Select Page
Jekk għandek bejta tal-hornets fil-proprjetà tiegħek, żomm ‘il bogħod!

Jekk għandek bejta tal-hornets fil-proprjetà tiegħek, żomm ‘il bogħod!

It-tim ta’ Skoperta għamel kuntatt ma’ Arnold Sciberras, Pest Control Consultant, dwar il-problema li aħna l-Maltin qed niffaċċjaw bil-bagħal taż-żunżan, jew kif inhuma magħrufa aħjar bħala l-oriental hornets.

Arnold Sciberras qalilna li dawn it-tipi ta’ żnażan, huma speċi indiġeni għall-Mediterran, u li l-identifikazzjoni ta’ dawn l-ispeċi ġiet irreġistrata fis-snin ħamsin.

Fis-snin tmenin dan il-bagħal taż-żunżan ġie estint tant li fir-Red Book Data ġie mniżżel li mhuwiex ta’ periklu. Però, b’xi mod wasal lura lejn il-gżejjer Maltin, x’aktarx permezz tal-merkanziji. Li nafu żgur hu li dawn iż-żnażan huma speċi problematiċi.

Sfortunatament dawn l-ispeċi orjentali jħobbu ħafna ż-żoni urbani, u għalhekk il-gżira tagħna hija perfetta għalihom, minħabba li Malta saret ġungla tal-konkos mimlija xquq, toqob, ventilaturi u pajpijiet tal-AC użati, fost oħrajn.

Għaldaqstant, din it-tip ta’ struttura hija ideali għal dawn l-ispeċi biex jibnu bejta ġewwa fiha. Il-fatt li aħna popolati żżejjed fuq din il-gżira ċkejkna tkompli żżid mal-problema.

Il-fatt li hawn kullimkien mimli żibel, sorsi ta’ proteini u ikel tal-qtates, li qed jaffettwa ukoll lill-qniefed fil-piż żejjed, qed jgħin fl-isplużjoni tal-hornets orjentali biex jespandu.

Sfortunatament, xi nies li mhumiex professjonali qed jippruvaw jaqbduhom, però dan huwa kollu għalxejn. Qabel kollox wieħed irid iżomm f’moħħu li dawn it-tip ta’ żnażan huma perikolużi ħafna.

Wieħed għandu jfittex l-għajnuna ta’ professjonist. Professjonisti li jaħdmu f’dan it-tip ta’ qasam, l-ewwel li ma jagħmlu huwa li jippruvaw jeliminaw il-bejta. Ovvjament dik hija l-aktar ħaġa importanti! Però, jekk il-bejta ma tistax tinstab u l-hornets jgħaddu minn quddiem il-proprjetà tiegħek u qed joħolqulek problema, il-professjonisti għandhom nases speċjali biex jaqbduhom. Apparti dan, huma jbexxu s-siġar, biex ibiegħdu dawn l-ispeċi mis-siġar tal-proprjetà tiegħek.

Arnold Sciberras enfasizza l-fatt, li hu kontra dak li jagħmlu ċerti nies, li jpoġġu kolla fuq in-nases tal-ġrieden. Dan minħabba l-fatt li dawn it-tip ta’ nases jaqbdu kollox, inkluż speċi li huma ta’ benefiċċju bħal naħal u rettili. Dawn it-tip ta’ nases jikkontribwixxu wkoll biex iġibu iktar hornets, minħabba li jiġu attirati mill-ikel li jitħalla fuq il-kolla.

Idealment, in-nases għandhom ikunu professjonali u speċifiċi għal dawn it-tip ta’ ħtiġijiet, speċifiċi biżżejjed li jinqabdu l-hornets kollha u ma jinqabdux dawk ta’ benefiċċju. Ta’ min jgħid li l-hornets qed jeqirdu wkoll l-apikultura, it-trobbija tan-naħal għall-għasel, għax litteralment qed jeqirdu n-naħal.

Importanti li nerġgħu nenfasizzaw li dawn iż-żnażan huma territorjali jiġifieri jekk wieħed jersaq lejn il-bejta tagħhom, il-possibilità hija li jattakkaw. Jekk jiġri dan, jista’ jkun ta’ periklu għal saħħtek. Il-konsegwenzi jiddependu mill-età tal-persuna.

Għalhekk il-parir hu li żżomm ‘il bogħod u tfittex l-għajnuna ta’ professjonist!

It-tim ta’ Skoperta jixtieq jirringrazzja lil Arnold Sciberras għal dan it-tagħrif.

Għal aktar tagħrif, ċempel fuq 21436820/99887950 jew żur is-sit elettroniku minn hawnhekk.

L-Istati Uniti mħassba li r-Russja qed tipprova tuża lil Malta bħala bażi navali

L-Istati Uniti mħassba li r-Russja qed tipprova tuża lil Malta bħala bażi navali

L-Istati Uniti hija mħassba li r-Russja tista’ tkun qed tipprova tuża lil Malta bħala bażi navali għall-attivitajiet malinni tagħha fir-reġjun tal-Mediterran.

F’rapport li ħareġ minn midja barranija intqal li Malta saret l-aħħar mira għall-attivitajiet tar-Russja. Intqal ukoll li kwart tan-nies li jixtru passaporti Maltin li joffru “soft entry points” lill-UE u s-swieq finanzjarji tagħha huma Russi.

Dan ir-rapport miktub qabel ir-Russja attakkat lill-Ukrajna, jiddeskrivi l-isforzi diplomatiċi li kienu għaddejjin dak iż-żmien biex jiġi evitat it-tixrid tal-kunflitt.

L-aħħar parti tar-rapport tanalizza s-sitwazzjoni fil-Mediterran.

Il-Prim Ministru Robert Abela, li llum jinsab Brussell biex jiddiskuti l-iżvilupp tal-Ukrajna, qal li l-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-kunflitt hija l-istess bħal dik tal-UE.

Mistennijin temperaturi aktar kesħin u xita fil-jiem li ġejjin!

Mistennijin temperaturi aktar kesħin u xita fil-jiem li ġejjin!

Skont rapporti meteoroloġiċi, minn għada mistennijin temperaturi aktar kesħin u ħalbiet tax-xita li xi drabi jistgħu jkunu b’silġ żgħir jekk kif riħ qawwi f’livell għoli tal-atmosfera jerġa’ jistabilixxi ruħu fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u jidderieġi firxa wara oħra ta’ pressjoni baxxa lejn il-gżejjer Maltin.

Dan mistenni jibqa’ matul il-ħamest ijiem li ġejjin!

Installazzjoni tal-Arti minn Katel Delia – Miftuħa sas-16 ta’ Jannar

Installazzjoni tal-Arti minn Katel Delia – Miftuħa sas-16 ta’ Jannar

Delia qed tippreżenta installazzjoni immersiva, maħluqa speċifikament għall-Kamra ta’ Fuq. L-għan ta’ din l-installazzjoni hija li taħkem lill-kamra kollha u tibdilha fi spazju surreali. It-tema tagħha hija l-migrazzjoni fil-baħar Mediterran, u r-realtà allarmanti u ta’ diqa marbuta magħha, li iżda ħafna draw daqslikieku mhi xejn.

L-installazzjoni tuża elementi varji – dwal, ħsejjes u viżwali – li permezz tagħhom Delia trid tieħu lill-viżitaturi f’post ieħor lil hinn mill-Kamra ta’ Fuq. L-esperjenza tal-osservatur se tkun omaġġ għal dawk il-ħafna migranti li tilfu ħajjithom waqt li paradossalment kienu qed ifittxu ħajja aħjar. L-installazzjoni toffri livelli varji ta’ interpretazzjoni – mill-idilliku għal realtà xokkanti.

Delia għandha interess speċjali fil-migrazzjoni, minħabba li hija nnifisha hija parti minn familja li kellha temigra lejn diversi pajjiżi matul is-snin u għandha kompassjoni lejn nies li m’għandhomx għażla oħra ħlief li jħallu kollox warajhom u jitilqu.

Parti mill-ispirazzjoni ta’ dan il-proġett huwa mappa li Delia ltaqgħet magħha f’Migreurop, li turi l-ammont ta’ persuni li għebu jew mietu fil-Mediterran.

Fil-fatt, mill-2014 ‘l hawn, 22,930 migrant ġew irreġistrati nieqsa fil-Mediterran.

L-installazzjoni tal-arti The Last Breath qed tittella’ f’Il-Kamra ta’ Fuq, Mqabba, u se tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Jannar.

Ħinijiet tal-ftuħ:

Mit-Tnejn sas-Sibt – Mis-6 ta’ filgħodu sa nofsinhar

Il-Ħdud – Mis-7 ta’ filgħodu sa nofsinhar

Enable Notifications OK No thanks