L-eks President tal-Brażil jgħid li Zelenskyy huwa responsabbli għall-gwerra fl-Ukrajna daqs Putin

L-eks President tal-Brażil jgħid li Zelenskyy huwa responsabbli għall-gwerra fl-Ukrajna daqs Putin

L-eks President Brażiljan Lula Inacio da Silva qal lill-magażin TIME li l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy huwa responsabbli għall-gwerra fl-Ukrajna daqs il-President Russu Vladimir Putin.

Huwa sostna li minkejja li l-President Zelenskyy jiġi mfaħħar u jingħata standing ovations mill-parlamentari Ewropej, huwa responsabbli għall-gwerra daqs Putin għax skont hu fil-gwerra ma jkunx hemm persuna waħda biss ħatja.

Meta tkellem ma’ TIME f’intervista biex jimmarka t-tnedija tas-7 ta’ Mejju tal-kandidatura tiegħu għat-tielet terminu presidenzjali, Da Silva qal li Putin ma kellux jinvadi l-Ukrajna, iżda t-tort huwa wkoll tal-Istati Uniti, in-NATO u l-Unjoni Ewropea.

Saħaq li l-Ewropej ma kellhomx jaċċettaw li l-Ukrajna tissieħeb fl-UE.

Da Silva kompla billi sejjaħ l-imġiba ta’ Zelenskyy bħala “kemxejn stramba,” u semma d-dehriet frekwenti fuq it-televiżjoni tal-President Ukren.

Huwa qal li minflok jindirizza l-parlament tar-Renju Unit, il-parlament Ġermaniż, il-parlament Franċiż, il-parlament Taljan, bħallikieku qed jagħmel kampanja politika, għandu jkun fuq il-mejda tan-negozjati.

Enable Notifications OK No thanks