Filmat: Minn tifla ċkejkna magħluqa fiha nnifisha għal direttriċi ta’ Skoperta

Filmat: Minn tifla ċkejkna magħluqa fiha nnifisha għal direttriċi ta’ Skoperta

“Jekk għandek id-determinazzjoni u s-sapport ta’ dawk ta’ madwarek, li huwa importanti immens, jirnexxilek tagħmel kollox” – Roberta Magri

F’intervista li saret mit-tim tal-programm Awla, id-direttriċi ta’ dan is-sit, Roberta Magri tkellmet dwar il-passjonijiet tagħha fosthom proprju dan il-proġett, skoperta.net, li għaliha kienet ħolma li rnexxielha twettaq.

Roberta qalet kif minkejja li minn barra tidher li għandha diżabilità, dejjem għamlet ħilitha biex ma tħallix id-diżabilità tkun l-identità tagħha.

Minkejja dan, hija qalet li meta kienet żgħira, kellha l-isfidi tagħha, aktar milli minħabba d-diżabilità, kien minħabba l-karattru tagħha u l-fatt li kienet magħluqa fiha nnifisha. Fil-fatt hija tgħid li dawk li jafuha llum, m’għandhomx idea tal-persuna li kienet dak iż-żmien.

Roberta tkellmet dwar il-passjonijiet tagħha, dawk tad-drama, il-mużika, il-kitba u l-ġurnaliżmu. Passjonijiet li kollha kemm huma rnexxielha ssarrafhom fil-prattika u twettaq il-ħolm li kellha.

Hija semmiet s-sehem tagħha f’sensiliet televiżivi Maltin, il-kanzunetta li kitbet għall-festival tal-kanzunetta Maltija Mużika Mużika, u ovvjament ma setax jonqos, l-akbar proġett li qatt wettqet f’ħajjitha, dan is-sit, skoperta.net.

Roberta qalet li minkejja li x-xogħol ta’ direttriċi ta’ skoperta.net huwa x-xogħol prinċipali tagħha u li ħafna mix-xogħol tagħmlu hi, iżda ma kienx jirnexxilha tasal sa fejn waslet mingħajr l-għajnuna u s-sapport tal-persuni qrib tagħha, partikolarment il-kuġina tagħha Janice, li hija wkoll direttriċi ta’ skoperta.net, u persuna importanti fil-ħajja tagħha, Patrick, li fi kliem Roberta, jgħinha ħafna u li kieku ma kienx hu ma kinitx tasal sa fejn waslet.

Awla, jixxandar fuq ONE, kull nhar ta’ Ħamis fit-20:35.

Filmat: Kont taf li għandna parti fil-baħar magħluqa f’pixxina naturali fil-limiti tal-Qrendi?

Filmat: Kont taf li għandna parti fil-baħar magħluqa f’pixxina naturali fil-limiti tal-Qrendi?

Kont taf li Malta għandna parti fil-baħar magħluqa f’Pixxina Naturali fil-limiti tal-Qrendi?


Kont taf li din timtela’ permezz ta’ mina taħt l-ilma li minnha jidħol l-ilma baħar?


Segwu magħna din l-avventura interessanti li qasam magħna l-vlogger Angelo Caruana fejn għal ġimgħa oħra qed jurina ġawhra oħra mill-gżejjer Maltin, li ftit nies jafu biha.


Sabiex tasal għal din il-pixxina, trid tipparkja l-karozza fejn Għar Lapsi u taqbad mixja qasira direzzjoni lejn Wied iż-Żurrieq. Wieħed irid joqgħod ħafna attent minn fejn jgħaddi peress li l-kosta ta’ dawn l-inħawi hija waħda fraġli u faċli jaqa’ xi blat. Il-veduti minn hawn huma tal-meravilji b’diversi għerien żgħar, bajjiet, irdum kif ukoll xenarju mill-isbaħ tal-baħar u l-gżira ta’ Filfla.

F’dan il-filmat tistgħu taraw ukoll filmati taħt il-baħar tal-mina li tissupplixxi l-ilma baħar għal din il-ħofra fil-blat. Ġawhra naturali oħra li jekk qatt ma żort nissuġġerulek li tmur. Dejjem importanti li tuża l-passaġġi eżistenti sabiex ma tagħmilx ħsara l-post u żżomm l-ambjent nadif.

Enable Notifications OK No thanks