Select Page
Bil-filmat: Beltin! Ulied il-Kapitali tal-Maltin!

Bil-filmat: Beltin! Ulied il-Kapitali tal-Maltin!

“Għadhom il-passi jidwu tal-istorja” – Dan huwa l-ewwel vers tal-kanzunetta, Beltin, li ġiet imnedija jumejn ilu, b’dedika lill-Beltin kollha, u l-Belt Kapitali ta’ Malta, Valletta, li fiha nnifisha hija STORJA.

Din il-kanzunetta li hi ferm profonda u patrijottika, hija miktuba mill-pinna ta’ George Peresso, filwaqt li l-mużika hija ta’ Ludwig Galea, li wkoll ikanta din il-kanzunetta flimkien mar-reġina tal-Mużika Maltija, Mary Spiteri, b’arranġament mużikali ta’ Sean Vella.

Kanzunetta li tiġbor fiha dak kollu li l-Belt Kapitali tagħna għaddiet minnu fl-istorja, li ħarġet rebbieħa minn fuq l-għeddewa qerrieda.

Fil-fatt, Beltin hija riflessjoni tal-pjan u l-ħajja storika tal-Belt Valletta għaliex din il-kanzunetta titkellem dwar il-kobor ta’ din il-belt unika, li ġiet imfassla mill-Gran Mastru Jean Parisot De Valette u hija sit ta’ wirt dinji tal-UNESCO u nbniet taħt l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Beltin titkellem fost l-oħrajn dwar l-aspetti ewlenin li jsawruha u anki dwar it-tiġrif tal-Belt Valletta fit-Tieni Gwerra Dinjija u r-reżistenza u l-perseveranza tagħha.

Il-Belt Valletta li hija teżor għal Malta mimlija binjiet uniċi, b’palazzi, teatri u Katidral maestuż, li d-dinja qatt ma rat bħalu. U ma nistgħux ma nsemmux il-briju tan-nies Beltin li jimlew lejl u nhar, b’ferħ kbir il-Belt Kapitali tal-Maltin.

X’qed tistenna mur u ismagħha din il-kapulavur! U kif tkun fiż-żifna idħol u ara il-vidjow mużikali, li f’inqas minn 24 siegħa diġà rawh 15,000 persuna!

Prosit kbira tmur lejn dawk kollha li ħadmu biex aħna stajna nisimgħu u naraw din il-ġawhra ta’ kanzunetta.

Sibtek speċjali għal Jum il-Missier! Min se jkunu l-mistednin?!

Sibtek speċjali għal Jum il-Missier! Min se jkunu l-mistednin?!

Edizzjoni speċjali ta’ Sibtek qabel Jum il-Missier!

Sibtek li jmiss se jkun mimli missirijiet b’karattri differenti u kkuluriti fosthom il-kok Neil Darmanin, David Bajada, it-tabib u kantant Gianluca Bezzina u Ludwig Galea.

Se naraw dawn il-personalitajiet Maltin jgħaddu minn diversi sfidi u ċajt. B’dawn l-erba’ personalitajiet żgur divertiment garantit!

Waqt din l-edizzjoni kollha se jkollhom sorpriża ppreparata għalihom!

Imma xiex? U min?

Il-mistiedna ta’ Ryan u Josmar se jgħaddu minn bosta sfidi divertenti u sorpriżi li żgur ħadd mhu se jistenna.

Bħal dejjem, ma tonqosx ukoll il-mużika live flimkien ma’ Christian Arding.

Jekk tħobb issegwi Sibtek, l-appuntament ta’ kull nhar ta’ Sibt fuq TVM mill-12:15 ‘l quddiem, dan huwa programm ieħor li ma tistax titlef!

Il-koppja Steve u Manuel Aquilina waqt The Entertainers tal-lejla

Il-koppja Steve u Manuel Aquilina waqt The Entertainers tal-lejla

Il-personalitajiet televiżivi Steve u Manuel Aquilina, il-kantanti Ludwig Galea, Rita Pace u Laura Bruno kif ukoll l-illużjonista Kim Woods se jkunu fost il-mistiedna ewlenin fil-programm tal-lejla ta’ The Entertainers, il-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, li jixxandar fuq Net TV kull nhar ta’ Sibt fit-20.30.

Bi preżentazzjoni ta’ Victorio Gauci din il-ġimgħa The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’divertiment garantit flimkien mal-band residenti mmexxija minn Mark Spiteri Lucas u bosta artisti mistiedna. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.

Minn dan l-istaġun The Entertainers qed jiċċelebra memorji minn deċennji li għaddew u li llum huma biss tifkiriet. F’dan il-programm imiss is-snin 60 u s-snin 2000.

Minbarra l-mużika, l-ingredjenti ewlenin wara s-suċċess tal-programm, ikompli l-logħob bejn il-mistiedna li żgur għandhom iqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettaturi.

Din il-ġimgħa titkompla l-ewwel fażi tas-seba’ edizzjoni ta’ The Entertainers Singing Challenge.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina, Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili minn Josette Sciberras.

Danica Muscat tirbaħ it-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna

Danica Muscat tirbaħ it-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna

Il-kantanta lokali ta’ 27 sena, Danica Muscat rebħet it-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna, kompetizzjoni tal-kant organizzata minn DCapitals Big Band taħt id-direzzjoni ta’ Mro. George Apap, bis-sapport tad-Direttorat Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria, Distinct Homes Ltd, kif ukoll it-Teatru Astra, il-post li jospita dan l-ispettaklu mużikali.


Danica interpretat il-kanzunetta ikonika The Best, l-aħħar waħda fost l-24 parteċipant, u ta’ din l-interpretazzjoni, il-ġurija professjonali komposta minn Sylvana Attard, Ludwig Galea u Antonella Vassallo għażlitha kemm bħala r-rebbieħa ta’ Sezzjoni Ċ, kif ukoll tal-festival.

Il-premju tagħha huwa sena kuntratt ma’ DCapitals Big Band fejn tingħaqad mal-kantanti residenti: Jolene Sahman, Fabian Galea u Francesca Sciberras waqt l-ispettakli li jtellgħu matul is-sena li ġejja.


Ir-rebbieħa l-oħra tat-tielet edizzjoni ta’ Kantamagħna jinkludu lil Elisa Buttiġieġ bil-premju Distinct Talent Award; Kylie Micallef u Krista Chircop fl-ewwel u t-tieni post ta’ Sezzjoni A; Eliana Gomez Blanco u Maya Cauchi fl-ewwel u t-tieni post ta’ Sezzjoni B; u Bradley Debono fit-tieni post ta’ Sezzjoni Ċ.

Ritratt: Kris Micallef


Il-kantanta Danica Muscat żgur li m’għandha bżonn tal-ebda introduzzjoni fix-xena tal-mużika lokali, b’parteċipazzjonijiet fil-programm televiżiv Taljan, Io Canto; fil-Malta Junior Eurosong; il-Malta Eurovision Song Contest; is-Summer Hit Song Contest; il-Konkors Kanzunetta Indipendenza kif ukoll aktar riċenti; Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija fejn aktar tard din is-sena ħa tkun qiegħda terġa’ tipparteċipa, din id-darba bil-kanzunetta Ossiġnu f’kollaborazzjoni ma’ Kapitlu Tlettax.


F’kummenti li tellgħet fuq il-midja soċjali tagħha, Danica qalet li lanqas biss tista’ temmen, speċjalment meta tħares lejn il-kumplament tat-talent li kien hemm fost il-parteċipanti ta’ din it-tielet edizzjoni.

“Nixtieq nirringrazzja lil Mro. George Apap u l-DCapitals Big Band tax-xogħol siewi tagħhom, lill- membri tal-ġurija li għażlu lili, u fl-aħħar u mhux l-inqas lit-tim tiegħi li m’għandix għalfejn insemmihom wieħed wieħed għaliex jafu li kieku ma kienx għas-sostenn u l-kuraġġ tagħhom, jiena ma nisfidax lili nnifsi”.

Illejla – Edizzjoni speċjali ta’ The Entertainers f’Jum il-Milied

Illejla – Edizzjoni speċjali ta’ The Entertainers f’Jum il-Milied

Il-kantanti Ludwig Galea, Laura Bruno, Aldo Busuttil, Ishmael Grech, Krista Spiteri Lucas, u Michela Galea kif ukoll żeffiena minn Paul Curmi Dance Company se jkunu fost il-mistednin ewlenin waqt l-edizzjoni speċjali tal-varjetà televiżiva tas-Sibt filgħaxija, The Entertainers, li se tixxandar illejla f’Jum il-Milied fuq Net TV fit-20.30.

Bi preżentazzjoni ta’ Corazon Mizzi u Victorio Gauci, din il-ġimgħa The Entertainers iwasslilkom sagħtejn u nofs ta’ spettaklu b’ħafna kanzunetti popolari tal-Milied, logħob mal-mistednin, rakkont ta’ esperjenzi personali tal-Milied u divertiment garantit. Fuq kollox ir-rebħ ta’ rigali kbar u mill-isbaħ.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Cocktail Bar ma’ James Aquilina u Fashion Time b’pariri siewja dwar il-moda femminili minn Josette Sciberras.

Enable Notifications    OK No thanks