħud.
Dan nafuh għaliex aħna naħdmu magħhom ta’ kuljum, fejn imexxu b’empatija kbira, dixxiplina fejn hemm bżonn, b’konsiderazzjoni lejn il-bżonnijiet tal-ħaddiema, u lejn il-bżonnijiet tal-ġenituri u t-tfal. Fr. Aaron, ir-Rettur, ħadem qatigħ biex iġib l-iskola f’livell tajjeb, minkejja, l-ostakli kollha minn diversi oqsma. Aħna ninsabu kuntenti bit-tmexxija tar-Rettur, però ma nistgħux nitkellmu fl-apert minħabba biża’ ta’ intimidazzjoni minn kollegi, li b’mod aggressiv qed imorru kontra l-‘ethos’ tal-iskola, li tisħaq, “we welcome everyone” (aħna nilqgħu lil kulħadd).
L-edukaturi qalu li x-xewqa tagħhom hija li jitħallew jaħdmu fil-kwiet b’responsabbiltà lejn l-istudenti kollha, biex joħolqu ambjent ferrieħi għall-istudenti fil-klassi. “Aħna wkoll irridu li nieħdu ħsieb lil uliedna u l-impjieg tagħna, li ta’ kuljum qed jiġi mhedded minħabba l-attitudni ta’ ċertu nies. L-iskola hija għal qalbna, u għalhekk nixtiequ li nibqgħu mexjin ‘il quddiem matul din is-sena skolastika, f’komunità mat-tfal, ġenituri, għalliema, membri tal-SLT u mar-Rettur,” żiedu jgħidu.
Finalment aħna nemmnu, li mhux kompitu tagħna li nidħlu fid-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-bord u mill-Provinċja Dumnikana, u nixtiequ biss li fl-interess tal-istudenti tagħna, inkomplu naħdmu mar-Rettur u mal-amministrazzjoni tal-Kulleġġ preżenti, kif dejjem sar, mingħajr problemi fil-passat.
