Select Page
Bjorn jirritorna d-dar!

Bjorn jirritorna d-dar!

Bjorn għadu kemm qasam aħbar tajba mas-segwaċi tiegħu!

Wara diversi jiem rikoverat l-isptar Mater Dei, Bjorn jinsab lura d-dar!

F’kitba li tella’ flimkien ma’ ritratt li juri lilu flimkien ma’ Maria u Dar, Bjorn qal li għada huwa jum ferm speċjali.

Dan għaliex se jiġi ċċelebrat il-5 snin anniversarju mill-ftuħ ta’ Dar Bjorn.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni, Bjorn qed jistiednek tingħaqad miegħu għada filgħaxija għal buffet fi Planet Hollywood Malta!

Fadal 20 post ieħor biss!

Jekk tixtieq tattendi, ibbukkja issa minn hawn.

Jidher li hemm xi sorpriża ppreparata wkoll!

“Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont..u fittixt l-għajnuna” – Marilyn Mintoff

“Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont..u fittixt l-għajnuna” – Marilyn Mintoff

Nitkellmu ma’ Marilyn Mintoff

Marilyn, għidilna ftit dwarek.. min hi Marilyn Mintoff? U x’inhu xogħlok eżattament?

Jiena Marilyn. Għandi 28 sena. Ġejja minn familja ta’ 5, u jiena tewmija. Gradwata b’Baċċellerat bl-Unuri u bl-ewwel grad fil-Malti u kkwalifikata bħala qarrejja tal-provi wkoll. Ilni għal dawn l-aħħar kważi 5 snin naħdem mal-kumpanija WE Media Limited bħala producer u scriptwriter.

Bħala passatempi nħobb naqra ħafna u nara xi series tajjeb, u nqatta’ ħin mal-qattusa Minty. Inżomm ruħi aġġornata bil-ġrajjiet kurrenti li qed jiġru fil-pajjiż. Jiena nemmen ħafna f’Alla u fil-Knisja, u nipprova ngħix il-fidi tiegħi.

Kif iddeċidejt li tidħol fid-dinja tal-midja?

Il-kitba minn dejjem ħabbejtha. Kont nikteb poeżija ’l hemm u ’l hawn iżda qatt ma kont naf x’ridt insir. Lanqas wara li ggradwajt. Kont naf li nixtieq li b’xi mod dak li studjajt nibqa’ nużah, u għaldaqstant bdejt infittex xogħlijiet fejn nista’ nħaddem il-Malti.

Bdejt ma’ Newsbook u RTK dak iż-żmien, fejn esperjenzajt il-ġurnaliżmu, ħdimt ukoll mal-Bay Radio u mbagħad dħalt mal-WE Media fejn nistqarr li sfruttajt il-kreattività li kienet moħbija, bdejt nikteb u nipproduċi stejjer u hekk dħalt fid-dinja tal-midja.

Peppi Azzopardi. Xi jfisser għalik?

Peppi huwa l-bniedem li jispirani. Inħossni kburija li naħdem miegħu. Illum iktar milli kollega, inħares lejh bħala l-ikbar ħabib tiegħi. Kien hemm għalija, nista’ ngħid, fl-isbaħ mumenti tal-karriera tiegħi u kull pass għamiltu grazzi għalih. Dejjem jiggwidani, dejjem jgħallimni f’dak li għandu x’jaqsam mal-midja imma fuq kollox għallimni dak li qatt ma sibt fil-kotba, il-valuri Nsara fil-prattika fil-ħajja ta’ kuljum.

Diversi drabi kkummentajt li tgħallimt ħafna mingħand Peppi. X’inhi l-iktar ħaġa li tgħallimt mingħandu li għamlet differenza f’ħajtek?

Tgħallimt naħfer u nħobb anke lil minn weġġgħani f’ħajti. Dik l-ikbar ħaġa li tgħallimt mingħandu. Tgħallimt kif ngħin bla ebda kundizzjoni u bil-ħidma tiegħi ngħin lil min hu batut u lil min m’għandux vuċi.

Int li taf lil Peppi personali, x’taħseb li huma r-raġunijiet li ħafna drabi jiġi interpretat b’mod negattiv minn ħafna nies? X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Huwa qatt ma jagħmel xejn biex jingħoġob, u anke jekk jaf li b’dak li se jgħid u jagħmel jaf li ħa jkollu t-theddid jew lil kulħadd kontrih, jagħmilha xorta, għax jaf hemm lenti li forsi l-maġġoranza tan-nies mhux jarawha, iżda li hu qed jaraha. Għalhekk jieħu pożizzjoni li ħaddieħor m’għandux il-kuraġġ li jieħu. Jibqa’ jirsisti u jaħdem biex issir ġustizzja ma’ bniedem.

Jiena nemmen li meta tiltaqa’ personalment miegħu tibdel il-perspettiva tiegħek fuqu. Naf għax inqatta’ ħinijiet twal miegħu u persuni li għajruh jew weġġgħu, jiltaqgħu miegħu wara li jkun stedinhom huwa stess, u jaraw il-bniedem vera li ma jaħseb f’xejn għajr il-batut.

Ħafna jgħiduli ‘kemm intelaq Peppi’, ‘Meta se jaqta’ xagħru’, dan għaliex ħajtu jgħaddiha jaħseb f’ħaddieħor u mhux fih innifsu, u jieħu l-problemi ta’ ħaddieħor fuqu u jieħu azzjoni. Il-prijoritajiet tiegħu huma n-nies li għaddejjin minn problemi soċjali, u mhux kif se jidher tajjeb quddiem in-nies, għalih dan sekondarju fejn it-tbatija tan-nies.

Liema kien wieħed mill-mumenti li kellkom flimkien li tibqa’ tgħożż?

Naħseb l-iktar mument li nibqa’ ngħożż huwa meta kont għaddejja mill-ikrah perjodu ta’ ħajti u qgħad jismagħni u jibki miegħi, u ra x’għamel biex jiena nsib lili nnifsi.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik xogħlok?

L-akbar sodisfazzjon meta bix-xogħol li nkun ipproduċejt, jissarraf f’għajnuna għal dawk fi bżonn. Meta tasal maratona, naf xi jkun ġej u x’sagrifiċċji rrid nagħmel u iva jiġu waqtiet diffiċli għax meta nara u mmiss il-mard bl-istejjer li nagħmlu nitkisser. Imma mbagħad dejjem inżomm f’moħħi li dak li qed nagħmel qed nagħmlu biex ngħin lil min qiegħed fil-bżonn. Allura meta nipproduċi l-clips ta’ maratona, u tinġabar somma sabiħa, ngħid dak kollu li għaddejt minnu, mhux biss iggwadanjat jiena għax dawn l-istejjer ikunu qed jibnu lili bħala persuna, imma iktar minn hekk qed jigwadanjaw in-nies li għandhom bżonn l-għajnuna.

X’tgħidilna dwar il-Professur Oliver Friġġieri u l-kuntatt li kellek miegħu?

Il-Professur Oliver, apparti kien wieħed mil-letturi tiegħi meta kont studenta l-Università, kien it-tutur tiegħi. Minbarra li f’għajnejja kien poeta u professur li għallimni, għalija kien Nisrani li evanġelizza lill-istudenti tiegħu, fis-silenzju, bla ebda daqq ta’ trombi.

Nimpressjona ruħi bl-umiltà li kellu Friggieri. Din tintwera fil-kitba tiegħu, meta jaħseb anke f’dudu, ħlejqa li fil-ħajja ta’ kuljum nafu li teżisti imma qajla jimpurtana minnha. Niftakar f’episodju minnhom meta waqt lekċer ikkwota dan il-proverbju; “Bdejt ingerger għax ma kellix żarbun sakemm rajt bniedem bla saqajn”. Friggieri kien iġibek konxja biex tħares lejn il-bżonnijiet ta’ ħaddieħor u mhux tiegħek biss, tapprezza dak li għandek u mhux f’dak li tixtieq li forsi m’intix bżonnu fil-verità. Iżda l-imħabba li kellu Friggieri ma kinitx biss lejn il-ħlejjaq iż-żgħar. Kien jimpurtah ukoll mill-bniedem, dak li għandu vuċi, mhux bħal dudu li m’għandux, u kien jirrikonoxxi t-tbatijiet li jkollu jgħaddi minnhom.

Ir-relazzjoni ta’ bejnietna baqgħet anke wara li jiena gradwajt. Konna nikkomunikaw b’xi telefonata imma l-iktar bl-imejls. Darba bgħattlu biex nistaqsih kif inhu u kien bagħatli hekk:

Għażiża Marilyn, M’iniex ħazin, nirringrazzja lil Alla. Meta mbagħad għad jiskot fommi, u riġlejja jeħlu mal-art, u nteftef b’idejja t-tnejn biex nagħti l-aħħar passi, nittama li nkun għedt kull kelma li kelli nagħżel fil-kuntratt ta’ ħajti, u li biha stajt missejt il-qalb ta’ xi ħadd, minn dudu sa bniedem.

U mbagħad meta idi tingħalaq bħal warda li ma tistax tiftaħ, u tieqaf u l-pinna taqagħli minn idi, imbagħad, nittama li jkun sebaħ, u nkun tgħallimt il-lingwa tas-skiet. Jekk għad fis-skiet niskopri ħsejjes ġodda, u jarġa’ jaqa’ f’ħoġri l-kliem mill-għoli, allura nkun wasalt biex fhimt il-kwiekeb, muti bħali, … allura l-alfabett ikun ħafif, u b’id titriegħed, l-id bla żmien ta’ tfajjel, nonqox bih ktieb ieħor. Sa dak il-ħin bl-arloġġ marbut mal-polz li għadu jtektek, nistenna l-minutiera tasal f’postha, u nġorr fl-ixkora tiegħi kliemi kollu, bit-tama li jwassalni sat-tarf l-ieħor.

Ikun dal-kliem il-kliem li bih insellem jekk qatt ma nasal nagħżel kelma oħra. Għażiża Marilyn, ma nafx kif, imma dawn huma versi, xejn riveduti, li ktibt issa malli bdejt niktiblek, u kont wasalt fil-kelma ‘Alla’. Ma rrevedejthomx. Żommhom bħala ringrazzjament lilek għall-ġentilezza tiegħek. Għadni nikteb eccetra, u nippubblika kotba u artikli barra minn Malta, bħal qabel… Meta jogħġbok għaddi, u qis li tgħidli kull meta taħseb li nista’ nkunlek ta’ xi għajnuna. Ibqa’ emmen, ibqa’ tbissem – ikun xi jkun it-temp, ibqa’ tajba, ikun xi jkun it-temp.

Meta kont qrajtha, niftakar li kont tħassibt ħafna. U ktibtlu lura hekk:

Żgur mhux forsi ħallejtni bla kliem. Napprezza ħafna l-e-mail li bgħattli u dan il-kliem se ngħożżu għal dejjem. Profs, offrejt il-quddies għalik u ħafna talb għalik. Nixtieq li nsibu ċans u niltaqgħu ftit, jekk ma jimpurtax sabiex fl-istess ħin ngħaddilek kopja tat-teżi tiegħi li saret bl-għajnuna u l-kuraġġ tiegħek. Bilħaqq, missejt ħafna qlub tibżax u bl-azzjonijiet tiegħek naf fiċ-ċert li wassalt lil Kristu lil diversi nies, fosthom l-istudenti.

U ftit ġranet wara fil-fatt kont mort inżuru l-uffiċċju, fejn bħalma kien jagħmel ħafna drabi, qabel ħriġt tani ktieb minn tiegħu u ffirmah. Għadda ż-żmien. Bqajna f’kuntatt sa ftit xhur ilu qabel ma ħalliena. Dakinhar li miet ħassejt li għandi nesprimi ruħi bil-kitba fuq il-midja soċjali, imma x’se ngħid ma kontx naf. Dak il-ħin mort lura għall-imejls li konna nibagħtu lil xulxin u telgħet dik l-imejl li kien bagħatli, li fih jiddeskrivi l-vjaġġ tal-mewt tiegħu.

Bkejt, u domt nibki. Ma stajtx naċċetta li mhux se jkun hemm okkażjoni oħra li nitkellem miegħu jew li nisma’ ‘kif nista’ ngħinek onorevoli?’ kif kien isejjaħli biex jaqbad miegħi minħabba li kunjomi l-istess bħal ta’ eks Prim Ministru. 

Minbarra li ma stajtx naċċetta li ħalliena, indunajt kemm kienet profonda dik l-imejl u bdejt nistaqsi imma kif minn tant nies, qasam dan kollu miegħi. U ddeċidejt li bħalma huwa qasam il-vjaġġ tal-mewt tiegħu miegħi, jiena għandi naqsamha mal-pubbliku, speċjalment meta fil-kuntratt ta’ ħajtu ttama li mess il-qalb ta’ xi ħadd, minn bniedem sa dudu. Xtaqt li jkun jaf li mess mhux qalb waħda imma ta’ bosta. Iktar tard filgħaxija, tikteb in-neputija tiegħu tgħid li l-Professur Friggieri miet bħalma kien qal lili.

Marilyn, naf li l-ansjetà hija sfida kbira f’ħajtek. Meta kien il-mument li ġejt l-aktar konxja li qed taħkmek l-ansjetà? X’kienu s-sintomi li l-iktar li kienu qed jaffettwawlek ħajtek?

Minn dejjem kont bniedma anzjuża iżda tlift il-kontroll sena ilu, meta eskalat. Kont għaddejt minn sitwazzjoni fejn tlift kull tama fil-ħajja, fil-bniedem u fuq kollox tlift lili nnifsi. Ma bqajtx nagħraf jiena min jien. Ġranet ma nikolx, ma norqodx, u kien jiddispjaċini li l-għada se naffaċċja ġurnata oħra hekk. Kont għejejt ngħix. Fi ftit xhur tlift mat-18-il kilo. Mhux għax ridt imma għax l-ansjetà bdiet tikolni minn ġewwa. L-agħar mument kien ikun filgħodu, meta kont inqum, u kont inħossni għajjiena siegħa biss wara li nkun qomt. Qalbi tkun trid toħroġ minn postha, kont inħossni maqtugħa mill-ħajja reali, konfuża, dardir liema bħalu, u ħsibijiet wieħed wara l-ieħor tal-uġigħ, ta’ dak li affaċċjat u dak li għadni rrid naffaċċja.

Ladarba kont konxja, kif irnexxielek tiffaċċjaha? X’għamilt dwarha?

Kont naf li qiegħda f’punt li jekk ma nagħmilx xi ħaġa se nispiċċa agħar milli kont. Għamilt kuntatt ma’ Richmond Foundation u bdejt ningħata l-għajnuna. Insofri minn high functioning anxiety u high functioning depression. Minkejja dan, persuna bħali xorta tmur għax-xogħol u tagħmel l-affarijiet ta’ kuljum, iżda ssofri fis-skiet, għax għad-dinja ta’ barra jaraw din il-persuna kompletament f’saħħitha iżda l-persuna li qed tgħaddi minnha tkun qed iġġorrha fi skiet.

Illum għadni qed ningħata t-terapija minn Claire Borg, grazzi għal Richmond Foundation, u għadni bil-medikazzjoni, imma l-ikbar xogħol irrid nagħmlu jiena wara u qabel kull sessjoni, fejn grazzi għat-terapista tiegħi, nipprova nikkontrollaha, u fuq kollox is-sigriet wara dan kollu huwa li nħobb lili nnifsi. Indunajt, bl-għajnuna, li ġrali li ġrali għax qatt ma ħabbejt lili nnifsi biżżejjed u dejjem poġġejt lill-persuni oħra, ix-xogħol u ċ-ċirkostanzi qabel lili nnifsi u b’hekk tlift lili nnifsi. Jiena ma ngħidx li erġajt sibt lili nnifsi imma li wara 27 sena, issa sibt lili nnifsi, issa qed inħobb lili nnifsi u l-kuntentizza ma nħallihiex tiddependi minn ħaddieħor jew minn esperjenzi, imma nfittixha u nsibha fija nnifsi. L-eżerċizzji li qed nitgħallem mit-terapija nipprova nagħmilhom u fuq kollox inżomm lil Alla fiċ-ċentru ta’ ħajti, u nfakkar lili nnifsi li nibqa’ nippersisti biex jiena nkun aħjar, inħossni aħjar, inħobb u nkun hemm għal ħaddieħor bla ma ninsa lili nnifsi għax dak il-qiegħ li jiena missejt, ma rridx nerġa’ mmissu. Mhux qed ngħid li ma ngħaddix minn mumenti simili, imma nipprova nikkontrolla lili nnifsi. U dan grazzi għat-terapija, għall-familja, għal sħabi; b’mod partikolari lil Peppi, Mandy u Maria.

Taħseb li hawn biżżejjed kuxjenza dwar is-saħħa mentali? Taħseb li saret aktar faċli li wieħed jitkellem u jfittex l-għajnuna mingħajr ma jiġi ttimbrat jew iġġudikat?

Qatt mhu biżżejjed. Dejjem hemm xi jsir. Però nemmen li bl-għarfien li qed jitqajjem qed issir iktar faċli biex bniedem jitkellem u jfittex l-għajnuna. Naħseb li kull bniedem f’ħajtu se jmiss ma’ esperjenzi li se jaffettwawlu s-saħħa mentali tiegħu, u jekk jibża’ li se jiġi ttimbrat jew iġġudikat, għandu jżomm f’moħħu li mhuwiex waħdu, u ma jħalli xejn u lil ħadd iżommu lura milli jingħata l-għajnuna, għax din l-għajnuna se tbiddlu ħajtu. Ġieli jgħiduli, “kif għadek tieħu l-pirmli? jew “Issa pprova naqqashom” jew, “Dawn ma għandekx bżonnhom, kapaċi waħdek. Dawn se jikkontrollawlek ħajtek.” F’qalbi ngħid, għad fadal xi jsir. Li tirkupra ma jfissirx li tkun fiqt għax dan huwa proċess, kollu tlajja’ u nżul.

Taħseb li għandu jkun hawn aktar għarfien dwar kif il-persuni li jkunu l-iktar qrib tal-individwu li jkun għaddej minn sfidi psikoloġiċi jistgħu mhux biss jifhmu aktar imma jgħinu lill-individwu bl-aħjar mod?

Iva naħseb li għandu jkun hawn iżjed għarfien. Jiena nħossni xxurtjata li għandi l-familja u l-ħbieb li dejjem fehmuni f’dan il-perjodu. Imma fehmu jew għax għaddew jew qed jgħaddu minnha jew għax esperjenzawha fil-viċin ma’ ħaddieħor. Meta bniedem tarah f’dik is-sura, titlaq kollox biex terġa’ tarah f’saħħtu mill-ġdid, għax apparti li jbati l-persuna li tkun għaddejja minnha, il-familja tbati wkoll. Ġieli ġraw episodji koroh, fejn ħuti Adriana u Annalise, u ommi u missieri telqu kollox minn idejhom biex jiġu ħdejja ħalli jgħinuni għax tant kont inħossni ħażin li kont nibża’ minni nnifsi.

Mill-esperjenza tiegħek, x’inhi l-iktar ħaġa li jagħmlu jew jgħidu n-nies li ma tgħin xejn lil min ikun għaddej minn sfidi psikoloġiċi, u l-ħaġa li tgħin ħafna?

L-iktar ħaġa li ma tgħinx fejn in-nies jaħsbu li dan huwa biss ‘dwejjaq’. Tismagħhom jgħidu ‘illum ftit depressed’. Meta sfidi psikoloġiċi huma aktar minn dwejjaq. Ċerti kummenti bħal dawn inħoss li ma jkunux qed jifhmu, u ma nagħtihomx tort għax sinjal li baqa’ iktar xi jsir. L-iktar ħaġa li tgħin huwa li jkunu hemm jappoġġjawk, li jistaqsu kif inti, u ma jitilquhomx. Telefonata jew messaġġ tagħmel differenza.

Illum, kif tħossok? Kif jirnexxilek tkompli bil-ħajja tiegħek u żżomm l-ansjetà taħt kontroll?

Illum inħossni aħjar. Kif għedt, għadni ningħata u nieħu l-għajnuna, u bl-eżerċizzji li tgħidli bihom it-terapista jgħinuni nżomm l-ansjetà taħt kontroll. Illum naf x’għandi nagħmel biex mhux l-ansjetà tikkontrollani imma jiena nikkontrollaha.

Int tipproduċi diversi maratoni u tiltaqa’ ma’ diversi stejjer li wħud minnhom ikunu diffiċli ħafna. Kif jaffettwawk personalment? U liema żewġ stejjer li ħallew l-iktar impatt fuqek personali?

Jaffettwawni, iktar u iktar meta jiena nbati minn problemi ta’ saħħa mentali imma t-terapija qed tgħinni wkoll f’dan ir-rigward. Jaffettwawni bla ma nkun naf għax anke nħoss xi ħaġa, moħħi jmur għal xi storja li nkun smajt u nibda naħseb li għandi bħal dik il-persuna, meta nagħmel iljieli sħaħ noħlom fuq rakkont ta’ persuna u ma nkunx nista’ nneħħih minn quddiem għajnejja, il-biki li nibki għax inkun irrid lil dawn il-persuni jfiqu u nkun irrid ngħinhom imma ma nkun nista’ nagħmel xejn ħlief li nitlob għalihom. Jaffettwawni. U naħseb l-iżjed perjodu diffiċli fil-karriera tiegħi meta tlajt Sutton, l-Ingilterra, u intervistajt nies morda bil-kanċer għall-maratona ta’ Puttinu li kellha ssir fuq Xarabank.

Hemmhekk stajt inħoss iktar it-tbatija ta’ dawn in-nies, li apparti huma morda, stajt nara t-tbatija tagħhom għax huma ’l bogħod mill-familja tagħhom. Perjodu żgur li ma ninsa qatt għax kien il-perjodu li apparti smajt u rajt il-mard b’għajnejja, meta kont hemm tlift liz-ziju tiegħi Joe, u nżilt lura naffaċċja funeral u kien l-istess perjodu meta jiena għamilt il-‘coming out’ tiegħi bħala persuna gay. Però ħaġa pożittiva hija li dawn l-istejjer u l-intervisti, għallmuni nkun iktar sensittiva lejn il-proxxmu tiegħi.

L-iktar storja li ħalliet impatt kbir hija ta’ Ellie. Ellie għamlet sentejn u nofs l-Ingilterra għall-kura. Għal 3 snin sħaħ, kienet tagħmel sa 18-il siegħa kuljum taħt dawl apposta. Hemmhekk l-ingilterra kienet qed tistenna trapjant tal-fwied. Serqitli qalbi nara lil din iċ-ċkejkna, trid tagħmel dawk is-sigħat kollha taħt dak id-dawl. Sena ilu intervistajnieha, din id-darba imma mhux l-Ingilterra, imma Malta, tgħidilna ta’ tifla li hi kif issa għandha fwied ġdid u li tħossha aħjar. Li rajt lil din it-tifla tarbija l-Ingilterra marida u li wara 3 snin qed naraha b’saħħitha, tgħidilna dak li għaddiet minnu, kien vjaġġ li matulu esperjenzajt in-niket u l-ferħ ukoll, għax bis-saħħa tal-kura u tal-għajnuna tal-Maltin, illum Ellie b’saħħitha.

Liema tqis li kienu l-ikbar kisbiet tiegħek s’issa fil-karriera u anki fil-ħajja personali?

L-akbar kisbiet fil-karriera tiegħi meta qrajt l-aħbarijiet, meta kont l-editur ta’ xarabank.com.mt (l-iktar meta kont l-ewwel waħda li rrapportajt l-istorja ta’ dak ir-raġel li ra l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia quddiem għajnejh), meta kont il-maniġer ta’ Xarabank, meta bdejt nipproduċi l-programmi ta’ Xarabank u l-maratoni ta’ ġbir ta’ fondi u meta ppreżentajt xi maratoni ta’ ġbir ta’ fondi. L-akbar kisbiet fil-ħajja personali meta ggradwajt bl-ogħla grad fil-B.A fil-Malti, meta kkwalifikajt uffiċjalment bħala qarrejja tal-provi, meta għamilt il-coming out tiegħi, meta għamilt interventi mediċi u meta tgħallimt kemm hi sabiħa l-imħabba.

Liema kawżi int l-iktar passjonata dwarhom? U għaliex?

Kull kważa soċjali hija għal qalbi imma l-iktar meta rajt inġustizzja ma’ bniedem, u bil-ħidma tagħna, rajna l-ġustizzja sseħħ fil-konfront tiegħu.

Xi jġiegħlek tħossok fil-paċi?

It-talb u l-meditation jgħinuni nkun fil-paċi, imma li nsib ħin għal waħdi, b’xi kikkra kafè, b’xi ktieb f’idejja u l-ħoss tas-silenzju, jgħinuni nkun fil-paċi wkoll.

Hemm xi ħolma li tixtieq twettaq?

Il-ħolma tiegħi hi li nibqa’ ngħix ħajti bis-sempliċità kollha, u li nibqa’ kuntenta u nħobb lili nnifsi, u lil ta’ madwari.

Filmati: Bjorn għandu bżonn l-għajnuna tiegħek biex jiftaħ it-tieni dar

Filmati: Bjorn għandu bżonn l-għajnuna tiegħek biex jiftaħ it-tieni dar

Messaġġ minn Bjorn għas-segwaċi ta’ skoperta.net

Wasalna għat-tieni dar iddedikata għall-persuni b’ALS u mard newroloġiku ieħor f’6 snin. Tul dawn is-snin Bjorn, Maria u tim ta’ voluntiera dejjem raw kif jistgħu biex jorganizzaw attivitajiet biex jinġabru l-flus. Il-proġett ta’ DAR Bjorn il-ġdida li tinsab f’Ħaż-Żebbuġ miexi ġmielu u jonqos l-aħħar ftit sforz biex jinġabru l-fondi ħalli nkunu nistgħu nimlew id-dar b’għamara, tgħammir elettroniku u kull tip ta’ furnishings li għandna bżonn.

Id-dar se tkun mgħammra bl-aqwa teknoloġija sabiex pazjent b’ALS ikun jista’ jgħix b’mod indipendenti kemm jista’. Din id-dar se jkollha faċilitajiet ta’ indoor pool sabiex jintuża bhala terapija kif ukoll se jkun hemm kappella biex ikun hemm funzjonijiet reliġjużi u gym biex iservi ta’ eżerċizzju għar-residenti. Din id-dar se tiffaċilita l-ħajja ta’ ħafna pazjenti b’ALS.

L-aħħar maratona ta’ ġbir ta’ fondi għal din id-dar se tkun nhar il-Ħadd, 26 ta’ Settembru bl-isem ‘926 to finish’. Fejn 9 jirrapreżenta x-xahar tal-avveniment, u 26 hija d-data. L-isem jirrapreżenta s-somma ta’ kemm fadal jinġabru flus sabiex DAR Bjorn il-ġdida tkun possibbli.

Il-lista ta’ persuni li qed jistennew b’ħerqa kbira li din id-dar se tinfetaħ ma tispiċċa qatt. Il-pazjenti kollha li qed jitolbu l-għajnuna minn ALS Malta qedgħin jiġu provduti tgħammir elettroniku u servizzi ta’ kura u terapiji b’xejn. Bħalissa ALS Malta qed tgħin ‘il fuq minn 200 pazjent madwar Malta u Għawdex.

Il-proġett ta’ DAR Bjorn se jkun qed jiswa €5.5 miljuni li minnhom 85% diġa ġew miġbura, grazzi għall-maratoni li għamilna tul is-snin, attivitajiet żgħar u bejgħ ta’ prodotti minn www.maltaoutlet.com

Kull qatra tgħodd biex tinfetaħ din il-binja li se tkun id-dar ta’ pazjenti li ħaqqhom jgħixu ħajja aħjar.

Tista’ minn issa tgħin lil ALS Malta tkompli tgħin lil aktar pazjenti billi;

Iċċempel fuq
5170 2016 – Euro 15
5100 2017 – Euro 20
5180 2018 – Euro 25

Tibgħat SMS
5061 9271 – Euro 11.65
5061 8936 – Euro 6.99

Jew tibgħat donazzjoni bil-BOV Mobile pay fuq in-numru 79096249

Filmat: Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Novembru fis-7.30pm – Charity Dinner b’risq it-tieni Dar Bjorn

Filmat: Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Novembru fis-7.30pm – Charity Dinner b’risq it-tieni Dar Bjorn

Nitkellmu ma’ Bjorn Formosa 

Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Novembru fis-7.30pm se jsir Charity Dinner ġewwa Ta’ Ċensu, il-Marsa. L-għan ta’ dan l-avveniment hu biex ikomplu jinġabru l-aħħar fondi għat-tieni Dar Bjorn. Għal dan l-avveniment se jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, distanza soċjali bi ftit nies fuq l-imwejjed u b’distanza kif meħtieġ.

Bħalissa beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ Dar Bjorn, u mistenni li fix-xhur li ġejjin ikun hemm avvanz sew tant li titlesta l-binja b’ġebel u saqaf.

Dar Bjorn toffri servizz olistiku ta’ bosta servizzi mediċi u terapewtiċi, tislif ta’ apparat mediku u residenza permanenti ġewwa Dar Bjorn stess fost oħrajn.

Nistaqsu lil Bjorn kif jirnexxilu jżomm determinazzjoni tant qawwija minkejja l-isfidi personali ta’ kuljum. “Billi nibqa’ iffukat fuq l-għan ta’ dan kollu u dejjem naħseb fin-numru kbir ta’ nies li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Dejjem iffukat fuq dak li rrid nagħmel u minkejja li stajt għamilt ċerti żbalji, xorta għenu biex nitgħallem minnhom u nibqa’ miexi ‘l quddiem f’dak li rrid inwettaq. Is-sodisfazzjon tiegħi hu li jirnexxilna noħolqu soluzzjonijiet ġodda li qabel ma kinux jeżistu għal dawk li qed ibatu” iwieġeb Bjorn.

Għal Bjorn, il-mara tiegħu Maria hija fundamentali biex tfornixxi kontinwazzjoni fil-ħidma tiegħu ta’ kuljum u f’dak kollu li jkollu bżonn. “Għext l-ewwel 30 sena ta’ ħajti mingħajr ma kont esperjenzajt ċerti emozzjonijiet u qatt ma bsart li fi żmien daqstant diffiċli kont ħa niltaqa ma’ din it-tfajla daqshekk speċjali.” jgħidilna Bjorn. Jisħaq ukoll li Maria tagħmel ħafna xogħol minn wara l-kwinti li mingħajru ma kinux jaslu fejn irnexxilhom jaslu llum.

Agħti l-kontribut tiegħek permezz tan-numri t’hawn taħt: 

Ċempel: 

51002017 – €20 

51902075 – €50 

SMS: 

50618271 – €11.65 

Pledges – 21311311 

BOV Mobile Pay – 79096249 

Bjorn jgħaddi dan il-messaġġ lilek li dejjem weġibt għas-sejħa tiegħu u lilek li ħa tagħti sehmek biex ikun jista’ jwettaq proġett ieħor li permezz tiegħu, il-ħajja ta’ ħafna nies se tkun inqas ta’ tbatija.
Bjorn jgħaddi dan il-messaġġ lilek li dejjem weġibt għas-sejħa tiegħu u lilek li ħa tagħti sehmek biex ikun jista’ jwettaq proġett ieħor li permezz tiegħu, il-ħajja ta’ ħafna nies se tkun inqas ta’ tbatija.

Enable Notifications OK No thanks