Il-Kamra tal-Avukati tgħid li l-imġiba tal-Maġistrat Yana Micallef Stafrace hija inaċċettabbli u intollerabbli

Il-Kamra tal-Avukati tgħid li l-imġiba tal-Maġistrat Yana Micallef Stafrace hija inaċċettabbli u intollerabbli

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Avukati qalet li huwa totalment inaċċettabbli u intollerabbli li l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace qabblet l-imġiba tal-avukata u membru parlamentari Nazzjonalista Janice Chetcuti ma’ dik ta’ “qaħba” u “l-agħar kriminal”, minbarra li hija sproporzjonata għall-aħħar fil-kuntest ta’ dak li seħħ.

Dan wara li waqt li l-avukat Janice Chetcuti kienet qed tistenna fl-awla li fiha kienet se tidher biex tiddefendi l-klijent tagħha, il-kuġin tagħha, Dr Melhino Mercieca, daħal fl-istess sala u sellem lil Dr Chetcuti b’tgħanniqa żgħira u bewsa fuq ħaddejha li damet ftit sekonda.

Filwaqt li l-Kamra tal-Avukati qalet li t-tali forma ta’ tislima mhijiex xierqa mill-avukati f’awla u mhijiex approvata, madanakollu, ma kienx att gravi ħafna u sempliċi twissija kienet tkun biżżejjed.

Żiedet tgħid ukoll li tqis ir-reazzjoni tal-maġistrat ta’ tħassib ferm aktar mill-aġir taż-żewġ avukati, partikolarment fil-kuntest tal-episodju inkwistjoni.

Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li ntuża lingwaġġ ieħor kemxejn deskrittiv mill-maġistrat. Il-Kamra tal-Avukati sostniet li reazzjoni sproporzjonata bħal din hija inġusta għall-aħħar, mhux biss lejn l-avukata ikkonċernata li trid tirrapreżenta klijenti oħra quddiem l-istess maġistrat, iżda hija wkoll inġusta fuq membri oħra tal-ġudikatura li jagħmlu ħilithom biex iħarsu r-reputazzjoni tal-ġudikatura.

Saħqet ukoll li l-Kamra ma tapprovax l-imġiba tal-avukati kkonċernati, iżda lanqas se tittollera li l-membri tagħha jiġu umiljati jew saħansitra bullied, minn membru tal-ġudikatura, li fl-aħħar mill-aħħar huwa fdat li jara li ssir ġustizzja skont il-liġi u jiddetermina l-futur tal-ħajja ta’ ħaddieħor, iżda li jiġġudika kompletament ħażin sempliċi tgħanniqa għal xi att “erotiku” jew “sesswali”, kliem użat mill-maġistrat.

Il-Prim Ministru Robert Abela esprima wkoll in-nuqqas ta’ qbil tiegħu għall-imġiba tal-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.

Filwaqt li qal li l-episodju seta’ ġie evitat biex jinżamm id-dekor fl-awla, saħaq li żgur li ma kienx episodju li kellu jiġi reċiprokat mill-maġistrat b’dak il-mod.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Julie Zahra tieħu lit-tifla tagħha l-Parlament

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Julie Zahra tieħu lit-tifla tagħha l-Parlament

Ilbieraħ, il-membru Parlamentari Nazzjonalista Julie Zahra, ħadet lit-tifla tagħha l-Parlament.

Julie Zahra qasmet ritratt li juri lilha flimkien mat-tifla tagħha Nina Mae, li rreferiet għaliha bħala l-“assistenta” żgħira tagħha, quddiem il-Parlament.

Hija stqarret li hija sfida biex taqdi r-rwoli tagħha bħala omm u membru parlamentari meta ma jkollha lil ħadd min joqgħod mat-tifla, għaldaqstant ħadet l-opportunità biex tagħti eżempju tajjeb lil bintha u turiha li tkun kemm tkun impenjata jew fejn tkun fil-ħajja, dejjem għandek taqdi dmirijietek, anki jekk ikun jeħtieġ li tagħmel sagrifiċċji.

Fuq il-midja soċjali tagħha, il-membru parlamentari Nazzjonalista Eve Borg Bonello, tellgħet żewġ ritratti b’wieħed minnhom juri lilha flimkien ma’ Julie Zahra u t-tifla taghha fil-Parlament u l-ieħor juri lil Nina Mae qed tpinġi.

Il-membru parlamentari Nazzjonalista Eve Borg Bonello saħqet li n-nisa jistgħu jkunu involuti fil-qasam politiku filwaqt li jkunu ommijiet. Hija ħeġġet biex jiġi assigurat li l-istituzzjonijiet jakkomodaw lin-nisa kollha, inkluż l-ommijiet.

Id-deċiżjoni ta’ Julie Zahra li tieħu t-tifla magħha l-Parlament qanqlet reazzjonijiet minn bosta, uħud faħħru dan il-pass filwaqt li appellaw li din għandha tidħol aktar fin-normalità, u anke f’oqsma oħra.

Oħrajn ikkritikaw dan il-pass għaliex fl-opinjoni tagħhom, il-Parlament “mhuwiex post it-tfal”, filwaqt li wħud irrimarkaw li din kienet mossa maħsuba biex tiġbed l-attenzjoni.

Enable Notifications OK No thanks