Jinqabad il-kap tal-mafja Matteo Messina Denaro wara 30 sena maħrub

Jinqabad il-kap tal-mafja Matteo Messina Denaro wara 30 sena maħrub

Il-kap tal-mafja u l-aktar imfittex fl-Italja u fl-Ewropa, Matteo Messina Denaro, ġie arrestat ilbieraħ fi Sqallija wara 30 sena maħrub.

Huwa ġie arrestat fi klinika privata fil-kapitali ta’ Sqallija, Palermo, fejn kien qed jirċievi kura għall-kanċer.

Aktar minn 100 membri tal-forzi armati kienu involuti fl-arrest tiegħu.

Il-midja Taljana rrappurtat li hekk kif ġie arrestat, Messina Denaro f’post sigriet mill-Carabinieri.

Huwa kien qed iżur il-klinika taħt l-isem falz ta’ Andrea Bonafede, għal kors ta’ kimoterapija.

Skont rapporti, huwa kien sejjer lejn kafetterija barra klinika privata ta’ Sqallija meta pulizija resaq lejh u staqsieh ismu. Huwa ma gidibx, tant li ħares ‘il fuq u qal: “Taf min jien. Jien Matteo Messina Denaro.”

Sa dak il-mument, il-forzi armati ma setgħux ikunu ċerti li r-raġel kien verament il-“kap tal-kapijiet kollha” tal-Mafja, li kienu ilhom ifittxu għal tliet deċennji.

Iżda wara snin ta’ riċerka bir-reqqa, il-pulizija militari tal-Carabinieri tal-Italja kienu kunfidenti biżżejjed li kien ir-raġel li kienu qed ifittxu.

Matul is-snin, rapporti li kien jinsab f’xi pajjiż jew ieħor ġew minn kullimkien, mill-Venezwela sal-Olanda. Iżda kien f’Palermo, il-qalba ta’ art twelidu ta’ Sqallija, fejn wara tant snin, inqabad.

Fit-tfittxija tal-pulizija f’dik li hi maħsuba li hi l-aħħar moħba ta’ Matteo Messina Denaro f’Campobello di Mazara, belt żgħira fil-provinċja ta’ Trapani, instabu żraben u ħwejjeġ tad-ditta, fwejjaħ u pilloli tas-sess.

Ma nstabet l-ebda arma u lanqas dokumenti partikolarment sinifikanti. Fil-fatt, il-pulizija qed jissuspettaw li dawn jistgħu jkunu moħbija fi proprjetà oħra.

Enable Notifications OK No thanks