Wirja ta’ fuljetti li jmorru lura fiż-żmien u li jitfgħu dawl fuq diversi suġġetti

Wirja ta’ fuljetti li jmorru lura fiż-żmien u li jitfgħu dawl fuq diversi suġġetti

Illum, is-16 ta’ Jannar 2023, il-Librerija tal-Università ta’ Malta nediet wirja li ġġib l-isem ta’ Enduring Ephemera: an exhibition of rare pamphlets from the UM Library’s Archives and Rare Books Collection.

Il-wirja, li tinsab fis-sular t’isfel tal-librerija, tikkonsisti minn sebgħin ktejjeb, li ġew ippublikati bejn il-perjodu tal-Ordni ta’ San Ġwann u żmien l-Inglizi. Dawn il-ktejbiet jitfgħu dawl fuq diversi suġġetti, fosthom fuljetti għall-katekiżmu u kurunelli, battalji marittimi fiż-żmien tal-Ordni, il-kwistjoni tal-lingwa, u dwar ix-xjenza, botanika u saħħa, fost suġġetti ta’ interess oħrajn.

Fost id-diversi fuljetti li qed jiġu esebiti insibu Catechismo religioso per le scuole infantili di Malta u The claims of the Maltese to Self-Government : a letter addressed to Her Majesty’s Principal Secretary of State for the Colonies by Sigismondo Savona.

Jekk inti interessat li tiskopri iktar dwar dawn il-ktejbiet, inħeġġuk tmur tara din il-wirja tant interessanti. Din il-wirja hija miftuħa għal kulħadd u se tibqa’ għaddejja sas-7 ta’ April.

Is-sala tal-Melitensia fl-Università ta’ Malta tiġi msemmija għall-Prof. Oliver Friggieri

Is-sala tal-Melitensia fl-Università ta’ Malta tiġi msemmija għall-Prof. Oliver Friggieri

Kull min kien jaf lil Prof. Oliver Friggieri jaf li kien iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu fil-bini tal-librerija, l-aktar fil-Melitensia, jagħmel ir-riċerka u l-istudju tiegħu, u jgħin lill-għeżież studenti tiegħu. Il-Professur jibqa’ magħruf għall-ħidma tiegħu partikolarment fil-letteratura, bil-pubblikazzjoni ta’ ħafna kotba li taw kontribut kbir fll-istudju tal-letteratura Maltija.

Għaldaqstant, ftit tal-jiem ilu l-Melitensia ġiet imsemmija għall-Professur Oliver Friggieri, li ddedika ħajtu fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, f’ċerimonja fejn fost dawk preżenti kien hemm il-familjari, ir-rettur tal-Università, letturi mid-dipartiment tal-Malti u l-maniġment tal-librerija.

Fost id-diversi xogħlijiet li huwa ppubblika u li jibqa’ sinonimu għalihom insibu Stejjer Għal Qabel Jidlam, L-Istramb, It-Tfal Jiġu bil-Vapuri u Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri.

Avveniment organizzat mil-Librerija tal-Università b’risq Richmond Foundation

Avveniment organizzat mil-Librerija tal-Università b’risq Richmond Foundation

Jekk nhar it-Tnejn li ġej, l-14 ta’ Novembru, se tkun qrib l-Università, mur sa quddiem il-Librerija, għax se jkun hemm bake sale b’risq Richmond Foundation.

Ir-Richmond Foundation hija fondazzjoni li tagħti għajnuna u appoġġ lin-nies li jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali, u lil dawk ta’ madwarhom, matul ħajjithom. Fil-fatt hija toffri diversi servizzi ta’ għajnuna li jvarjaw minn gruppi ta’ appoġġ u soluzzjonijiet ta’ għajxien assistit, għal programmi edukattivi u servizzi ta’ konsulenza. Apparti dan, din il-fondazzjoni tipprovdi għajnuna b’xejn lill-individwi li għandhom bżonnha iżda ma jistgħux iħallsu għaliha.

Reċentement Richmond Foundation qed tesperjenza żieda fid-domanda għas-servizzi tagħha iżda tnaqqis fid-dħul finanzjarju. Minkejja dan, huma baqgħu impenjati u qed jaħdmu aktar minn qatt qabel biex jiżguraw servizzi kontinwi lill-persuni fil-bżonn.

Għalhekk, jekk tixtieq li din il-fondazzjoni tkompli tagħmel aktar ġid fil-kommunità, nhar it-Tnejn żur il-kampus tal-Università, mur sa quddiem il-Librerija, ixtri tazza kafè u xi ħelu delizzjuż u tkun qed tgħin lil Richmond Foundation.

Kun parti minn din l-inizjattiva tant sabiħa!

Ir-Reġina Eliżabetta II fi żjara ġewwa l-Librerija tal- Università ta’ Malta fl-1967

Ir-Reġina Eliżabetta II fi żjara ġewwa l-Librerija tal- Università ta’ Malta fl-1967

Ftit tal-ħin ilu, fuq il-paġna tal-Librerija tal-Università, għadhom kemm ittellgħu żewġ ritratti, biex isellmu lill-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II. Bħalma ħafna jafu r-Reġina Eliżabetta II kemm-il darba żaret il-gżejjer Maltin, bħal fis-sena 1967.

Fil-fatt, ir-Reġina flimkien mar-raġel tagħha, il-Prinċep Filippu, żaru l-Librerija tal-Università ta’ Malta, nhar is-17 ta’ Novembru 1967. Jixhed dan huwa r-ritratt li juri lir-Reġina dieħla fil-Barclays Room (illum magħrufa aħjar bħala d-Dipartiment ta’ Referenza), fil-Librerija Prinċipali tal-Università.

Ritratt ieħor li tellgħu l-librerija huwa dak tal-ktieb tal-viżitaturi, li għandu l-firem kemm tar-Reġina Eliżabetta II kif ukoll ta’ żewġha il-Prinċep Filippu, Duka ta’ Edinburgh.

Jekk inti tixtieq tara dan il-materjal, li jiġbor fih dan il-mument speċjali tal-istorja tal-Librerija, kulma għandek tagħmel huwa li żżur id-Dipartiment tal-Arkivji u l-Kotba Rari fil-Librerija tal-UM. Dan il-materjal jifforma parti mill-Kollezzjoni tal-Arkivji tal-Wirt tal-Università ta’ Malta.

Ninu Cremona: Ħajtu u ħidmietu

Ninu Cremona: Ħajtu u ħidmietu

Illum, il-15 ta’ Settembru 2022, il-Librerija ta’ Università ta’ Malta nediet wirja biex tfakkar l-awtur Malti Ninu Cremona, f’għeluq il-50 sena minn mewtu. L-esebizzjoni, li tinsab fis-sular t’isfel tal-librerija ġġib l-isem ta’ ‘Ninu Cremona: ħajtu u ħidmietu’.

Is-Sur Ninu Cremona twieled nhar is-27 ta’ Mejju 1880, u miet fl-4 ta’ Jannar 1972. Huwa jitqies bħala wieħed mill-kolonni tal-ilsien Malti għax minbarra li kien wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Maltin, kien ukoll kittieb prolifiku.

F’din l-esibizzjoni organizzata mid-Dipartiment tal-Melitensia fi ħdan il-Librerija ta’ Università ta’ Malta qed jiġu esebiti diversi xogħlijiet ta’ Cremona, fosthom il-manuskritt tad-dramm Il-Fidwa tal-Bdiewa u l-ewwel poeżija tiegħu “L-Għannej ta’ wara l-Bjut.”

Allura, jekk inti interessat fil-lingwa Maltija jew tixtieq tiskopri iktar dwar il-ħajja u xogħol tas-Sur Ninu Cremona, inħeġġuk li tmur tara din il-wirja tant interessanti.

Bilħaqq, din l-esibizzjoni hija miftuħa għal kulħadd u se tibqa’ għaddejja sat-30 ta’ Diċembru. Morru arawha!

Enable Notifications OK No thanks