Select Page
“Prova ċara ta’ ġaħaniżmu” – John Bundy

“Prova ċara ta’ ġaħaniżmu” – John Bundy

Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, John Bundy qasam il-ħsibijiet tiegħu dwar il-fatt li xi wħud ma rrikonoxxewx is-suċċess li kisbet Roberta Metsola.

John Bundy qal li nistgħu ma naqblux fl-opinjoni u fl-ideat, għaliex hekk taħdem id-demokrazija u b’hekk nimxu ‘l quddiem.

“Iżda li ma naqblux dwar is-suċċess ta’ ċittadina Maltija f’kariga tant prestiġjuża għal pajjiżna hija prova ċara ta’ ġaħaniżmu.” – John Bundy

Filwaqt li qal li għandna nkomplu nħarsu ‘l quddiem biex Malta tkun l-ewwel u qabel kollox, John Bundy awgura lil Roberta Metsola għall-kariga l-ġdida tagħha.

Roberta Metsola eletta President tal-Parlament Ewropew

Roberta Metsola eletta President tal-Parlament Ewropew

Proprju f’għeluq sninha Roberta Metsola ġiet eletta bħala l-president tal-Parlament Ewropew, b’maġġoranza ta’ 458 vot.

Din hija kisba storika mhux biss għaliex Roberta Metsola se tkun l-iżgħar President li qatt kien hemm, iżda wkoll għax hija l-ewwel Maltija li se tkun qed tokkupa kariga daqshekk għolja fix-xena internazzjonali.

Hija kienet fost erba’ kandidati għall-kariga, flimkien mal-Ispanjola Sira Rego, il-Pollakk Kosma Zlotowski u l-Iżvediża Alice Bah Kuhne.

Alice kienet l-eqreb konkorrent, li kisbet 101 vot filwaqt li Sira kisbet 58 vot.

Roberta Metsola ilha MPE mill-2013 u viċi president tal-parlament mill-2020. Riċentament hija ħadet ir-rwol ta’ President wara li David Sassoli kien nieqes għal diversi ġimgħat minħabba mard.

Imut il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli

Imut il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli

Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli fl-età ta’ 65 sena.

Huwa miet fl-isptar l-Italja fejn kien ilu mis-26 ta’ Diċembru, minħabba kumplikazzjoni serja minħabba disfunzjoni tas-sistema immuni tiegħu.

Sassoli, politiku Taljan, ġie wkoll ikkurat fi sptar Franċiż għal pulmonite f’Settembru.

David Sassoli beda l-karriera tiegħu bħala ġurnalist, u kompla jevolvi fil-karriera meta ingħaqad max-xandir tal-Istat Taljan RAI. Fl-2009, ingħaqad mal-Partit Demokratiku u rebaħ l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

Huwa ilu president tal-parlament ta’ 705 siġġu mill-2019. Huwa rwol fil-biċċa l-kbira ċerimonjali u l-mandat tiegħu kellu jintemm dan ix-xahar.

Skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Parlament Ewropew, il-Viċi President iddeterminat skont il-preċedenza, isir President jekk ir-rwol jiġi vakanti.

Roberta Metsola tokkupa l-kariga ta’ Viċi President, għaldaqstant se tkun qed isservi bħala President tal-Parlament Ewropew sakemm jiġi elett President ġdid.

L-elezzjoni se ssir nhar l-Erbgħa d-19 ta’ Jannar u Metsola hija l-kandidata tal-PPE għar-rwol.

Enable Notifications    OK No thanks