Mużika Mużika: Serata ta’ nostalġija b’kanzunetti klassiċi

Mużika Mużika: Serata ta’ nostalġija b’kanzunetti klassiċi

It-tieni serata tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika li xxandret ilbieraħ kienet mimlija emozzjonijiet u nostalġija.

Is-semifinalisti flimkien ma’ kantanti stabbiliti interpretaw kanzunetti klassiċi Maltin, li jgħaddi kemm jgħaddi żmien jibqgħu tant maħbuba u popolari.

Serata ppreżentata għal darb’oħra minn Keith Demicoli, Moira Delia u Clare Agius flimkien ma’ Taryn Mamo Cefai u Dorian Cassar.

Fis-serata finali tal-lejla nkunu nafu min hu r-rebbieħ ta’ din l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika!

Liema kanzunetta hija l-favorita tiegħek?

Tmut l-attriċi Karmen Azzopardi

Tmut l-attriċi Karmen Azzopardi

F’post fuq Facebook, Mario Philip Azzopardi ħabbar il-mewt tal-attriċi veterana Karmen Azzopardi fl-età ta’ 88 sena.

Karmen hija meqjusa bħala waħda mill-ikoni tat-televiżjoni u t-teatru Malti. Hija ħadmet ma’ awturi kbar bħal Francis Ebejer.

Ħadmet ukoll f’diversi produzzjonijiet televiżivi li baqgħet sinonima magħhom.

Karmen Azzopardi mhux biss hija waħda mill-aqwa atturi ta’ Malta iżda meqjusa bħala waħda li mill-esperjenza professjonali tagħha kienet tgħin lil atturi oħrajn ikomplu jevolvu f’dan il-qasam.

Ċertament, Karmen hija maħbuba minn ħafna u se tibqa’ fil-qalb tal-Maltin u l-Għawdxin, partikolarment dawk li għandhom għal qalbhom it-teatru Malti.

F’isem it-tim ta’ skoperta.net, insellmu l-memorja ta’ Karmen Azzopardi u nagħtu l-kondoljanzi lill-familja, il-ħbieb u dawk kollha qrib.

X’sorpriżi għandhom jistennewhom il-mistiedna ta’ Sibtek li jmiss?!

X’sorpriżi għandhom jistennewhom il-mistiedna ta’ Sibtek li jmiss?!

Sibtek jirritorna b’aktar personalitajiet!

Din id-darba l-personalitajiet huma kollha atturi! Rachel Micallef, Carlos Farrugia, Brian Farrugia u Amy Callus huma l-mistiedna ta’ Ryan u Josmar waqt l-edizzjoni li jmiss ta’ Sibtek li jixxandar kull nhar ta’ Sibt fuq TVM mill-12:15 ‘l quddiem.

Rachel se tiltaqa’ ma’ koppja li tammira ħafna u li tħobb immens. Hemm ukoll candid ħelwa ħafna!

Brian se jiltaqa’ mal-iktar personalità Maltija sexy għalih waqt dan Sibtek! Imma kif?! X’se tagħmillu?!

Lil Carlos se nsiru nafuh mill-lenti iktar personali din id-darba.

Amy Callus li hija dik li tinterpreta Mrs Axiaq fis-sensiela tant maħbuba Simpatiċi u se jkollha sorpriża kbira mingħand ħafna nies differenti. ‘Il fuq minn 15-il persuna! imma min se jkunu dawn?!

Il-mistiedna ta’ Ryan u Josmar se jgħaddu minn bosta sfidi divertenti u sorpriżi li żgur ħadd mhu se jistenna.

Bħal dejjem, ma tonqosx il-mużika lajv flimkien ma’ Christian Arding.

Jekk tħobb issegwi Sibtek, dan huwa programm ieħor li ma tistax titlef!

Il-mewt ta’ Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li sofriet sitt ijiem qabel

Il-mewt ta’ Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li sofriet sitt ijiem qabel

Il-mewt tal-attriċi popolari Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li tatha sitt ijiem qabel mietet, fil-31 ta’ Diċembru tal-2021, fl-età ta’ 99 sena.


L-attriċi maħbuba ta’ Golden Girls u Mary Tyler Moore Show mietet id-dar tagħha f’Los Angeles.

Il-kawża kienet ikkonfermata mit-tabib ta’ White, kif inhu tipiku f’każi bħal dawn.

Hija ġiet kremata u l-fdalijiet tagħha ngħataw lil Glenn Kaplan, ir-raġel li kien inkarigat għall-kura tas-saħħa ta’ White.

Betty White, li kienet pedament televiżiv għal aktar minn 60 sena u kienet ammirata minn diversi ġenerazzjonijiet ta’ fans, mietet inqas minn 3 ġimgħat qabel għeluq il-100 sena tagħha.

“Ilni noħroġ ma’ waħda 3 xhur u għadni m’għidtilhiex li jien trans”

“Ilni noħroġ ma’ waħda 3 xhur u għadni m’għidtilhiex li jien trans”

Li tgħid lill-maħbuba ġdida tiegħek li inti persuna transġeneru għall-ewwel darba tista’ tkun tal-biża’ u ta’ sfida kbira. Wieħed jista’ jibża’ li jiġi miċħud jew diskriminat minn persuna daqshekk importanti għalih. Madanakollu, huwa importanti ħafna li tiftakar li int, bħala individwu trans, għelibt ħafna ostakli sabiex tkun tista’ tesprimi l-ġeneru verament tiegħek. Huwa importanti ħafna għas-saħħa mentali tiegħek li int tkun imdawwar minn nies li jissapportjawk. Iżda hija kruċjali immens li int ikollok l-appoġġ minn dik il-persuna li hemm il-potenzjal li tibni ħajtek magħha.

Kull tip ta’ relazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fiduċja u r-rispett bejn iż-żewġ partijiet. Jekk wieħed iżomm għalih xi ħaġa kruċjali bħal din għal żmien twil tista’ tkisser il-fiduċja li s-sieħba tiegħek għandha lejk.

Huwa importanti li l-individwu trans jispjega d-differenza bejn l-identità tal-Ġeneru u l-Orjentazzjoni Sesswali. Li tifhem id-differenza bejn dawn it-tnejn tista’ verament tgħin lis-sieħba tiegħek tipproċessa din l-informazzjoni.

Kif wieħed jagħraf il-kunċett tiegħu nnifsu, pereżempju jekk hux ta’ mara, ta’ raġel, ta’ ftit mit-tnejn jew l-ebda, huwa l-identità tal-ġeneru tal-persuna. L-identità tal-ġeneru tal-individwu tista’ tkun l-istess jew differenti mis-sess ġenetiku li wieħed jitwieled bih. Filwaqt li l-orjentazzjoni sesswali tal-individwu hija dak is-sess li wieħed huwa attirat fiżikament lejh.

Għalhekk, jekk individwu jgħaddi mill-proċess ta’ trasformazzjoni tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom ma tiġix affettwata u allura jistgħu xorta jkunu attirati lejn l-istess individwi jew lejn l-istess sess. Dan jista’ jkun ta’ serħan il-moħħ għas-sieħba tiegħek.

Ċerti affarjiet li jistgħu jgħinuk:

Ħu nifs fil-fond.

Din mhijiex xi ħaġa faċli iżda xi ħaġa li tista’ tqajjem sentimenti ta’ ansjetà kbira. Wieħed jista’ jkun beżgħan ħafna dwar kif il-persuna l-oħra se tirreaġixxi. Wieħed għandu jieħu nifs il-ġewwa fil-fond u jitkellem mill-qalb. Jekk trid tifforma pedament sod ibbażat fuq il-fiduċja u eventwalment l-imħabba mas-sieħba l-ġdida tiegħek, għandek tibda billi tkun onest magħha u miegħek innifsek. Afda fiha u li fl-aħħar mill-aħħar dak li ġej mill-intenzjonijiet twajba dejjem jirranġa ruħu.

Kun lest twieġeb xi mistoqsijiet.

Jista’ jkun li s-sieħba tiegħek ma tantx tkun taf ħafna dwar il-komunità tal-LGBTQ+, allura probabbilment ikollha xi mistoqsijiet. Huma jkunu qed jistaqsu, mhux biex jippruvaw iċekknuk jew iwaqqgħu l-identità tiegħek iżda għax ikunu jridu jitgħallmu aktar dwar l-esperjenzi tiegħek u jifhmu minn xiex tkun għaddejt. Huwa importanti wkoll li int tinkoraġġixxi lis-sieħba tiegħek biex teduka lilha nnifisha iktar fuq dan is-suġġett.

Kun ċert li għandek nies li jissaportjawk.

Kemm jekk huwa terapista jew xi ħbieb tal-qalb, kun żgur li s-sistema ta’ sapport tiegħek ma tinkludix lit-tfajla tiegħek biss. Tkun kemm tkun ta’ appoġġ it-tfajla tiegħek, ma tistax tgħinek f’kollox. Huwa bżonn li hi wkoll ikollha s-sistema ta’ sapport tagħha.

Studji sabu li meta individwu jistqarr ma’ xi ħadd għall-ewwel darba informazzjoni bħal din tista’ tqajjem sentimenti ta’ xokk u konfużjoni għas-sieħba tiegħu. Ir-riċerka minn Platt u Bolland (2018), sabet xi konsiderazzjonijiet komuni għall-imsieħba ta’ individwu trans. Xi wħud huma, konsiderazzjonijiet b’intimità fiżika, sesswali u emozzjonali, tħassib dwar is-sigurtà, it-tibdil fil-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll apprezzament ġdid għall-ispettru tal-ġeneru.

Studji juru li l-imsieħba ta’ individwi trans jerġgħu jikkunsidraw l-identitajiet sesswali tagħhom stess kif ukoll ir-relazzjoni intima tagħhom. Skont ċerti studjużi dan il-proċess jgħidulu ‘co-transitioning’. Dawn il-partners jistgħu jużaw dan il-proċess biex jikbru fir-relazzjoni u jifhmu iktar il-ġeneru tagħhom stess. F’din ir-riċerka jenfasizzaw l-importanza ta’ komunikazzjoni diretta u onesta dwar dawn il-bidliet li jistgħu jseħħu fir-relazzjoni.

Il-komunikazzjoni tista’ ttejjeb il-funzjonament tal-koppja kif ukoll l-esperjenzi sesswali ta’ bejniethom. Komunikazzjoni tajba hija dejjem kruċjali għar-relazzjoni b’saħħitha, anke jekk din għadha fil-bidu.

Biex nikkonkludu, huwa importanti li tiftakar li tibqa’ kalm u li dejjem tesprimi s-sentimenti tiegħek tajjeb mas-sieħba tiegħek. Agħti s-sieħba tiegħek il-ħin li għandha bżonn biex taġġusta u tipproċessa din l-informazzjoni.

Ma jimpurtax kif is-sieħba tiegħek tirreaġixxi għal din l-aħbar iżda ftakar li int bħala individwu trans għelibt bosta ostakli biex tgħix verament kif tħossok l-iktar kuntent. Kun kburi bik innifsek, dawwar lilek innifsek b’nies li jappoġġjawk u afda li fl-aħħar mill-aħħar kollox jitranġa għall-aħjar.

Enable Notifications OK No thanks