Tibdiliet fl-iskeda tat-trasport pubbliku għal żmien il-festi

Tibdiliet fl-iskeda tat-trasport pubbliku għal żmien il-festi

Fi stqarrija, il-Malta Public Transport ħabbret li se tkun qed topera bi skeda ridotta matul il-perjodu tal-Milied mit-Tnejn is-26 ta’ Diċembru 2022, sas-Sibt it-8 ta’ Jannar 2023.

F’jum il-Milied u jum l-Ewwel tas-Sena, ir-rotot kollha se jkunu qed joperaw abbażi tal-iskeda tal-Ħadd, bis-servizz jiġi sospiż bejn nofsinhar u t-15:00 biex il-ħaddiema ta’ Malta Public Transport ikunu jistgħu jiċċelebraw il-festi mal-maħbubin tagħhom.

Matul dawn il-jumejn, ir-rotot se jitilqu mill-Belt Valletta u lokalitajiet oħrajn bejn il-11:00 u l-11:30 u mbagħad jerġgħu jibdew bis-servizz bejn it-15:00 u l-16:00 skont l-iskeda rispettiva.

L-aħħar vjaġġ se jsir bejn it-20:00 u t-20:30 skont it-tul tal-vjaġġ. Ir-rotta 13A se tkun estiża sal-23:00 u s-servizz ta’ billejl għar-rotta N13 se jkun ipprovdut.

Ir-rotot l-oħra ta’ billejl mhux se jkunu qed joperaw. Intant, servizz speċjali se jkun qed jopera nhar lejlet l-Ewwel tas-Sena.

Il-postazzjonijiet tal-biljetti tal-Malta Public Transport, kif ukoll iċ-ċentru telefoniku se jkunu magħluqa f’jum il-Milied u f’jum l-Ewwel tas-Sena.

Fl-aħħar tal-istqarrija, il-Malta Public Transport awgurat lill-klijenti kollha tagħha l-isbaħ xewqat fi żmien il-festi, u prosperità għas-sena l-ġdida.

Jitnieda l-proġett ta’ karozzi tal-linja mingħajr xufier

Jitnieda l-proġett ta’ karozzi tal-linja mingħajr xufier

Ilbieraħ, il-Ministru Ian Borg flimkien mal-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana nedew il-proġett ta’ karozzi tal-linja elettriċi u mingħajr xufier, li se jiġi introdott fix-xhur li ġejjin.

Dawn il-karozzi se jkunu qed jaħdmu permezz ta’ intelliġenza artifiċjali. Dan il-proġett sar b’kollaborazzjoni bejn il-Malta Public Transport u l-Università ta’ Malta, u fix-xhur li ġejjin se jkun qed jiġi ttestjat fuq erba’ rotot differenti li se jkunu jiffurmaw parti min-network tat-trasport pubbliku attwali.

L-erba’ rotot se jkunu d-dawra tal-Università ta’ Malta u l-isptar Mater Dei, il-Park tal-familja f’Ta’ Qali, mill-Esplora sa Smart City fil-Kalkara, u Triq ir-Repubblika l-Belt Valletta.

Enable Notifications OK No thanks