Il-Covid sparixxa f’daqqa minħabba l-booster jew biex ma jtellifx il-kampanja elettorali?! – Lynn Aquilina

Il-Covid sparixxa f’daqqa minħabba l-booster jew biex ma jtellifx il-kampanja elettorali?! – Lynn Aquilina

Restoranti, skejjel u l-ajruport magħluq, laqgħat imħassra u quddies ma setgħux isiru aktar fil-knejjes. Anzjani u dawk in-nies kollha li huma vulnerabbli ġew imħeġġa u obbligati jibqgħu d-dar. Kumpaniji li setgħu jisfruttaw is-sistema tat-teleworking bdew jgħidu lill-impjegati biex jaħdmu mid-dar. Stay safe stay at home saret il-mantra li kont tisma’ xħin kont tixgħel it-televiżjoni b’mod partikolari fix-xhur bejn Marzu u Ġunju li għadda.

F’temp ta’ ġurnata ħajjitna nqalbet ta’ taħt fuq. Bħal donnu tpoġġiet bomba li ħadd ma seta’ jinduna biha u jaraha u f’daqqa waħda din splodiet u farrket il-ħajja li konna nafu u li konna mdorrijin ngħixu qabel. L-arja kienet tinħass tqila bit-tensjoni, ansjetà, biża’ u inċertezzi. Ma stajtx nimmaġina kif ħa ngħix mingħajr il-ħajja soċjali. Ħassejt li parti minni tqaċċqtet u mietet, għalija din hi l-pulmun li ttini nifs ġdid, meta ngħeja u nħossni li nkun qed nifga d-dar nara l-istess uċuħ. Li naħdem mid-dar, ukoll m’għenitx għax kieku naħdem barra mid-dar niltaqa’ ma’ xi kollegi, imma hekk il-kuntatt uman inqatagħli totalment.

Niskanta kif il-folja tinqaleb. Fejn qabel kont niġi kkritikata li kont inkun dejjem fuq facebook, għax ma jkollix x’nagħmel. Issa l-maġġoranza tan-nies ġiet bħali għax inkella ma nkunux in touch ma’ x’qed jiġri fid-dinja. Biex inżomm ruħi okkupata qed naqra ħafna aktar, qed nitgħallem l-Ispanjol u bdejt nikteb ktieb ukoll.

Madanakollu, issa ħafna mir-restrizzjonijiet qed jitneħħew, bdejna noħorġu u nissoċċjaliżżaw aktar. Qisu l-virus f’daqqa waħda sparixxa, tgħid għax issa ħafna minna ħadna l-booster u allura beda jaħdem? Jew għax qegħdin f’nofs kampanja elettorali, u allura bħal donnu l-Covid warrab min-nofs biex ma jtellifx liż-żewġ partiti ewlenin mill-kampanji elettorjali tagħhom?

Ma nafx x’inhi eżatt ir-raġuni, imma minn ħaġa waħda jien ċerta, li n-nies għadhom jimirdu bil-Covid. Saħansitra għad hawn min jidħol l-isptar u jmut b’dan il-misħut virus. Jiġifieri dan il-virus għadu magħna, għalkemm qed nippruvaw ninjorawh. Wisq nibża’ li ħa jerġa’ jqajjem rasu u jerġa’ jeħdilna l-libertà li ksibna dal-aħħar.

Jekk il-pandemija affettwatni f’kollox, fir-rigward tax-xogħol ma affettwatnix, għax minħabba d-diżabilità tiegħi kif diġà għidt dejjem ħdimt bit-teleworking. Anzi jkolli nistqarr li kont bdejt inħossni li sirt parti min-norma u ma bqajtx minoranza. Imma rajt ħafna posts fuq facebook u nies igergru li ma jistgħux jidraw jaħdmu mid-dar jew li m’għandhomx post adattat minn fejn jaħdmu.

Min bata u għadu jbati bis-solitudni bħali, għax kollox sar b’mod virtwali onlajn u allura kompla naqqas il-ftit kuntatt li kellu soċjalment, u min jieħu gost għax ħeles mill-problema tat-traffiku. Min jeqred li qed jeħxien bil-pasti u l-kejkiet li beda jsajjar u min beda jieħu gost li issa kellu aktar ħin għalih innifsu u biex igawdi n-natura ta’ madwarna. In-natura li sakemm domna msakkrin ġewwa djarna reġgħet ħadet ftit ruħ u ġedded lilha nnifisha.

Imma ma jistax jingħad l-istess fuq in-natura tal-bniedem. Qisu l-bniedem meta jibda jieħu r-ruħ u jibda jara xaqq ta’ dawl f’tarf il-mina, f’dan il-każ qed nirreferi għas-saga tal-Covid, jara x’se jivvinta, issa r-Russja invadiet l-Ukrajna.

L-ansjetà u t-tensjoni qed terġa’ tiżdied fost iċ-ċittadini Ewropej, għax jista’ jkun li ninsabu fuq l-għatba tal-gwerra! Nitolbu u nittamaw li le, għax gwerra qatt ma ħalliet ġid, ħsara u tifrik ma’ kullimkien iġġib biss.

Hekk ngħid bejni u bejn ruħi, kif imma l-bniedem ma jitgħallimx mill-istorja passata tiegħu? Daqskemm ingħaqadna l-popli tad-dinja kollha u ħriġna għonqna għal xulxin fil-bidu tal-pandemija, x’ġara issa biex ir-Russja ddeċidiet li tattakka? Jalla, almenu li bejnietna l-Maltin ikomplu jsaltnu s-sliem u l-għaqda li kien hawn fil-bidu tal-Covid u ma nħallu xejn jifridna!

Il-Qorti tiddeċiedi li l-programm Awla dwar l-omiċidji jista’ jsir

Il-Qorti tiddeċiedi li l-programm Awla dwar l-omiċidji jista’ jsir

Il-Qorti ddeċidiet li l-programm Awla, jixxandar fuq ONE, dwar l-omiċidji jista’ jsir.

Dan wara li l-ġimgħa l-oħra twaqqaf milli jixxandar wara li l-qorti laqgħet it-talba tal-allegat qattiel ta’ Chantelle Chetcuti minħabba li fl-istess programm kienet se tixxandar intervista ma’ omm il-vittma.

L-imħallef spjegat li l-argument tal-allegat qattiel kien ibbażat fuq filmat qasir li ġie mtella’ fil-paġna ta’ Facebook tal-programm. Hija qalet li l-kontenut tal-programm għadu mhux magħruf u l-fatt li jissemma l-akkużat f’kuntest ta’ programm dwar l-omiċidji b’mod ġenerali, ma jinkisrux id-drittijiet tiegħu.

Il-qorti awgurat li jiġu rispettati d-drittijiet kemm f’dak li jiġi mxandar fil-programm kif ukoll f’dak li jiġi mtella’ fil-paġna ta’ Facebook tal-programm.

Il-programm Awla dwar l-omiċidji se jkun qed jixxandar nhar il-Ħamis li ġej fuq ONE fit-20:35.

Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Is-sapport lill-familji ta’ persuni b’diżabilità huwa importanti ħafna. Dan minħabba li l-persuni b’diżabilità jiggwadanjaw ferm meta jkunu qed jgħixu fil-komunità, u jibqgħu jgħixu d-dar mal-familja. Madanakollu, il-familji jgħaddu minn diversi ċirkostanzi li jekk ma jsibux għajnuna, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex ikomplu jieħdu ħsieb lill-individwu b’diżabilità, jistgħu jikbru.


Fin-nukleu tal-familja hemm ukoll l-ulied l-oħra, l-aħwa li minn ċkunithom ikunu draw li hi responsabilità ta’ kull membru li jindokra lill-membru b’diżabilità. L-esperjenzi ta’ dawn l-aħwa huma varji – min jieħu r-rwol ta’ kuratur maż-żmien, min iħoss li ma jkunx forsi ingħata biżżejjed attenzjoni daqs ħuthom b’diżabilità minħabba ċ-ċirkostanzi, min kien involut fit-trobbija ta’ ħuthom b’diżabilità u min le.

Fattur komuni bejn l-aħwa kollha jibqa’ li kollha għandhom għal qalbhom il-benesseri ta’ ħuthom u li jagħmlu minn kollox sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħinu lil ħuthom b’diżabilità tul ħajjithom u jagħtu l-kontribut tagħhom waqt li jirrikonoxxu l-fatt li l-ħajja tagħhom evolviet u li f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jkun li jkollhom bżonn is-sostenn huma wkoll.

Dawn huma biss ftit mill-fatturi li Aġenzija Sapport tindirizza waqt sessjonijiet li professjonisti fi ħdanha, inkluż ħaddiema soċjali, imexxu bħala gruppi ta’ sostenn għal aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità.

Dawn is-sessjonijiet joffru spazju fejn dawn l-aħwa jiltaqgħu flimkien u jaqsmu flimkien esperjenzi, diffikultajiet, ħsibijiet u sfidi ma’ oħrajn li jkunu fl-istess sitwazzjoni tagħhom, waqt li jkunu jistgħu wkoll jevalwaw kwistjonijiet u possibilitajiet għall-futur.

Parteċipanti minn gruppi simili fil-passat stqarrew li dawn il-gruppi u laqgħat servew sabiex iħossuhom li mhumiex weħedhom u li wkoll ingħataw stampa ċara anke dwar x’servizzi huma u l-familjari tagħhom jistgħu jaċċessaw.


Uħud mis-suġġetti li huma koperti waqt dawn is-sessjonijiet huma:

  • Relazzjonijiet familjari: X’impatt ikollhom il-ġenituri fuq l-ulied li għandhom diżabilità
  • Kif tħares il-komunità lejn persuni b’diżabilità u kif iħossuhom l-aħwa dwar dan
  • Kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom
  • Servizzi disponibbli
  • L-impatt fuq deċiżjonijiet tal-ħajja tagħhom

Bħalissa Aġenzija Sapport qed tilqa’ applikazzjonijiet għal gruppi ġodda li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sessjonijiet se jsiru darba fix-xahar. Se jkun hemm 12-il sessjoni b’kollox, u kull sessjoni ddum sagħtejn. Sabiex ikun assigurat li nimxu mal-miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa kull workshop se jkollu massimu ta’ 10 parteċipanti, bi preżentazzjoni ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin. Grupp żgħir hu ideali sabiex kull parteċipant ikollu ħin biżżejjed biex jiddiskuti l-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. Grupp żgħir jgħin ukoll biex il-persuna tħossha komda li tista’ titkellem.

Dawn il-gruppi huma miftuħa għal aħwa li jkunu għalqu t-18-il sena. L-attendenza hija mingħajr ħlas iżda wieħed jeħtieġ li jibbukkja.

Dan jista’ jsir permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni li tista’ titniżżel jew tintbagħat mis-sit elettroniku www.sapport.gov.mt jew billi wieħed jagħmel kuntatt ma’ Aġenzija Sapport (Helpline – Freephone 153 u jagħfas in-numru 5 / iċempel fuq 2256 8000 / jibgħat email fuq sapport@gov.mt). Wieħed jista’ jagħżel li jattendi sessjonijiet filgħodu jew filgħaxija.

Il-Ġermanja u l-Portugall fost il-pajjiżi Ewropej b’miżuri ġodda biex jitrażżnu l-każijiet tal-Covid

Il-Ġermanja u l-Portugall fost il-pajjiżi Ewropej b’miżuri ġodda biex jitrażżnu l-każijiet tal-Covid

Il-Ġermanja u l-Portugall fost pajjiżi Ewropej b’miżuri ġodda biex irażżnu n-numru ta’ każijiet ġodda li dejjem qed jiżdied.

L-awtoritajiet fil-Ġermanja se jillimitaw n-numru ta’ nies f’laqgħat privati għal 10 persuni u se jagħlqu wkoll il-clubs qabel is-sena l-ġdida. Fit-28 ta’ Diċembru avvenimenti kbar bħal logħob tal-futbol se jsiru mingħajr udjenza fost miżuri oħrajn.

Fil-Portugall, l-awtoritajiet ħabbru li t-telework se jsir obbligatorju u l-bars u d-diskoteki se jingħalqu mis-Sibt. In-nies se jkollhom bżonn riżultat tat-test negattiv biex jaċċessaw ċinema, teatri, avvenimenti sportivi, tiġijiet u magħmudija sa mill-inqas id-9 ta’ Jannar. Fil-Milied u l-Ewwel tas-Sena, in-nies se jkollhom bżonn ukoll riżultat tat-test negattiv biex jaċċessaw ristoranti u ċelebrazzjonijiet pubbliċi.

Lejlet l-Ewwel tas-Sena, mhux aktar minn 10 persuni jistgħu jinġabru fit-triq u x-xorb ta’ alkoħol barra se jkun ipprojbit. Dan minkejja r-rata għolja ta’ tilqim tal-Portugall b’madwar 86 fil-mija tal-popolazzjoni tiegħu mlaqqma kompletament kontra l-virus.

WHO tappella għall-kawtela fil-Milied: “Aħjar avveniment ikkanċellat milli ħajja mitlufa”

WHO tappella għall-kawtela fil-Milied: “Aħjar avveniment ikkanċellat milli ħajja mitlufa”

“L-2022 trid tkun is-sena li ntemmu l-pandemija” – WHO

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, wissa li l-vaganzi tal-festi f’ħafna postijiet iwasslu għal żieda ta’ każijiet, pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa u aktar imwiet. Għaldaqstant huwa qed iħeġġeġ lin-nies biex jipposponu l-laqgħat u l-avvenimenti ta’ dan iż-żmien hekk kif il-varjant omicron qed ikompli jinfirex madwar id-dinja.

Huwa qal li l-varjant omicron qed jinfirex aktar malajr mill-varjant Delta u qed jikkawża infezzjonijiet f’nies diġà mlaqqma jew li rkupraw mill-Covid-19. Il-varjant issa ġie skopert f’mill-inqas 89 pajjiż u wassal lil bosta gvernijiet jimponu miżuri ta’ trażżin aktar stretti matul il-perjodu ta’ dawn il-festi.

Il-WHO qalet li l-każijiet qed jirduppjaw kull 1.5 sa 3 ijiem f’żoni ta’ trażmissjoni fil-komunità. L-omicron issa huwa wkoll il-varjant dominanti fl-Istati Uniti, li jammonta għal 73 fil-mija tal-infezzjonijiet kollha.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet minn nhar it-Tnejn, il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qal li li kemm dawk li jfasslu l-politika kif ukoll il-pubbliku jkollhom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli sabiex jasal iż-żmien li nerġgħu lura għan-normal.

Żied jgħid li lkoll kemm aħna ddejjaqna b’din il-pandemija u rridu nqattgħu ħin mal-ħbieb u l-familja, u llkoll irridu nerġgħu lura għan-normal. Għaldaqstant huwa qal li l-aktar mod mgħaġġel biex nagħmlu dan huwa li kulħadd, mexxejja u individwi, irid jieħu deċiżjonijiet diffiċli li hemm bżonn biex nipproteġu lilna nfusna u lill-oħrajn.

Avveniment ikkanċellat huwa aħjar minn ħajja mitlufa,” qal il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Enable Notifications OK No thanks