Select Page
Meta r-raġuni togħsfor – Tanja Cilia

Meta r-raġuni togħsfor – Tanja Cilia

“Miskin!”

Dalgħodu kont f’ħanut li qatt ma dħalt fih qabel, għax qaluli li hemm kelli nsib propju l-ħaġa li ridt.

Dawwart wiċċi, u nsib raġel li ma nafx min hu, qed iħares lejja, filwaqt li kien qed ikellem lil sieħbu.

“Int lili qed tgħid?” staqsejtu, għax immaġinajt li ried jagħmilha tal-ħelu.

“Le,” qalli. “Imma, mhux vera, jew? Jien għandi tifla li mhux mar-raġel, u ngħidilha, ‘ħallih jarahom, għax dawk demmu…’”

Hadt nifs ‘il ġewwa.

“It-tifla tiegħek mhux Bernice. Int, bħalek, kif taqbad u tassumi, tinfama, u tpeċlaq?” Sadanittant, il-ħaga li mort nixtri kienet ippakkjata u lesta. Ħallast, ħadt l-irċevuta u l-bqija, u tlaqt ‘il barra.

Lanqas kont għadni rfist ‘l hinn mill-għatba tal-ħanut, li ma nisimgħux jidgħi waħda u jgħid li jien “beżqa oħra”.

Bla ma ried, u forsi bla ma nduna, dan ir-raġel ta xhieda tal-atitudni persistenti li mara dejjem għandha tkun taf fejn hu postha, tagħlaq ħalqha, u “ma titkessaħx” “għax jaf jgħarralha”.

Huwa diffiċli li titkellem fuq il-vjolenza domestika, kemm jekk tkun għaddejt minnha, u kemm jekk le. Kulħadd għandu opinjoni, u kulħadd jimmaġina li għandu raġun.

Imma l-verità hi li ngħixu f’kultura fejn is-saħħa fiżika, u l-individwu tossiku, ta’ spiss jirbħu fuq il-ħaqq u s-sewwa.

Jgħidulek biex tistaqsi lill-imġarrab. Imma l-imġarrab kultant jibża’ jitkellem. Għal kull każ ta’ vjolenza li jiġi rrappurtat, hemm għexieren ta’ oħrajn li jibqgħu mistura… jew għax il-mara tistħi tammetti dak li qed jiġri, jew għax mhedda, jew għax “aħjar hekk inkella agħar”. Għax ma ninsewx li hija l-mara li jkollha titlaq mid-dar.

Jgħidulek li “missha titilqu”. Kif tista’ tagħmel hekk, mara li la jkollha flus, u lanqas familja – jew jekk ikollha l-familja, ma jkunux iridu jafu biha? Kif tista’ titilqu jekk dan ir-raġel ikun tant skifuż li ħadd minn ħbiebha ma jisssogra jtiha kenn, li ma jmurx jiġri xi ħaga lilhom jew lil uliedhhom?

Jgħidulek li llum hawn fejn tmur jekk tiddeċiedi li titlaq mid-dar. Imma, intenni, mhux kulħadd ikollu l-kuraġġ li jitlaq, ta’ fuqu senduqu, meta fiha jkollha l-ħsieb imtambar f’moħħha li ma tiswa għal xejn, li ħadd ma jridha, li hi kerha, li se tkisser familja jekk titlaq. Il-psikoloġija tgħodd ħafna.

Jgħidulek li “ħaqqha” li ġralha hekk, bħallikieku l-vjolenza hija soluzzjoni għal xi ħaġa. Min ikollu l-inkwiet u d-dwejjaq ma għandu ebda dritt li jinfexx f’ħadddieħor, ġara x’ġara.

Jgħidulek li bniedem isir vjolenti għax iħossu mċaħħad mill-imħabba ta’ wliedu. Immorru lura u naraw għaliex kien hemm il-firda bejnu u wliedu, u nibdew minn hemm. Mela dawn l-irġiel, tant iħobbu lill-uliedhom, li lesti li jifirduhom minn ommijiethom, għal dejjem.

Jgħidulek li din kienet saħna ta’ mument. Imma meta bniedem ikun ilu jhedded, u saħansitra jkollu garanzija li ma jersaqx lejn mara, ikun jidher biċ-ċar li f’moħħu jkun ilu jberren il-ħsieb li jikkommetti reat.

Jgħidulek li “missha għamlet rapport”. Naraw li ħafna min-nisa li ġew maqtula kienu għamlu rapport, jew iżjed, u l-affarijiet baqgħu kif kienu, jew saħansitra saru agħar, għax “ażżardat” “tikxifhom”. U kultant, l-azzjoni fuq ir-rapport tittieħed xhur wara; jew ma jkunx hemm lok li tittieħed, għax il-vittma tal-vjolenza domestika tkun inqatlet.

Jgħidulek li raġel għandu dritt isawwat lill-mara jekk “ma tobdix”. Din l-opinjoni tipprova tgħatti x-xemx bl-għarbiel, u tfisser li mara mhux persuna, iżda oġġett li tagħmel bih li trid.

Jgħidulek li ma misshiex għamlet hekk, hekk, jew hekk. Aħna min aħna biex niġġudikaw għaliex għamlet hekk, jew hekk, jew hekk? Meta mara tiftaħ ħalqha, hawn min jgħid li qed tipprovoka lil dak li jkun, għax qed issawwat b’ilsienha. Meta ma tħallix lir-raġel jara lit-tfal fi ġranet oħra barra dawk li ordnat il-qorti, ma tkunx qed tkun kattiva.

Jgħidulek li “biex titgħallem iġġib ruħha sew” trid “lezzjoni”. Mela mara, allura, qisha kelb, li meta jobdik, ittih ċejċa, u meta ma jobdix, taqflu barra… u jirrapurtawk li kont kiefer, meta jisimgħuh jibki, il-ġirien.

Jgħidulek li kienet taf għal xiex dieħla. Il-manipulazjoni hija sengħa li mhux kulħadd jinduna biha. Iridha esklussivament għalih – u hi tħossha importanti. Imma fl-istess ħin, qed ibiegħdha u jiżolaha mill-familja u mill-ħbieb, u ma jkollhiex fejn iddur, u fuq min tistrieħ, meta juri snienu.

Wara kull qtil, naraw ħafna kliem fieragħ fuq il-midja soċjali. Il-kerha hi li saħansitra dawk li għandhom is-setgħa li jagħmlu xi ħaġa dwar dan, jgħiduhom, dawn il-frażijiet ta’ “għarukaża…” “hemm bżonn li…”

Niskanta kif in-nisa li għandna fil-Parlamenti ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea qatt ma tħarrku biex iressqu liġijiet ħorox għal min ikun ħati ta’ vjolenza domestika. Meta bniedem jara li min iferri, ikorri, jew joqtol, jingħata sentenza relattivament ħafifa… din ma sservix ta’ twissija.

Serp joqtol u jibla’ mara sħiħa fl-Indoneżja

Serp joqtol u jibla’ mara sħiħa fl-Indoneżja

Skont rapporti lokali, Jarah, mara ta’ 50 sena, mill-provinċja ta’ Jambi fl-Indoneżja nqatlet u nbelgħet sħiħa minn serp.

Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda, wara li ġiet irrappurtata nieqsa wara li naqset milli tirritorna d-dar, mix-xogħol. Hija kienet taħdem ġewwa pjantazzjoni li tipproduċi l-gomma. Tard filgħaxija bdiet tfittxija għaliha.

L-għada t-Tnejn, xi raħħala sabu serp, pitun (python), li kien twil mill-inqas 5m (16-il pied), bi stonku kbir. Aktar tard in-nies tal-lokal qabdu u qatlu lis-serp biex jivverifikaw l-identità tal-vittma. Skont ic-CNN Indonesia, wara li qatgħu żaqqu, sabu lil Jahrah fl-istonku.

Il-kap tal-pulizija ta’ Betara Jambi, AKP S Harefa, qal li
“l-vittma nstabet fl-istonku tas-serp,” filwaqt li l-ġisem tagħha deher li fil-biċċa l-kbira tiegħu baqa’ intatt meta nstab.

Għalkemm inċidenti bħal dawn huma rari, din mhix l-ewwel darba li xi ħadd fl-Indoneżja nqatel u ttiekel minn python. Żewġ imwiet simili ġew irrappurtati fil-pajjiż bejn l-2017 u l-2018.

Giorgia Meloni taf tkun l-ewwel Prim Ministru mara fl-Italja

Giorgia Meloni taf tkun l-ewwel Prim Ministru mara fl-Italja

Dalgħodu fis-sebgħa ta’ filgħodu nfetħu l-postijiet tal-votazzjoni fl-Italja. Din hija elezzjoni ġenerali qawwija li tista’ tbiddel il-politika Taljana b’mod qawwi lejn il-lemin fi żmien kritiku għall-Ewropa.

Kważi 51 miljun Taljan huwa eliġibbli biex jivvota. Madanakollu, minn stħarriġ li sar jidher li l-parteċipazzjoni ser tkun ferm iktar baxxa mill-aħħar elezzjoni ġenerali fl-2018, fejn kulma vvutaw 73%.

L-alleanza tal-lemin hija ffurmata mill-mexxej tal-Fratelli d’Italia jew Brothers of Italy Giorgia Meloni, il-mexxej tal-Lega Matteo Salvini u Silvio Berlusconi tal-Forza Italia.

Fit-tħejjija għall-elezzjoni, stħarriġ tal-opinjoni pubblika qed juri li Meloni, politiku tal-lemin estrem, li l-partit Fratelli d’Italia huwa magħruf għall-għeruq neo-faxxisti, qed imexxi fil-popolarità. Jekk tirbaħ, tkun l-ewwel mara fl-Italja li tokkupa l-kariga u tmexxi l-ewwel gvern tal-lemin estrem tal-pajjiż mit-Tieni Gwerra Dinjija.

L-għan ta’ Meloni huwa li twaqqaf il-“marea” tal-immigrazzjoni tal-massa, speċjalment minn pajjiżi Musulmani. Hija ukoll sostenitriċi ta’ dawk li tiddeskrivi bħala “valuri tradizzjonali tal-familja”, fejn ikkundannat dawk li hija ssejjaħ LGBT “lobbies.” Hija wkoll kontra li tinbidel il-projbizzjoni tal-Italja dwar l-adozzjoni minn persuni waħedhom.

L-elezzjoni qed tiġi segwita mill-qrib fl-Ewropa, minħabba l-kritika ta’ Meloni għal-“burokrati ta’ Brussell” u r-rabtiet tagħha ma’ mexxejja oħra tal-lemin.

Immultat €58 wara li ripetutament hedded lil martu

Immultat €58 wara li ripetutament hedded lil martu

Raġel ta’ 51 sena, li joqgħod Ħal Qormi, ġie mmultat €58 wara li nstab ħati li sentejn ilu inġurja u hedded lil martu waqt li kellhom xi jgħidu.

Skont ma ġie rrappurtat fuq tvmnews, fil-qorti ħareġ li r-raġel hedded lil martu fi tliet argumenti separati. Fost it-theddid, ħareġ li b’referenza għat-tifel il-kbir, qalilha li se jitfagħhulha frankuni u kif ukoll “nirraħ imut jitkaxkar bil-mutur.” Żiedet ukoll dakinhar għamlilha ċerti mossi b’idejh li għaliha kienu jfissru li kienet se jitfagħha f’siġġu tar-roti. Dan wara li nqala’ argument u allegatament akkużaha li kienet tiġri mal-irġiel.

It-tieni argument inqala’ meta r-raġel kien qed isajjar u l-mara dehrilha li l-fjamma kienet għolja wisq u seta’ jaħraq l-ikel. F’argument ieħor, il-mara xehdet li żewġha heddida li se joqtol lil ommha.

Dan kollu seħħ waqt li l-koppja kienet għaddejja mill-proċess tas-separazzjoni.

Min-naħa tiegħu, ir-raġel qal li huwa għex l-aħħar 4 snin ta’ żwieġ bħal priġunier ġo daru għax skont hu, it-tifel kien jikkmanda kollox. Qal ukoll li meta nqalgħu l-argumenti, il-mara kienet qed tipprovokah.

Tvmnews irraporta wkoll li minn recordings li nstemgħu fil-qorti, li l-mara stess irrekordjat bil-mobile, il-maġistrat innotat li t-tim ta’ leħen il-vittma ma kienx juri li kienet qed tibża’, u ġie konkluż li l-argumenti tqajmu apposta biex tipprovoka lir-raġel.

Għal din ir-raġuni, ir-raġel instab ħati biss li fl-argumenti inġurja u hedded lil martu.

Il-mara Amerikana tittieħed Spanja biex ittemm it-tqala li mhix vijabbli

Il-mara Amerikana tittieħed Spanja biex ittemm it-tqala li mhix vijabbli

Andrea, il-mara Amerikana li t-talba tagħha biex ittemm it-tqala li mhix vijabbli tagħha ġiet miċħuda mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin minkejja li skont il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa, kienet tinsab f’riskju, ittieħdet Spanja, fejn hemmhekk it-tobba jkunu jistgħu jtemmu t-tqala tagħha.

Il-mara, li għandha 16-il ġimgħa tqala, iddaħlet l-isptar Mater Dei ġimgħa ilu wara li l-ilma nfaqalha qabel iż-żmien u esperjenzat ħafna demm.

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa rrappurtat li minkejja dan, it-tobba ċaħdu t-talba tagħha u qalulha li jistgħu jintervjenu biss jekk tkun qed tmut b’mod imminenti.

Għalhekk, il-koppja, li kienu fuq btala f’Malta, ħassew li l-unika soluzzjoni li hija li jippruvaw imorru f’pajjiż ieħor biex issir il-proċedura meħtieġa.

Malta hija l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea li għandu projbizzjoni totali fuq l-abort f’kull ċirkostanza.

Enable Notifications OK No thanks