Select Page
Ġieli ltqajt ma’ xi ħadd għall-ewwel darba u għal xi raġuni ħassejt enerġija negattiva? – Tanja Cilia

Ġieli ltqajt ma’ xi ħadd għall-ewwel darba u għal xi raġuni ħassejt enerġija negattiva? – Tanja Cilia

Kultant, jiġri xi ħaġa, u r-reazzjoni tagħna tkun waħda awtomatika; jiġri wkoll li nagħmlu xi ħaġa, u ma nafux għaliex ħadna dik id-deċiżjoni, u nsiru nafu iżjed tard.

Ngħidu aħna, tiżolqilna tazza, u fis noħorġu sieq, qisna goalkeeper. It-tazza tolqot is-sieq, u meta taqa’ mal-art… ma tinkisirx. Kultant, inkunu qed nitkellmu ma’ xi ħadd, u f’nofs il-konverżazzjoni, ngħidu “Ara, tridx nibdew mexjin?” u ftit sekondi wara, nisimgħu ħoss ta’ brejk, u naraw li karozza telegħet fuq il-bankina eżatt fejn konna aħna.

Inkella, niltaqgħu ma’ xi ħadd għall-ewwel darba, u ġisimna jqum xewk, xewk. Nafdaw din ir-reazzjoni ma’ xi ħadd, u jgħidilna, “Le, ta’, dik anġlu miexja fl-art.” Snin wara, din il-persuna tinkixef fuq l-aħbarijiet li ġġakbinat lil ħafna, u ffrodat lil xi wħud, u dak li tkun fdajt miegħu iċempillek u jgħidlek, “Taf li kellek raġun!”

Teħbrek qalbek, jew l-istint jgħidlek, li xi ħaġa ma tkunx f’postha. Tafda ma’ xi ħadd dak li qed tħoss, u jgħidulek li qed tesaġera; li ġġib id-dinja fit-tarf, li qisek Ġeremija.

Kemm hemm lezzjonijiet x’nitgħallmu minn dan!

L-intuwizzjoni mhix ċajta; hija rigal importanti li jista’ jgħin lilek innifsek u lil ħaddieħor. Tibżax li tkun differenti. Biż-żmien, titgħallem tagħżel bejn dak li hu awtentiku u sinifikanti, u dak li hu sfinġa ta’ mument, għax paspart ħsieb meta xi ħadd qal xi ħaġa.

Tista’ timmaġina xi jkun ir-rispons ta’ kulħadd kieku, meta jiġri xi ħaġa, int toħrog karta mill-but, u tgħidilhom, “Ara, din ktibtha dalgħodu, fit-3.00a.m., għax qomt għallarrieda b’dan il-ħsieb f’moħħi…”

Uħud mill-ideat l-aktar brillanti jidhru brillanti biss meta nħarsu lejn iċ-ċirkostanzi ta’ “issa”, u ngħidu, mank imxejt fuq li xtaqt nagħmel… Inutli tgħid dawn il-kliem – daqskemm hu bla sens li lil xi ħadd li ġralu xi ħaġa kerha, tgħidlu “Għedtlek jien…” għax b’hekk, tkun qed taggrava s-sitwazzjoni, mhux toffri kliem ta’ faraġ, kif għandu jkun.

Afdaha lil qalbek; kultant, iżjed milli tafda lil moħħok. Isma’ l-leħen li hemm fik; kultant, iżjed mil-leħen ta’ dawk ta’ madwarek. Parir dejjem tajjeb, m’għandniex xi ngħidu… imma dejjem trid twieżnu sewwa. Mhux dejjem tajjeb li tagħmel dak li jgħidulek għax iriduk tikkonforma mar-regoli tas-soċjetà.

Ħajja bis-sens tintegra atti żgħar ta’ ħlewwa, kuljum. Parir tiegħek, azzjoni waħda, tista’ tkun ta’ solljev għal xi ħadd li m’għandux ma’ min jiftaħ qalbu. Ħares madwarek: tinkwetax għax m’għandekx flus x’tagħti. Il-karità u l-ġenerożità mhux flus biss huma… kultant, kelma ta’ ġid tagħmel differenza enormi lil min jaħseb li ħadd ma jimpurtah minnu.

Kif tista’ tgħin lilek innifsek wara li tintemm relazzjoni? – Karen Decelis

Kif tista’ tgħin lilek innifsek wara li tintemm relazzjoni? – Karen Decelis

Tmiem ta’ relazzjoni tista’ tkun waħda mill-iktar esperjenzi diffiċli li persuna tesperjenza f’ħajjitha. Huwa siewi li persuni jkunu jafu x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lilhom infushom f’dan il-mument iebes.

Meta tieqaf minn relazzjoni, jaf joħorġu ħafna weġgħat u emozzjonijiet negattivi. Apparti li tkun qed tibki t-telfa tar-relazzjoni tiegħek, jista’ jkun li tkun qed tħossok konfuża, waħdek u mbeżża’ fuq il-futur. Tmiem ta’ relazzjoni jaf tfisser tibdil komplet f’ħajtek. Jaf trid tbiddel darek, relazzjonijiet mal-familja u ħbieb tal -ex partner, bidla fir-rutina u responsabilitajiet. Tmiem ta’ relazzjoni tfisser ukoll li trid tibki mhux biss ir-relazzjoni imma t-tamiet u l-ħolm li kellek ma’ dik il-persuna.

X’tista’ tagħmel biex tħossok aħjar?

  • Importanti ħafna li tesprimi kif tkun qed tħossok. Għid lilek innifsek “bħalissa qed nħossni mdejjqa” jew “bħalissa vera qed inħossni rrabjata”. Meta tieqaf relazzjoni jaf tħoss emozzjonijiet diversi. Hemm min iħoss relief qawwi, ikun hemm min iħossu xxukkjat, jew ma jkunx jista’ jemmen x’għadu kif ġara. Hemm min iħossu miċħud, muġugħ, tradut, imbeżża’, imbarazzat u mdejjaq. Importanti ħafna li tara x’qed tħoss. Dan jgħinek biex tifhem lilek innifsek. Importanti ħafna li taċċetta kif qed tħossok. Hawn min iħassar u wara ġimgħa jħossu tajjeb, hawn min jgħaddu xhur, jekk mhux snin biex jiġu f’tagħhom. Agħti ċans lilek innifsek. Aċċetta kif tkun qed tħossok. Emozzjonijiet ta’ dwejjaq, rabja, ansjetà, għajja, frustrazzjoni u konfużjoni huma esperjenzati minn ħafna nies. Aċċetta dawn l-emozzjonijiet u agħti lilek innifsek ċans u permess li ma tkunx kuntenta għal xi żmien.
  • Importanti ħafna li tiffoka fuqek innifsek. Meta nkunu f’relazzjoni, speċjalment waħda li tkun twila, hu faċli li ninsew lilna nfusna. Dan hu żmien li int tiffoka fuqek innifsek: terġa’ ssib l-affarijiet li huma importanti għalik, tesplora affarijiet ġodda li jafu jogħġbuk, tibda passatemp ġdid, tmur lura għal xi ħaġa li kont tagħmel qabel ma dħalt fir-relazzjoni. Forsi ma tkunx l-iktar ħaġa ideali li tidħol f’relazzjoni ġdida mill-ewwel. Agħti ċans lilek innifsek tibki r-relazzjoni li għaddiet u proċessa l-emozzjonijiet tiegħek sew qabel tidħol f’relazzjoni ġdida.
  • Tgħaddix minn dan iż-żmien waħdek. Aqsam ħsibijietek ma’ nies li tafda. Ibqa’ attiva soċjalment. Ħafna drabi, id-dwejjaq li jaqbdek wara li tkun ħassart, tant ikun kbir li tispiċċa tingħalaq fik innifsek u toqgħod ġewwa. Importanti li tfittex is-sapport ta’ ħbieb, familja. Prova toqgħodx ħafna waħdek f’dan iż-żmien.
  • Mur għand counsellor jew professjonist ieħor biex tipproċessa minn xiex għaddejt. Int ma tliftx biss il-partner, tlift ukoll persuna ma’ min taqsam l-esperjenzi, forsi tlift sapport finanzjarju. Tlift xewqat u pjanijiet tal-futur. Agħti lilek innifsek ċans biex tipproċessa dan kollu. Persuna professjonali taf tgħinek ukoll forsi tara x’tista’ titgħallem minn din l-esperjenza. Forsi għandek bżonn titkellem fuq x’ġara u jaf tieħu xi ħaġa mit-telf tar-relazzjoni. Jew forsi tista’ tara jekk hemmx xebh bejn din ir-relazzjoni u relazzjonijiet ta’ qabel. Forsi tista’ ssib pattern li għamilt f’kull relazzjoni u tkun tista’ taħdem fuqek innifsek.
  • Importanti ħafna li f’dan iż-żmien tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Agħmel attivitajiet li jikkalmawk: qatta’ ħin ma’ nies li tħobb, isma’ l-mużika, aqra ktieb, mur xi lezzjonijiet ta’ xi ħaġa li togħġbok pereżempju; yoga, gardening, kant etc. Daħħal lilek innifsek f’rutina strutturata biex tagħti lilek innifsek sens ta struttura u normalità. Prova ddurx għal vizzji bħal alkoħol, ikel eċċessiv eċċ. Sib affarijiet ġodda li jafu jagħtuk pjaċir. Hawn min isiefer waħda tajba, jew jibda passatemp ġdid. U l-iktar importanti – kul sew, agħmel eżerċizzju fiżiku, u orqod sew.

It-tmiem ta’ relazzjoni jaf ikun żmien diffiċli ħafna. Ara li dejjem ikollok is-sapport li għandek bżonn u qatt tistħi titlob l-għajnuna!

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Weraq Niexef (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Weraq Niexef (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Għaddew xi jiem. Il-bank tal-iskola ta’ Jean kien vojt. Kien ilu ftit ma jersaq lejn l-iskola.
Waqt il-lezzjonijiet, Christopher kien joqgħod jiċċassa jħares lejn il-bank ta’ Jean.
Dak il-mument li għajnejhom it-tnejn kienu ltaqgħu ma’ xulxin qatt ma kien se jinsih. Kien ħass ħafna emozzjonijiet għal dak it-tifel. F’temp ta’ sekonda kien esperjenza d-dulur li kien għaddej minnu Jean. Jean l-imwarrab. Għax hekk kienu jsibuh sħabu l-oħra.
Ma damx ma reġa’ ltaqa’ miegħu.
“Wara l-iskola tridu mmorru f’dik id-dar l-abbandunata li hemm fit-tarf tar-raħal illejla?” staqsihom Andrew dakinhar stess.
Kulħadd qallu iva. Mur għidlu le lil Andrew! Kieku kien idawwar lill-grupp kollha konfoffa kontrik!
U wara l-iskola erħewlha lejn din id-dar abbandunata.
Kienet dar qadima, mingħajr bibien u twieqi, snin twal ta’ abbandun totali kienu ġabuha lok perfett fejn grupp subien ta’ dik l-età setgħu jesploraw u jgħaddu ftit ħin.
Kien fiha ġnien kbir fuq wara, mimli għollieq, ħurrieq u xi ħaxix twil ieħor li s-subien ma setgħux jagħrfuh.
“Jien sejjer sas-sular ta’ fuq,” qalilhom Andrew.
Għalkemm ħadd minnhom ma ried imur miegħu, tefa’ ħarstu fuq Christopher.
“Ejja miegħi, Christ,” qallu.
“Jien………?” U għal mument, Christopher kien se jgħidlu le, iżda beża’ li jekk jirrifjuta, Andrew kien ipattihielu.
Sħabhom baqgħu jduru fil-ġnien.
Hekk malli qabdu tielgħin it-taraġ, Christopher għamel it-tarf tal-komma tal-flokk quddiem imnifsejh għax kien hemm riħa ta’ moffa taqsam. Anke l-kulur tal-ġebel kien sfar u l-injam tat-taraġ kien kollu mkisser u ċedut lejn is-sular t’isfel.
Malli telgħu fis-sular ta’ fuq indunaw li l-madum kien kollu maqlugħ, b’xi partijiet tal-art sfrondut. Ix-xorok li kien hemm taħt, ftit li xejn kienu jipprovdu protezzjoni.
“Tal-biża’ hawn fuq,” wieġbu Christopher, saqajh kważi tegħleb bil-biża’.
“Tgħidlix li qed tibża’?” staqsieh sieħbu.
“Ma tarax!” gideb l-ieħor.
U kien propju dak il-ħin. Instema’ ħoss kbir. Ix-xorok ċeda. Il-madum ixxaqqaq aktar. L-art tas-sular ta’ fuq bdiet isserraħ ‘l isfel. Christopher ħass ġismu jegħleb u beda nieżel ‘l isfel mill-parti li sfrondat!
“Andrew!” beda’ jwerżaq.
Andrew telaq lejn it-tarf tal-kamra, lejn it-taraġ.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ir-ristoranti jerġgħu jinfetħu sal-5pm mill-10 ta’ Mejju

Ir-ristoranti jerġgħu jinfetħu sal-5pm mill-10 ta’ Mejju

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit tal-ħin ilu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li mill-10 ta’ Mejju se jkomplu jitnaqqsu aktar miżuri, fosthom li r-ristoranti u l-isnack bars se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu imma sal-5pm, u wara jkunu jistgħu jkomplu s-servizz tagħhom permezz tat-take away. Ma’ kull mejda jista’ jkun hemm sa massimu ta’ 4 persuni.

Mill-10 ta’ Mejju wkoll se titneħħa r-restrizzjoni dwar sport professjonali fejn hemm kuntatt, u se jkun jista’ jerġa’ jibda t-taħriġ filwaqt li sport fejn m’hemmx kuntatt se jkompli kollu mingħajr spettaturi.

L-istess jgħodd għall-edukazzjoni tal-arti u attivitajiet ekstrakurrikulari, kif ukoll il-lezzjonijiet tad-duttrina. Is-swieq ukoll se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew.

Se jitneħħew ukoll ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex.

Il-Prim MInistru qal li dan kollu qed isir wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa li jħarsu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin, u s-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu f’dawn l-aħħar xhur in-negozji u l-ħaddiema.

“…Ngħix il-mument għax il-ħajja taf tinbidel f’sekonda…” – Sarah Camilleri

“…Ngħix il-mument għax il-ħajja taf tinbidel f’sekonda…” – Sarah Camilleri

Nitkellmu ma’ Sarah Camilleri

Sarah, fl-ewwel żewġ episodji tas-serje Nostalġija ltqajna mal-karattru li qed tinterpreta, dak ta’ Marija. X’tista’ tgħidilna dwar dan il-karattru?

Marija hija mara tal-ġabra tal-familja. Tagħmel minn kollox biex iżżomm l-għaqda fil-familja, anke jekk tbati hi stess. Ir-refuġju tagħha huma wliedha u l-pariri tal-kappillan, li jemmen li t-talb jinstema’. S’hawn nista’ ngħid għalissa.

Bħalissa qed tinterpreta wkoll żewġ karattri impenjattivi f’żewġ produzzjonijiet differenti. F’Division 7 bil-karattru ta’ Chloe u f’Fattigi bil-karattru ta’ Catherine. X’tgħidilna dwar l-esperjenza tiegħek biż-żewġ karattri? Evolvew kif xtaqt?

Iva, bħalissa qed ninterpreta lil Chloe u lil Catherine, żewġ karattri differenti ħafna minn xulxin, però t-tnejn li huma determinati u jaħdmu għal dak li jemmnu fih. It-tnejn huma indipendenti u jiġġieldu għat-tajjeb. Meta ġejt avviċinata biex ninterpretahom, fiż-żewġ produzzjonijiet kont naf il-karattru sew u anke fejn il-karattru jixtieq jasal, però ma kontx naf l-istorja kollha jew fejn se jispiċċaw. Dan għall-fatt li ilhom għaddejjin 3 u 5 snin u allura l-istejjer jevolvu ħafna, u magħhom il-karattri. Ix-xewqa tkun primarjament tal-kittieb u mhux tal-attur, imbagħad tad-direttur. Kelli x-xorti li fiż-żewġ produzzjonijiet, l-awtur u d-direttur huma l-istess persuna, u hekk tkun iktar faċli tifhem dak li l-kittieb jixtieq mill-karattru. Kont qed naħdem ukoll fuq “Nostalġija” bil-karattru ta’ Marija li beda jintwera mit-Tnejn, 29 ta’ Marzu. Marija hija totalment differenti minn Catherine u Chloe, u dak il-pjaċir tiegħi meta nibda drama ġdida.

Hija faċli li tkun qed tieħu sehem f’aktar minn produzzjoni waħda fl-istess żmien?

Jien ma taffettwani xejn li ninterpreta iktar minn karattru wieħed fl-istess żmien. L-importanti hu li tqassam il-ħin sew u li jkollok biżżejjed ħin iddedikat għal kull produzzjoni li tkun fiha. Importanti ħafna, li tagħtihom kollha l-istess importanza. Jien nemmen li jekk hux faċli jew le, jiddependi ħafna minn dak li tkun tħobb tagħmel u kemm ikollok determinazzjoni. Jien minn età żgħira ħafna dejjem tgħallimt f’dixxiplina stretta tal-arti, permezz taż-żfin, u allura minn dejjem kien normali għalija li apparti x-xogħol tal-iskola, kien ikolli ‘training’ kulljum, kemm jekk hija festa, u anke jekk inkun ma’ niflaħx, jew b’xi injury miż-żfin stess. Allura għalkemm ġieli ġejt ikkritikata fuq dan l-aspett, inħossni kburija li, tgħallimt inqassam xogħli tajjeb minn età żgħira u b’hekk ma nsib l-ebda problema li nkun f’iktar minn produzzjoni waħda, u anke nagħmel teatru fl-istess żmien. Anzi llum naqqast ħafna.

Kif nibtet il-passjoni tiegħek għar-reċtar?

It-teatru minn dejjem affaxxinani. Niftakar meta kont l-iskola, sħabi kienu jagħtuni kotba relatati mat-teatru u kont nistudjahom. Meta kelli erba’ snin, ommi ħaditni għal-lezzjonijiet taż-żfin bħal oħti, u hemmhekk doqt il-maġija. Prattikament, iktar ma kbirt, iktar kont ngħix għalih. Jien kont nippreferi niżfen u nipprepara għall-produzzjonijiet teatrali u għall-ezamijiet milli noħroġ ma’ sħabi. Meta kelli xi 12-il sena wieħed mill-eżamijiet taż-żfin kien jinvolvi reċtar ukoll, u fl-istess żmien bdejt niġi nvoluta bħala żeffiena f’musicals. Fi musical, l-artisti jridu jiżfnu, ikantaw u jirreċtaw. Fil-waqt li ħafna miż-żeffiena kienu jiddejqu jirreċtaw u jkantaw, u qatt ma kienu jitgħallmu l-kliem tal-kanzunetti, jien kont inkun fis-seba’ sema. Allura ddeċidejt li nibda lezzjonijiet ta’ Musical Theatre, u anke tar-reċtar.

Kemm ilek attriċi? U kif bdiet il-karriera tiegħek?

Issa ili xi 24 sena. Niftakar darba kont qed nikkorjografa u niżfen f’produzzjoni teatrali, u d-direttur, li kien Narcy Calamatta kien ġie fuqi u qalli “lilek irrid intik parti fuq it-televiżjoni”. U kien tani parti żgħira f’Wenzu u Rożi. Din kienet produzzjoni ta’ AudioVision, li kien imexxiha Charles Xuereb. Charles, għażilni minn din il-produzzjoni biex nagħmel il-parti ta’ Rożina, f’Is-Salib Tal-Fidda. U minn hemmhekk bqajt sejra minn produzzjoni għall-oħra. Nibqa’ grata għal Narcy u Charles, li kienu l-ewwel tnejn min-nies li emmnu fija.

Liema karattru milli interpretajt s’issa kien l-aktar ta’ sfida? U għaliex?

Bla dubju, kien il-monologu “Qaħba Jien” li kont interpretajt fl-2017. L-isfidi kienu ħafna. Kelli nitgħallem monologu ta’ siegħa u kwart u dik diġà sfida kbira, għax qabel dakinhar, l-itwal monologu li kont interpretajt kien ta’ tlett kwarti biss. Il-kontenut kien negattiv ħafna u l-proċess kollu ta’ din il-produzzjoni kien ta’ sfida kontinwa biex ma jaffettwalix is-saħħa mentali, anke minħabba l-fatt li dak iż-żmien kont għaddejja minn żmien diffiċli fil-ħajja personali tiegħi u allura l-istudju għal ħin twil ta’ dan il-monologu ma kienx faċli. Però, id-determinazzjoni tiegħi u anke ta’ Mario Micallef, li kien qed jidderiġini, għenuni ħafna. Ftit tal-gimgħat qabel, kont ukoll għamilt intervent kiruġiku f’għonqi u allura l-vuċi kienet għadha vulnerabbli ħafna. Dan wassal li minħabba l-provi u anke l-lezzjonijiet li nagħti jien ta’ kuljum bħala għalliema, wassluni biex tlift il-vuċi wara l-ewwel serata. Kellna nħassru t-tieni serata u nieħu injezzjoni biex b’hekk irnexxieli nkompli s-serati l-oħra.

Illum il-ġurnata int meqjusa bħala waħda mill-atturi stabbiliti. Mill-esperjenza tiegħek f’dan il-qasam, liema kwalitajiet jagħmlu attur tajjeb?

Bħal kull ħaġa oħra, mhux kulħadd tajjeb għal kollox u allura mhux kulħadd jista’ jkun attur. Jien nemmen li artist titwieled, però nemmen ukoll li trid taħdem ħafna u tistudja biex issir attur. Ir-reċtar jinvolvi kull parti tal-ġisem u l-moħħ, trid iżżomm ruħek aġġornat u tkun taf tosserva, toħloq, tesperimenta, taħdem ma’ kulħadd u tidħol fiż-żarbun ta’ nies li qatt ma tkun iltqajt magħhom qabel. Fih ħafna xogħol, studju u sagrifiċċju u allura dan kollu irid ifisser imħabba u passjoni għalik, biex tkun attur tajjeb.

Liema karattri milli interpretajt s’issa huma l-aktar għal qalbek u ħallew impatt fuqek personali?

Nażżarda ngħid li kull parti li interpretajt, ħalliet impatt fuqi għax kull wahda ghenitni nikber. Ovvjament xi ftit iħallu mpatt ikbar. Il-karattri li interpretajt fi ’ Kristu fi’Strada Stretta”, “Faith, Hope u Charity”, “Tereża”, “L-Ispettur” u “Fil-Ħajja li Jmiss” fost oħrajn, kienu karattri li rbadt qalbi magħhom ħafna, minħabba raġunijiet diversi.

Liema produzzjonijiet tħoss li għenuk tikber fil-karriera tiegħek?

Ovvjament kull produzzjoni hija mod ta’ kif attur juri l-kapaċitajiet tiegħu u allura tkun dejjem qisek qed tagħmel audition. Bla dubju, l-aktar karattri li kienu opposti ta’ xulxin għenuni l-iktar naħseb. Qed nirreferi ghal dawk li interpretajt fuq it-televiżjoni. Fosthom “Tereża”, “Division 7”, “Is-Salib Tal-Fidda” u “L-Ispettur”. Bħala teatru, il-produzzjoni “Kristu fi’ Strada Stretta” fetħitli ħafna bibien ukoll, u grata ħafna għal kull min apprezza x-xogħol f’din il-produzzjoni.

Kif tipprepara ruħek qabel kull interpretazzjoni?

Jiddependi x’tip ta’ produzzjoni hi. Meta jkun hemm skript, l-ewwel ħaġa naqrah u nara jekk jogħġobnix. Nieħu idea ċara tal-karattru, ta’ dak li qed jiġri madwaru u ta’ dawk il-karattri li jkollu viċin tiegħu. Imbagħad niddiskuti mad-direttur/direttriċi biex nifhem x’għandhom f’moħħhom. Wara dan kollu, nibni profil tal-karattru, biex nibda nsir nafu sew. Nistudja l-linji l-aħħar ħaġa. L-iktar ħaġa importanti hi li ssir taf il-karattru sew. Però, fi produzzjonijiet teatrali ġieli jagħti l-każ li l-iskript nibnuh flimkien waqt il-workshops. Dan il-metodu jissejjaħ “Devised”. Huwa l-favorit tiegħi u kemm-il darba jinvolvi moviment fiżiku. F’dan il- każ, il-proċess huwa totalment differeti għax l-ewwel ma’ jsir huma workshops ibbażati fuq it-tema jew emozzjonijiet, fejn l-atturi jiffukaw ħafna fuq improvisations u minn hemm tibda tinbena l-produzzjoni.

Teatru jew televiżjoni? U għaliex?

Bla esitazzjoni nippreferi t-teatru għax hekk twelidt. It-televiżjoni nħobbu immens ukoll, però t-teatru jaffaxxinani u jgħaddini minn emozzjonijiet li ma nħosshomx fid-dinja reali. Il-mod kif tinbena produzzjoni fit-teatru hija iktar maġika fl-opinjoni tiegħi, u ħafna iktar reali mit-televiżjoni. Kull produzzjoni fit-teatru tgħixha dak il-ħin u sħiħa, u apparti minn hekk, tibni relazzjoni soda ħafna mal-atturi l-oħrajn. Fit-teatru jkollok ħafna iktar ċans tibni l-karattru u tesperimenta bih, u b’dak li int kapaċi tagħmel.

Liema kienet l-ewwel produzzjoni teatrali li ħadt sehem fiha?

L-ewwel wahda kienet pantomime fit-Teatru Manwel meta kelli erba’ snin. Kienet “Robinson Crusoe” u jien kont ħuta.

Irrakkuntalna praspura li għamilt jew ġratlek relatata mar-reċtar..

Għandi ħafna minnhom dawn imma dejjem ninsihom. Waħda ħelwa li qed niftakar bħalissa kienet f’“Fattigi”. Kelli xena ma’ Veronica Farrugia, ħabiba kbira tiegħi, u l-karattru li tinterpreta hi, ta’ Francis, huwa reliġjuż ħafna, u kellha ħafna stawi tar-reliġjon, u slaleb u santi fil-kamra tas-sodda. Allura biex nagħmlulha ċajta, dawwarna l-istatwi u s-slaleb kollha rashom l-isfel, qabel ma waslet on set. Veronica waslet ftit tard dakinhar, allura kif waslet qbadna u bdejna x-xena u ma’ ndunatx. Kumbinazzjoni fix-xena, kellha tgħidli biex ngħid ir-rużarju maghha u Catherine ma ridietx. Jien tgħidx kemm bdejt nitfalha botti u ndawwar il-linji, biex forsi tinduna imma ma riditx taf. Allura, ħin minnhom meta fix-xena qaltli li ħa tgħid ir-rużarju, għidtilha “Taħseb li ħa tisimgħek il-Madonna hekk?’ Hi baqgħet thares lejja u jien infqajt nidħak. F’daqqa waħda daret u rat l-istatwi kollha rasom l-isfel. Dħakna daħka mbagħad ovvjament kellna nerġgħu nibdew ix-xena mill-bidu.

‘Il bogħod mir-reċtar, min hi eżattament Sarah Camilleri? Liema karatteristiċi jiddeskrivuk l-akbar?

Ħafna ma jemmnunix però jien persuna mistħija ħafna u ma nħobbx inkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Jien pjuttost riservata u ħafna drabi ħadd ma jkun jaf minn xiex għaddejja f’ħajti, għalkemm għajnejja jikxfuni u allura ma nafx nigdeb. Inħobb nidħak ħafna u nfittex li nqatta’ l-ħin ma’ nies pożittivi. Inħobb il-kumpanija, għalkemm dan l-aħħar ftit snin sirt inħobb inqatta’ ħin waħdi wkoll. Inħobb ħafna l-kriminoloġija u nara ħafna dokumentarji fuq hekk. Bħala films infittex il-horrors l-ewwel u anke thrillers, għalkemm jinteressawni l-ġeneri kollha, l-importanti li jkunu films tajbin. Parti mill-kors li għamilt l-Università kien jinvolvi studju u kritika tal-films, għax jinteressawni ħafna.

Xi jfisser għalik it-tifel tiegħek Liam? U kif tiddeskrivi r-relazzjoni ta’ bejnietkom?

L-isbaħ ħaġa li qatt ġratli, l-aħjar ħaġa li qatt għamilt u l-iktar ħaġa kburija biha. Inħobbu bla qies. Għandna relazzjoni tajba ħafna, speċjalment issa li hu adult. Aħna differenti minn xulxin għax hu kalm u jagħmel kollox bil-pass tiegħu, mentri jien pjuttost enerġetika u nipprova nlaħħaq ma’ kollox. Jien inħobb ix-xemx u l-baħar u hu ma jhobbhom xejn, u jien minn dejjem kont inħobb l-isport mentri hu ma tantx hu daqsekk attiv fiżikament. Però naqblu u niddiskutu ħafna fuq il-films u l-atturi, u anke fuq l-annimali, apparti li jdaħħakni ħafna. Inħobb ħafna nisimgħu jitkellem u jiddiskuti għax intelliġenti u jżomm ruħu infurmat fuq ħafna affarijiet. Liam għalija qisu ħija u ħabib ukoll però dejjem ħa nħares lejh bħala omm.

Xi jfissru l-annimali fil-ħajja tiegħek?

L-annimali nħobbhom iktar min-nies għall-fatt li jħobbu mingħajr preġudizzju, u bla qies. Narahom sbieħ ħafna wkoll, u ħafna nies jidħku bija meta ngħid li qatt ma rajt annimal ikrah. Nemmen fil-libertà tagħhom u li għandhom jgħixu fl-ambjent tagħhom u nikkundanna lil kull min jaħqarhom, jabbandunahom jew jużahom għal xi forma ta’ qliegħ. L-annimali qegħdin hemm biex inħobbuhom, inħalluhom jgħixu u nammirawhom. M’aħniex superjuri u m’għandna l-ebda dritt fuqhom, bħal ma ħafna nies jaħsbu. Jien kburija ngħid li kemm-il darba salvajt annimali minn nies bla qalb u nagħmel kollox għalihom. Huwa fatt li fost il-ħlejjaq kollha, il-bniedem huwa l-iktar annimal li joqtol.

Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiva dwarhom? U għaliex?

Jien sensittiva ħafna dejjem fil-verità, u għandi qalbi żgħira. Il-moħqrija u l-abbuż partikolarment fuq il-vulnerabbli hija ħaġa li ma niflaħx għaliha, partikolarment fuq l-anzjani. L-anzjani nħobbhom ħafna jien u huma dawk li tawna dak li għandna llum. Għandna nkunu grati, nirrispettawhom, inħobbuhom u nipproteġuhom kif nistgħu. Kull forma ta’ diskriminazzjoni hija xi ħaġa li tweġġagħni ħafna, kemm jekk hija età, sess, diżabilità, reliġjon jew kulur.

L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..

L-isbaħ mument ta’ ħajti bla dubju kien meta rajt lil Liam l-ewwel darba. Mument li ma nista’ qatt inneħħih minn moħħi. L-agħar mumenti kienu kull meta tlift l-aktar nies għeżież għalija fosthom in-nanniet.

X’kienet l-akbar lezzjoni li għallmitek il-ħajja s’issa?

L-akbar lezzjoni li tgħallimt hi li ngħix il-mument għax il-ħajja taf tinbidel f’sekonda, u li napprezza kull ħaġa żgħira jew kbira li għandi. Tgħallimt ukoll napprezza iktar lili nnifsi u ma nħallix lil min jipprova jagħmilli l-ħsara jaffettwani, bl-ebda mod.

Kieku kellek tmur lura u terġa’ tgħix żmien partikolari, liem ikun? U għaliex?

Kieku nista’, nerġa’ ngħix iż-żmien tal-iskola sekondarja ma’ sħabi li kelli dak iż-żmien u li għadna ħbieb sal-lum. Kien żmien wisq sabiħ, bla problemi u daħq u praspar kuljum.

X’jirrabjak u xi jferħek l-aktar?

Bħal ma semmejt qabel, tirrabjani ħafna id-diskriminazzjoni, il-moħqrija u l-abbuż anke fuq l-ambjent, l-ipokrezija u dawk in-nies li jkissru lil ħaddieħor biex jaslu fejn iridu huma. Min-naħa l-oħra jien iferħuni ħafna affarijiet. Il-ħin li jkolli mal-familja li bħalissa limitat ħafna minħabba s-sitwazzjoni, kull kelma ġenwina ta’ inkoraġġiment jew apprezzament f’xogħli anke bħala għalliema, kull meta nara studenti jirnexxu wara li nkunu ħdimna flimkien, u ovvjament u l-iktar ħaġa li tferraħni hi meta Liam jgħidli jew jurini li jħobbni.

Hemm xi ħolma li tixtieq twettaq?

Nixtieq nagħmel ftit kuraġġ u nerġa’ nibda nistudja, kemm fuq film u anke fil-qasam tal-forensika, li hija xi ħaġa li tinteressani ħafna.

Hemm xi kurżitajiet oħra dwarek li tixtieq taqsam magħna?

Xi ħaġa li rari ħafna għidt hi, li meta kont żgħira, kont fit-tim nazzjonali ta’ Malta tal-basketball. Jaqbdu ħafna miegħi fuqha minħabba t-tul imma esperjenza li jien kburija biha.

X’messaġġ tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Fid-dinja hawn post għal kulħadd, u r-riżorsi naturali qiegħdin hemm għal kulħadd. L-egoiżmu tal-bniedem qed ifixkel dan kollu u jinstiga mibgħeda li qed teqred id-dinja. Biżżejjed inħarsu madwarna biex naraw in-nuqqas ta’ natura u arja, mibdula f’konkos. Biżżejjed niftħu l-midja soċjali biex naqraw u nisimgħu kliem distruttiv fuq bnedmin oħra bħalna. Il-progress u l-evoluzzjoni huma sbieħ, però sfortunatament, amendati għal min hu b’saħħtu. Kulħadd huwa importanti u ħaqqu jkun maħbub, u kulħadd għandu dritt u obbligu li jitgħallem, ħalli jikber u jkollu kontroll fuqu nnifsu filwaqt li jghin fil-kostruzzjoni ta’ dinja aħjar għal kulħadd.

Enable Notifications OK No thanks