It-Tazza tal-Ilma (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

It-Tazza tal-Ilma (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Għal daqshekk?” dħaqtlu u kxift xedaq snien bojod sbieħ. Jekk ma kelli xejn sew, kelli snieni perfetti. “Tħallas int imma hux?”
“Mhux hekk………” weġibni.
Tajtu daqqa t’għajn ħafifa biex naċċerta ruħi li ma kienx qed jiċċajta.
“Tajjeb hekk.”
“Grazzi.”
Il-ġurnata li kellna mmorru Londra kienet waslet malajr. Peress illi kulħadd kien jgħid li hemm kien jagħmel ħafna ksieħ, ommi tgħidx kif kienet geżwritna f’xalel u ġkieket u kalzetti u qliezet fuq xulxin……..ħassejtni miexi lejn l-ajruport qisni robot. U lil ħija bilkemm kont qed narah fil-ħwejjeġ……..peress illi hu ma fih xejn.
Skont ħija, kien sab xi lukanda prima. Kelli seba’ mitt sena sakemm naraha.
Iżda malli wasalna Londra, qbadna karozza tal-kiri u wasalna quddiem ‘il-lukanda’. Jien xejn ma ħassejtni impressjonat. Anzi, għall-kuntrarju, ħarist minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq tal-lukanda u kelli aptit nitlaq niġri lura lejn l-ajruport u naqbad l-ewwel ajruplan lura lejn Malta.
“Sabiħa?” staqsieni ħija Leonard.
Bilkemm flaħt inwieġbu. Ħassejt għajnejja joħorġu xiber minn ġo rasi, xufftejja tkemmxu waħedhom u saqajja baqgħu stirati bi dritt.
“U ejja Mike, naf li stennejt aħjar. Imma ma kellix flus għal-lussu. U aħna mhux kemm norqdu?” qalli, hekk kif ħataf il-bagalja żgħira li kien ġab miegħu u telaq jimxi lejn ‘il-lukanda’ ħalli ma jagħtinix ċans neqred u ngerger.
“Kerha. Se taqa’ biċċiet. Il-ħġieġ tat-twieqi maħmuġ. U jekk hemm xi nsetti? Jien nibża’. Taf inti…….U tidher qadima. Donnu hawn………donnha waħda minn dawk il-lukandi li tara f’xi film tal-biża!” ridt ngħidlu.
Iżda gdimt ilsieni, berraqt għajnejja u dħalt warajh. Ir-riħa ta’ umdu li laqgħetni, ħassejtha nieżla sa griżmejja u terġa’ titla għal widnejja.
Iż-żebgħa tal-ħitan kienet imqaxxra kollha. L-injam tal-art kien qed jagħmel ħsejjes ta’ żaqżiq kontinwu. It-tfajla li kien hemm wara l-iskrivanija kienet tidher xi ftit imdellka u kellha ċ-ċrieki suwed taħt għajnejha.
“Kemm ilek ma torqod?” kelli aptit nistaqsiha iżda tbissimtilha għax kont qed nibża’.
Malli dħalt fil-kamra fejn konna se nqattgħu l-lejl ħassejt is-suf ta’ dahri jitla’ xewk, xewk ‘il fuq.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

109 snin ilu seħħet it-traġedja tat-Titanic

109 snin ilu seħħet it-traġedja tat-Titanic

Mija u disa’ snin ilu, proprju fil-15 ta’ April tal-1912, vapur lussuż tal-passiġġieri, li kien meqjus li ma jistax jegħreq, laqat iceberg u għereq barra mill-kosta ta’ Newfoundland. Għalkemm b’kollox mietu aktar minn 1,500, ittieħdu 73 sena biex it-tifrik tal-vapur finalment jinstab, u ħafna snin oħra biex tinkixef l-istorja sħiħa tat-traġedja.

Issa, aktar minn seklu wara, it-Titanic għadu wieħed mill-aktar stejjer affaxxinanti fl-istorja, u ispira għadd ta’ films, kotba u riċerka dwar ir-rakkont traġiku u misterjuż tiegħu.

Imma kemm nafu verament dwar is-sigrieti tat-Titanic u dawk abbord?

Irnexxielna niskopru fatti u dettalji li żgur ma rajnihomx fil-film, li jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien jibqa’ tant popolari u segwit.

Ma ġiex irħis! Il-vapur sewa $7.5 miljun biex jinbena. Fatt interessanti huwa li l-film ta’ James Cameron tal-1997 dwar id-diżastru kellu baġit ta’ produzzjoni ta’ $200 miljun.

Żgur li ma kienx xogħol ta’ raġel wieħed. Ħadu 3,000 bennej tal-bastimenti Harland & Wolff biex jibnu l-vapur.

Kien twil aktar minn 882 pied li jiġi ekwivalenti għal kważi tliet grounds tal-futbol. Kien jiżen ukoll 52,310 tunnellata.

Waħda mill-ismokestacks ma kinitx taħdem. Tlieta minnhom biss kienu fil-fatt funzjonali. Dak żejjed kien biss biex il-vapur jidher aktar impressjonanti.

Kien hemm biss 20 dgħajsa tas-salvataġġ. Il-vapur kien mgħammar biex iżomm 64. Ħafna mid-dgħajjes tas-salvataġġ intbagħtu qabel ma kienu mimlijin. Kien hemm 28 persuna fuq l-ewwel dgħajsa meta kienet tesa’ 65 persuna.

Id-disinn interjuri kien ibbażat fuq lukanda ta’ Londra. The Ritz, fil-viċinat ta’ Picadilly f’Londra ispirat id-disinn ta’ ġewwa tal-vapur. Il-lukanda fetħet fl-1906 u għadha topera sal-lum.

Kien hemm ħafna kumditajiet fil-parti tal-ewwel klassi tal-vapur. Parti minn dan il-lussu kien jinkludi pixxina, banju Tork, squash court, u kennel tal-klieb.

Kien jeħtieġ ħafna faħam. Iktar minn 800 tunnellata ta’ faħam inħarqu biex iħaddmu l-vapur kuljum.

Iktar minn 100,000 persuna attendew għat-tnedija tal-vapur. Telaq minn Belfast, l-Irlanda.

Abbord kien hemm aktar minn 2,200 persuna. In-numri jvarjaw kemm kien hemm eżattament nies fuq il-vapur, iżda 32% biss salvaw mill-għarqa.

In-numru eżatt ta’ mwiet għadu mhux magħruf. Hemm approssimattivi bbażati fuq il-manifesti tal-vapur, iżda n-nies ivvjaġġaw taħt ismijiet foloz u minn tant postijiet differenti li dawk il-listi ma kinux kompletament preċiżi.

Kellha tkun vaganza romantika għal xi wħud. 13-il koppja abbord kienu fuq il-qamar il-għasel tagħhom.

Kien hemm biss 23 membru tal-ekwipaġġ nisa. Dawk it-23 mara kienu jiffurmaw it-885 membru tal-ekwipaġġ li kienu abbord.

Il-mużiċisti ma kellhomx biċċa xogħol faċli! Il-mużiċisti fuq il-vapur kienu mistennija li jkunu jafu t-352 kanzunetta kollha elenkati fil-ktieb tal-kanzunetti mogħtija lill-passiġġieri tal-ewwel klassi sabiex ikunu jistgħu jagħmlu t-talbiet tagħhom.

Huma komplew għaddejjin anki waqt li kien qed jegħreq il-vapur! Ix-xena ikonika mill-film ġrat ukoll fil-ħajja reali, bl-għan li jagħtu l-għajnuna tagħhom biex jikkalmaw il-passiġġieri, il-mużiċisti komplew idoqqu anki waqt li kien qed jegħreq it-Titanic, u fl-aħħar mill-aħħar tilfu ħajjithom fl-għarqa.

Il-vapur kellu l-gazzetta tiegħu stess. The Atlantic Daily Bulletin kienet tiġi stampata u mqiegħda kull filgħaxija fil-kamra tat-tipjip tal-passiġġieri tal-ewwel klassi.

L-aħħar pranzu tal-vapur kien festa. L-aħħar ikla servuta fuq it-Titanic kienet tikkonsisti f’10 korsijiet. Il-menu kien jinkludi oysters, soppa tax-xgħir, salamun moqli, u ħafna aktar.

Kellu 15,000 flixkun birra ale u, 1,000 flixkun inbid abbord. Il-vapur kien ukoll maħżuna bi 850 flixkun likur kif ukoll 8,000 sigarri! Uħud mix-xampanja fil-fatt instabu meta ġie skopert in-nawfraġju fl-1985.

Kien hemm passiġġieri tal-ewwel klassi, u kien hemm ukoll John Jacob Astor IV. Aston kien l-iktar passiġġier sinjur abbord. Huwa kien jiswa aktar minn $90 miljun. Dan huwa aktar minn żewġ biljun dollaru skont l-istandards tal-lum meta titqies l-inflazzjoni.

Il-furnar tal-vapur, Charles Joughin, kien fost dawk li salvaw. Joughin qatta’ sagħtejn fl-ilma qabel ma ġie salvat. Huwa sostna li kien kapaċi jdum daqshekk għax xorob ħafna whiskey minn qabel.

Mara li baqgħet ħajja mill-għarqa tat-Titanic, aktar tard irnexxielha ssalva wkoll minn għarqa ta’ vapur ieħor! Stewardess u infermiera Violet Jessop baqgħet ħajja mill-għarqa tat-Titanic biss biex tesperjenza vapur ieħor li għereq fuq il-Britannic erba’ snin wara, fl-1916. Jessop irnexxielha terġa’ ssalva iżda sofriet ġrieħi trawmatiċi f’rasha.

Persuna oħra li rnexxielha ssalva, aktar tard saret attivista u ħarġet għas-Senat tal-Istati Uniti. Waħda mill-aktar persuni famużi li salvaw mit-traġedja tat-Titanic kienet Margaret Brown, li aktar tard ġiet imlaqqma “The Unsikable Molly Brown.” Hija saret attivista avida, tappoġġja s-sugffraġju tan-nisa u saħansitra ħarġet għas-Senat.

L-iżgħar persuna li salvat mietet fl-2009. Milvina Dean kellha xahrejn meta kienet fuq it-Titanic. Għexet sal-età ta’ 97 sena.

Milton S. Hersey suppost kellu jkun passiġġier. Il-magnat taċ-ċikkulata kellu biljett u kollox, iżda kellu jaqleb għal vapur ieħor li ħadu lejn New York aktar qabel minħabba xi laqgħat tan-negozju li kellu.

Kellu jkun hemm eżerċizzju tad-dgħajjes tas-salvataġġ dakinhar li għereq il-vapur. Il-Kaptan Edward John Smith ikkanċella dan l-eżerċizzju li kien ippjanat dakinhar tal-għarqa iżda r-raġuni ħadd ma jafha.

Ġie magħruf minn fejn ġiet l-iceberg. Il-biċċa silġ ta’ 100 pied ġiet traċċata lura għal glaċier fi Greenland.

Il-vapur ħa 400 tunnellata ilma kull minuta wara li laqat l-iceberg. L-ewwel ma ntliet bl-ilma kienet il-parti ta’ quddiem tal-vapur, li kkawża l-parti ta’ wara titla’ fl-arja u eventwalment tinqata’.

Kien 400 mil mill-art meta għereq. Newfoundland kienet l-eqreb destinazzjoni, iżda t-Titanic kien diġà taħt l-ilma ftit sigħat wara li laqat l-iceberg.

Il-gazzetti ma rrapurtawx l-istorja tat-traġedja sewwa. Meta l-aħbar dwar l-għarqa laħqet il-kontinent, diversi gazzetti rrapurtaw ħażin li ma kienx hemm vittmi. Ladarba n-numri veri bdew deħlin, in-nies ingħaqdu flimkien biex jiġbru flus għall-vittmi.

Film dwar it-traġedja ħareġ inqas minn xahar wara li ġrat. Kien film sieket maħruġ f’Mejju tal-1912. Kien ikkaratterizzat minn Dorothy Gibson, attriċi li baqgħet ħajja mill-għarqa.

Ħa ħafna żmien biex jinstab ir-relitt. Il-missjonijiet ta’ tfittxija bdew kważi immedjatament wara li l-vapur sparixxa taħt l-ilma, iżda ma nstabx sal-1985. Robert Ballard sab ir-relitt waqt li kien abbord vapur ta’ riċerka Franċiż imsejjaħ Le Suroît.

Irkupraw ħafna mir-relitt. Ġew irkuprati madwar 6,000 artifatt, li jinsabu għall-wiri f’mużewijiet madwar id-dinja u xi wħud inbiegħu bl-irkant bi prezzijiet għoljin.

Il-lookouts tal-vapur ma setgħux jaċċessaw il-binokli. Il-binokli tal-vapur apparentament kienu msakkra ġewwa kabinett, imma ħadd ma seta’ jsib iċ-ċwievet minħabba li uffiċjal tal-vapur aċċidentalment nesa jagħtihomlhom. Għaldaqstant kellhom jiddependu fuq il-vista tagħhom biss, wieħed mill-ħafna fatturi li huma maħsuba li kkontribwixxew fit-traġedja tal-vapur.

Il-fdalijiet tal-vapur qed jisparixxu. Hemm batterja li tiekol is-sadid imsejħa Halomonas titanicae li bil-mod qed tikkonsma l-fdalijiet tal-vapur. Huwa mistenni li jkun sparixxa kompletament sal-2030.

Hemm Titanic ieħor ippjanat! Fl-2012, il-miljunarju Awstraljan Clive Palmer ħabbar pjanijiet biex jibni replika moderna tat-Titanic, imsejħa Titanic II, f’assoċjazzjoni mal-kumpanija Blue Star Line. Il-bord tal-kumpanija jikkonsisti f’żewġ dixxendenti ta’ persuni li salvaw mill-għarqa.

Enable Notifications OK No thanks