Raġel jitlef ħajtu wara li waqa’ f’inċineratur

Raġel jitlef ħajtu wara li waqa’ f’inċineratur

Inċident traġiku li seħħ dalgħodu ħasad lil bosta wara li raġel, ta’ 38 sena tilef ħajtu wara li waqa’ f’parti mill-inċineratur tal-kumpanija Wasteserv, il-Marsa.

Skont rapporti minn tvmnews.mt, jidher li l-inċident seħħ waqt li r-raġel, Joseph Ellul, kien fil-parti tal-makkinarju li fiha jitqatta’ l-laħam qabel jiddaħħal biex jinħaraq. Madanakollu għadu mhux magħruf x’kien li kkawża l-waqgħa.

Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post minn tim mediku mill-isptar Mater Dei li mar fuq il-post ftit wara li seħħ l-inċident.

Evidenza (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Evidenza (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Ħarist lura lejn il-kuritur l-abjad.
Il-ħsejjes familjari.
Ir-riħa li tant kont drajt.
Il-passi taż-żraben tal-gwardjani jtektku ġo moħħi.
Kien kollox għadu frisk ġo moħħi.
Qisu lbieraħ.
Qisu hawn ġew iż-żmien lanqas biss kien għadda.
“Trevor! Mela trid tibqa’ hawn ġew?” smajt leħen il-gwardjan ta’ maġenbi, jaqtagħni minn ġewwa.
Kienu għaddew ħamsa u għoxrin sena.
Magħluq bejn dawn l-erba’ ħitan.
Kont għaddejt l-isbaħ żmien ta’ ħajti hawn.
Hawn ġew bħal eremit.
Kienu ħammġuli unuri.
Kienu ċaħħduni minn dak kollu li kont inħobb nagħmel.
Minħabba lejl wieħed.
Lejl li jiena lanqas biss kont naf eżatt x’kien ġara fih.
Dak il-lejl misħut fejn kont ħriġt ma’ ħija Jonas u l-oħrajn.
U skont il-pulizija, dak il-lejl stess kien instab mejjet wieħed li jiena qajla kien jimpurtani minnu.
Eżamijiet forensiċi.
Dawk tossoloġiċi.
Xhieda.
Provi.
Kollox kien ġie kontrija.
Għadni niftakar kollox qisu kien ilbieraħ.
“Trevor, inti tinsab akkużat fuq il-qtil brutali ta’ Kevin Gauci mill-Mosta………” leħen l-ispettur kien għadu frisk ġo moħħi qisu kien jiġi fiċ-ċella ħdejja u joqgħod jgħidhieli kuljum biex jinkini. Biex iweġġagħni.
Imma kont naf…………
Kont naf li x’aktarx mhux jien kont.
Ippruvajt infehmhom li jiena kont xurban.
Li ma kont naf xejn x’kien ġara.
Kont daħna.
Żibel.
Ma kontx rajt art dak il-lejl faħxi.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Titħabbar il-mewt tal-Professur Albert Fenech

Titħabbar il-mewt tal-Professur Albert Fenech

Titħabbar il-mewt tal-Professur Albert Fenech, wieħed mill-aqwa kardjologi ta’ Malta u eks membru parlamentari Nazzjonalista, fl-età ta’ 70 sena.

Il-Professur instab mejjet ġewwa d-dar tiegħu u hu maħsub li miet b’kawża naturali.

Huwa qatta’ aktar minn 20 sena barra minn xtutna u serva bħala deputat parlamentari Nazzjonalista bejn l-2013 u l-2016.

Fenech waqqaf id-dipartiment tal-kardjoloġija fi ħdan il-kura tas-saħħa pubblika lokali fl-1995 flimkien mal-kardjologu Alex Manche u għamel l-ewwel operazzjoni fl-isptar Mater Dei, anġjogramma, fl-2007.

Il-ħidma tiegħu fl-isptar Mater Dei bħala kardjologu damet għaddejja sal-2015.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem il-memorja tal-Professur Albert Fenech u esprima l-apprezzament tiegħu għal dak kollu li għamel fil-karriera personali u dik politika. Żied jgħid li l-Professur kien pilastru tal-professjoni medika f’pajjiżna.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Professur ikkontribwixxa ħafna għall-avvanz tal-kura medika f’Malta, u li n-nuqqas tiegħu se jinħass ħafna mill-ħbieb u mill-pazjenti.

Min hu għajri? – Tanja Cilia

Min hu għajri? – Tanja Cilia

“Ibża għalih, u meta nerġa niġi, inħallsek il-bilanċ.”

Kelma ħelwa sserraħ bħaż-żejt fuq il-feriti…

Kelli għalliema li kienet tinsisti li naqraw l-hekk imsejħa “kotba klassiċi”, biex ‘iżjed ‘il quddiem’, jiġifieri issa li kbirna, meta xi ħadd jagħmel referenza għalihom, ma nibqgħux ċassi għax inkunu nafu minn fejn ġejjin xi kwotazzjoni, jew xi incident partikolari.

Wieħed minn dawn il-kotba kien Pilgrim’s Progress ta’ John Bunyan, li, niftakar, kull meta kont naqbdu f’idi kien jaqbadi nagħas kbir u bilkem kont inkun naf x’qed naqra; eżatt kif kien jiġrili meta nipprova naqra War and Peace.

Imma mid-dehra, xi frażijiet weħlu mal-ħitan tal-kurituri ta’ moħħi, għax ftakart fih meta smajt taħdita li semmiet kemm dak il-ktieb kif ukoll l-istorja tal-Ħanin Samaritan.

Bħalissa moda il-pluraliżmu reliġjuż u s-sekulariżmu, tant li ssib min hu ‘modern’ u ma jridx li uliedu ikunu ‘indottrinati’.

L-ironija hi li l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, li tinstab fil-Bibbja, xorta għadha tintuża biex tispjega r-Regola tad-Deheb li teżisti kważi f’kull reliġjon… għandna nittrattaw lil ħaddieħor kif irridu nkunu trattati aħna stess.

Santu Wistin (ħalli għalih!) jagħmel interpretazzjoni allegorika u spiritwali. Jgħid is-sinifikat tal-vjaġġ li r-raġel, li jirrappreżenta lill-umanità kollha. Ġeriko huwa l-qamar, għax jitla’, jimla, jonqos, u jinżel.

Ir-raġel kien “nieżel” minn Ġerusalemm għal Ġeriko; mela, dan qabad in-niżla minn stat ta’ grazzja għal stat ta’ dnub, stat aggravat mill-attakk tal-ħallelin li ħallewh għaxi, u nehhewlu l-ħwejjeg, jiġifieri, l-istat tal-grazzja.

Is-Samaritan ma jnaddafx il-feriti tar-raġel bl-ilma biss, imma “..ferra l-inbid, u ż-żejt…” Jiġifieri, ma għamilx kollox ta’ kafkaf.

Barraminhekk, ħa lill-midrub fid-dverna, biex jistrieħ. Hemm kien hemm ikel bnin, biex jerġa jikseb is-saħħa.

Jekk irridu ngħixu bis-sħiħ il-ħniena, irridu ma nagħmlux l-affarijiet b’nofs kedda’, biex inkunu għamilnihom.

Forsi meta din it-tagħlima, meta nagħmluha allegorija, hija ftit jew xejn esaġerata; imma tgħid, m’aħniex imdorrijien naraw l-eżagerazzjonijiet fis-serje li nsegwu fuq it-televixin?

Raġel kien nieżel minn Ġerusalemm għal Ġeriko; l-Adam, mimli bill-fiduċja fih innifsu, u jaħseb li ħadd ma jista’ għalih: Ġeriko qiegħed 825 pied taħt il-livell tal-baħar.

Attakkawh il-ħallelin; għax meta l-bniedem jitbiegħed jaħseb li hu invinċibbli, jinduna kemm għandu bżonn lil ħaddieħor.

Ħadulu l-ħwejjeġ: il-libsa li kienet sabiħa ħafna u tqum tant flus, ma baqgħetx tiegħu. Tgħid, isib min jagħtih oħra?

Telquh u ħallewh għal mejjet – il-Levita, il-qassis, qasam it-triq. Rajt ma rajtx, gedwed waħdu. Fl-aħħar wasal is-Samaritan. Ħass għalih, infaxxalu l-feriti wara li dewwih biż-żejt u bl-inbid.

Lil tad-dverna, tah żewġ dinari u qallu, “Ibża għalih, u meta nerġa niġi, inħallsek il-bilanċ.” Fiha x’tomgħod, din. Meta nikkategorizzw lin-nies f’tajbin jew ħżiena fuq il-bażi tal-liġijiet materjali, tkun xi ħaġa superfiċjali.

U aħna? Nibżgħu li jekk nagħmluha maz-zopp, f’għeluq is-sena, insiru bħalu? Jew nitniġġsu mill-arja ta’ madwar dawk li telqu l-fidi għax ġratilhom xi traġedja? Ninjoraw lil min ikun jixtieq kelma ta’ faraġ, għax hekk jaqbel, ma jmurx xi ħadd jarana miegħu u jittimbrana bl-istess titlu, bħal mal-qassis u l-Levita beżghu li ma jibqgħux indaf, skont il-liġi Testment il-Qadim?

Is-Samaritan ma staqsiex fejn kien il-qassis, jew fejn telaq il-Fariżew, jew fejn staħba l-għalliem tal-Lhud.

Is-Samaritan intebaħ li kien hemm il-bżonn, u għen kif seta’, b’li kellu dak il-ħin.

Kelma helwa hi bħal żejt fuq il-feriti ta’ qalb mimlija uġigħ.

Enable Notifications OK No thanks