Select Page
It-Tazza tal-Ilma (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

It-Tazza tal-Ilma (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Ifhem, kont naf li biex joqgħod jinżel minn hemm fuq kien se jkollu kedda akbar minni. Għalhekk, qomt, qbadt tazza minnhom, mort għamiltha taħt il-vit (għax kienu qaluli li l-ilma tal-vit fl-Ingilterra tajjeb għax-xorb) u mlejtha.
Mort ħdejn is-sodda u poġġejthielu eżatt fuq l-injama tal-ġenb ta’ dahar is-sodda.
Dħalt lura f’soddti.
“Vera hawn sabiħ,” bdejt inparla. “Ħadt gost. Int mort xi mkien?”
Ma weġibnix.
Ma kellux aptit kliem donnu.
“Il-lejl it-tajjeb……” għalaqt għajnejja u ħallejt in-ngħas jiġri bija.
Kienu eżattament il-ħamsa ta’ filgħodu.
Smajt taħbita qawwija ġejja mill-bieb tal-kamra.
Inħsadt. Qomt bilqiegħda fuq is-sodda. Tgħid min kien ġie dal-ħin? Bdejt ninkwieta.
Taħbita oħra.
Ħadd ma kellu jiġi.
Imma jekk ma niftaħx, it-taħbit kien se jqajjem lukanda sħiħa!
Barra kien għadu d-dlam. Ħriġt mis-sodda, xegħelt id-dawl tal-kamra, ilbist il-kowt li kont ħallejt jinxef mill-ilma u b’għajnejja mżellġin, ftaħt il-bieb tal-kamra.
Inħsadt.
Ħija.
Ħija kien quddiemi.
“Leonard……mela ħriġt kmieni dalgħodu?” għidtlu, inħares lejh iċċassat.
“Naf, Mike. Naf. Aħfirli.”
Daħal ġewwa u għalaq il-bieb warajh.
“X’inti tgħid?” staqsejtu. Ma stajt nifhem xejn.
“Mike, naf li tiddejjaq tgħaddi l-lejl waħdek,” qalli. “Skużani. Imma tant kemm ħadt gost li ma kellix aptit niġi naħli l-ħin hawn ġew norqod!”
Ħassejtni nibbies qisni statwa tal-ġebel.
“Xiex?” staqsejtu. “Jiġifieri int qed tgħidli li għaddejt il-lejl barra?”
“Iva aħfirli Mike!” irrepeta Leonard.
Dawwart ħarsti lejn is-sodda ta’ fuq li kellha l-kutri mħarbtin kollha.
U fuq l-injama tal-ġenb ta’ dahar is-sodda rajtha.
Tazza tal-ilma.
Imma t-tazza kienet vojta.
“Donnu ma kontx waħdi Leonard,” għidtlu.

It-Tazza tal-Ilma (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

It-Tazza tal-Ilma (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Tant kemm kienet żgħira l-kamra, li s-sodod kienu fuq xulxin, kien hemm tavolin żgħir armat b’żewġ tazzi, tapit imgerrem fin-nofs u tieqa żgħira iżgħar minn rasi. Ħassejt in-nifs kważi se jinqata’.
“Issa għada filgħodu mmorru għall-apparat ta….” qalli ħija. “Jekk trid toħroġ ftit, kif qiegħed hawn……”
“Waħdi?” staqsejtu.
“B’daqshekk! Tgħid mhux se jisirquk! Fik daqs ġolf!”
“Imma aħna ġejna ma’ xulxin…..” bdejt ngħidlu.
“U ajma Mike, taf li għandek tletin sena skorruti? Għadek qisek tarbija!” smajtu jidħak.
Ħassejtni urtat b’dak il-kliem. U anke l-attitudni tiegħu. X’affarijiet dawn! Kultant vera kien jaf kif għandu jaħraqni!
Għalhekk, qbadt ilbist l-eħxen xalla li kont ġibt miegħi, ħadt il-kopja taċ-ċavetta li kienet tatna t-tfajla taċ-ċrieki suwed taħt għajnejha u ħriġt.
Ngħid il-verità, vera ħadt gost. Ma kienx iddispjaċieni li dort ftit waħdi. Londra għoġbitni ħafna. Rajt il-ferroviji li kien hemm, il-postijiet ta’ divertiment, kull ġens ta’ nies, imxejt tul il-pontijiet li kienu jaqsmu x-xmara Thames, rajt il-Big Ben, ġonna u postijiet ta’ rilassament, mort ħdejn il-palazz tar-reġina u vera ma ħassejtnix iddispjaċut li kont ħriġt indur dawra f’din il-belt tassew sabiħa. Ma tantx kelli ħin, iżda gawdejt. Lanqas kont indunajt li kien kważi dalam ċappa. Kien propju dak il-ħin li qabdet ix-xita u ġrejt kemm flaħt lura ħalli nasal fil-lukanda.
Malli dħalt lura fil-kamra, indunajt li kont sirt imxarrab għasra.
Għalaqt il-bieb warajja u ħadt nifs twil. Propju dak il-ħin, li imsaħt wiċċi u ħarist madwar il-kamra, indunajt li ħija kien diġà rieqed fis-sodda ta’ fuq. Għalhekk ma xegħeltx id-dawl, iżda kelli biżżejjed dawl tal-binjiet tal-faċċata u l-ħwienet li kien ġej mit-tieqa.
“Mela ma ħriġtx?” bdejt ngħidlu, hekk kif bdejt ninża ħwejġi u nagħmilhom fuq il-heater li kien hemm taħt it-tieqa. Ħarist barra mit-tieqa. Dawl u kuluri. Xtaqt domt aktar f’din il-belt sabiħa. Iżda mhux ġo din il-lukanda!
Ma weġibnix. Iżda stajt nisma’ l-ħsejjes tan-nifsijiet tiegħu kontinwament.
Ħassejtni ninkwieta għalih. Tgħid ma ħareġ imkien? Tgħid kien iddispjaċih li qalli hekk u wara xtaq joħroġ miegħi?
Issa m’hemmx x’tagħmel, komplejt naħseb waħdi, hekk kif dħalt fis-sodda tan-naħa t’isfel. Għalaqt għajnejja. Il-ħsejjes ġejjin mill-kmamar l-oħra, it-taħbit fuq l-injam u ż-żaqżiq tal-bibien bdew idejquni.
“Newwilli tazza ilma……” smajt lil ħija jgħidli mis-sodda ta’ fuq.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

We are the world – Proġett mużikali minn diversi kantanti għal żmien il-Milied

We are the world – Proġett mużikali minn diversi kantanti għal żmien il-Milied

Il-kantant Malti Kurt Anthony, huwa l-moħħ wara dan il-proġett. Kantanti popolari oħrajn se jingħaqdu miegħu dalwaqt għal kanzunetta leġġendarja li kienet ħarġet fis-snin tmenin mill-artisti internazzjonali bħal Michael Jackson, Tina Turner, Lionel Richie fost ohrajn.

Kurt jgħidilna, ”Kanzunetta li tfisser għaqda u imħabba.. Il-mużika hija katina b’saħħitha u din kienet opportunità biex ningħaqdu flimkien fl-iktar żmien diffiċli minkejja xi indifferenzi. Jien bniedem li minn ċkuniti ħabbejt ħafna l-kant u l-kantanti u fl-aħħar se jkolli xi ħaġa li tgħaqqadni ma’ dawn l-artisti li kont insegwi fuq it-televiżjoni mindu kont ċkejken. Artisti bħal Mike Spiteri, William Mangion, Claudia Faniello, Ludwig, Debbie u oħrajn. Meta ġejt biex nagħżel il-kantanti kollha kienet diffiċli. Kellimt ‘il fuq minn 30 artist lokali. Kulħadd wera interess imma minħabba d-dati li kienu ristretti ħafna kellna nagħmlu għażla u nżilna għal 20… Michela Galea, Claudia Faniello, Olivia Lewis, Debbie Scerri flimkien mat-tifla tagħha Nicole Vella, Mark Anthony Bartolo, Kevin Paul Calleja, Maria Luana, Gail Attard, Mark Spiteri Lucas, Gaia Cauchi, Mike Spiteri, William Mangion, Ludwig Galea, Laura Bruno, Nicole Frendo, Lisa Tabone, jien innifsi u finalment act ċkejkna li bħalissa tinsab fuq fomm kulħadd iżda ma nixtiqux niżvelawha għalissa.”

Kurt jgħidilna wkoll li sab ħafna appoġġ mill-artisti kollha li ipparteċipaw b’ mod speċjali minn Ludwig Galea li kkoordina l-vuċijiet u l-armoniji u Maria Luana li minkejja li tagħmel parti mill-‘cast’ idderiġiet il-filmat li se jitwassal lill-Maltin u l-Għawdxin kollha fil-ġranet li ġejjin.

Jirringrazzja wkoll lil Dar il-Mediterran li tawhom lokazzjonijiet mill-isbaħ ghall-filmat kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li ta sapport kbir lil din l-idea.

Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed naqsmu dan il-proġett fuq skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks