
Bil-filmat: “Nixtiequ li ssir ġustizzja. Ħadd ma jixraqlu jmut b’dak il-mod” – Il-kuġini ta’ Jean Paul Sofia
Nhar l-Erbgħa filgħaxija fuq TVM, il-programm Popolin, ippreżentat minn Quinton Scerri ddiskuta l-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna, l-iżvilupp u l-ħarsien ambjentali. Waqt dan il-programm, fakkru l-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia, żagħżugħ ta’ 20 sena, li tilef ħajtu wara li ġġarraf il-bini li kien fih, f’Kordin.
Popolin wera filmat fejn tkellmu l-kuġini ta’ Jean Paul: Kelly, Maia u Kyle. Kollha kemm huma ddeskrivew lil Jean Paul bħala persuna b’karattru ferrieħi u li għalihom kien qisu ħuhom.
Huma bdew billi ftakru fit-tfulija tagħhom flimkien ma’ Jean, fejn jistqarru li dejjem kien iġorr id-daħka fuq wiċċu, b’xagħar nokkli tiegħu kullimkien. Kien moħħu biex jara x’ħa jivvinta biex il-ħin tiegħu mal-kuġini kien ikun wieħed mill-isbaħ u ta’ memorja sabiħa. Kelly stqarret li lil Jean kienet dejjem tarah bit-tbissima fuq wiċċu, “lanqas għandi stampa tiegħu f’moħħi bin-nervi jew bid-dwejjaq. Dejjem kuntent! Dejjem ferħan!”
Jean Paul kien jaħdem ma kumpanija tal-airconditions, meta nhar it-3 ta’ Diċembru 2022, is-Sibt filgħodu, mingħajr ma kien ippjanat, iż-żagħażugħ mar fuq sit ta’ kostruzzjoni b’xi għodda. Waqt li kien ġewwa għal xi raġuni l-bini ġġarraf, b’Jean Paul jinqabad ġewwa.
Wara aktar minn ħmistax-il siegħa ta’ tfittxijiet, il-membri tal-protezzjoni ċivili sabu il-katavru ta’ Jean Paul.
Meta ġara l-każ, kuġintu Kelly, kienet Għawdex, u kien missierha, li ta l-aħbar ta’ dak li kien ġara.
Tirrakkonta, li malli saret taf, tant kienet fi stat ta’ xokk li ma setgħetx tibki, baqgħet iċċassata, ma setgħetx temmen! Kien biss wara l-funeral tiegħu meta pproċessat x’kien ġara, “kien funeral mimli ħajja, kien l-isbaħ funeral li qatt mort.” Tgħid, li preżenti kien hemm sħabu kollha, li dehru kemm kienu jħobbuh u x’kien ifisser għalihom.
L-aħħar tislima lil Jean Paul ġiet deskritta bħala ċelebrazzjoni tal-ħajja, il-ħajja li Jean Paul kien tant iħobb.
Il-laqam tiegħu kien Is-Sofia minħabba kunjomu. Kien żagħżugħ iffissat fuq il-karozzi u mal-windscreen kien waħħal sticker tal-laqam tiegħu. Għall-funeral tiegħu, it-tfajla tiegħu qassmet stickers bħalma kellu, u kull min kellu karozza waħħalha, bħala memorja tiegħu.
Apparti minn hekk, Kelly u sħabu għamlu tattoo bil-kliem “Is-Sofia” biex jibqa’ jgħix magħhom.
Fil-ġurnata li miet, Kelly tirrakonta, kif hija kellha l-laptop magħha Għawdex, u ta’ artista li hi, bdiet tpenġih mill-ewwel. Hi u tpenġih bdew għaddejin minn moħħha l-memorji li kellhom flimkien. Il-proċess tat-tpinġija kien twil, kienet damet tnax-il siegħa fuqha u tistqarr li kienet waħda mill-itqal affarijiet li qatt kellha tagħmel, “għax li trid tħares lejh għal tul ta’ ħin kienet iebsa ħafna imma veru kont kburija bit-tpenġija ta’ kif ġietni, naħseb ġibtu bl-isbaħ mod li stajt unġibu. Kienet tpinġija vera ħajja!”
Kelly iddeskriviet il-mod ta’ kif Jean Paul kien iħares lejn il-ħajja. Kien jimxi ġurnata b’ġurnata. Għalih, il-ħajja kienet sabiħa u kien kuntent. Kien iħobb il-ħajja. “Kellu ħajja sempliċi u kien kuntent.”
Ried jgħaddi messaġġ: li ma tafx kemm għandek ħajja u ma tafx x’ħa jiġri. Għalhekk għandek tapprezza lil dawk qrib tiegħek . Illum hawn, għada hemm. Tgħix il-mument u tgawdi l-ħajja, l-aqwa li kuntent illum u li għext sal-lum għax għadha ma tafx x’ser jiġri.
“Karattru ferrieħi. Kull sitwazzjoni kien jagħmilha ferriħija u kien persuna li tkun tridu miegħek biex tieħu gost.” Kelly tistqarr li mingħajru jkun hemm xi ħaġa nieqsa, “tkun tridu biex iqajjem post.”
Kuġinuh iż-żgħir,Kyle, jiftakar meta kienu marru Disneyland, u hu u Jean kienu rikbu ride mudlama, u dlonk xħin Jean Paul ma semgħux iwerżaq u jgħajjat, inkwieta ferm għalih, tant li beda jgħajjatlu u jistaqsih kif inhu. F’dak il-mument Kyle ikkonferma kemm kien iħobbu!
It-tlett kuġini tiegħu għandhom messaġġ wieħed, dak li ssir ġustizzja, għaliex ħadd ma jixraqlu jmut b’mod daqshekk kiefer.
Jean Paul Sofia, deskritt bħala wieħed li kien iħobb il-ħajja, iżda sfortunatament, ma tħalliex ikompli jgħix. Il-familja tiegħu għadha tistenna ġustizzja.
