Select Page
Riċetta: Majjal bil-Larinġ u Patata Mimlija

Riċetta: Majjal bil-Larinġ u Patata Mimlija

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Għal-laħam:

8 biċċiet majjal (jien użajt medallions)

Żewġ larinġiet imqatta’ slajsis

200ml stokk taċ-ċanga sħun

4 imgħaref dqiq plejn

Mgħarfa garlic powder

Mgħarfa sweet paprika

Mgħarfa mustard powder

Żewġt imgħaref butir

Kuċċarina soy sauce

Kuċċarina riegnu

Kuċċarina sagħtar

Kuċċarina worcestershire sauce

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Metodu:

  • Ħallat id-dqiq, il-garlic powder, is-sweet paprika u l-mustard powder flimkien fuq platt.
  • Immartella ftit il-biċċiet tal-majjal jew b’martell tal-kċina jew b’qiegħ ta’ tazza.
  • Għaddi kull biċċa majjal mit-taħlita tad-dqiq u ara li jinksew bit-taħlita miż-żewġ naħat.
  • Saħħan il-butir fuq nar medju f’taġen ftit fond u kif jisħon, aqli l-biċċiet tal-majjal għal madwar 3 minuti fuq kull naħa, sakemm tara li bdew jieħdu kulur dehebi.
  • Issa żid l-istokk sħun. Żid ukoll il-bżar, il-melħ, is-soy sauce, il-worcestershire sauce, is-sagħtar u r-riegnu. Baxxi n-nar, għatti it-taġen u ħallih itektek għal 15-il minuta sakemm il-laħam isir tari.
  • Ikxef it-taġen u poġġi slajs larinġa fuq kull biċċa laħam. B’imgħarfa tella’ ftit mill-gravy li għandek fit-taġen fuq kull biċċa laring. Erġa’ għatti t-taġen u ħallih itektek għal 5 minuti.
  • Servi immedjatament ma’ kontorn ta’ ħaxix jew patata.

Fir-ritratt ta’ din ir-riċetta se taraw toqlija sempliċi ta’ ħaxix imħallat u patata mimlija l-forn.

Ingredjenti għall-patata mimlija:

8 patatiet imdaqqsa bil-qoxra

Basla maħkuka

Żewġ sinniet tewm imqatta’ rqaq

8 slajsis bejken imqatta’

Nofs kuċċarina chilli flakes

4 mgħaref mozzarella maħkuk

4 cherry tomatoes maqsuma min-nofs

Kuċċarina żejt taż-żebbuġa

Metodu:

  • Aħsel u għalli l-patata bil-qoxra f’misħun jagħli għal bejn 15 u 20 minuta sakemm tiġi nofs sajran.
  • Sadanittant, saħħan iż-żejt ġo taġen. Żid il-bejken, il-basla, it-tewm u ċ-chilli flakes. Ħawwad u aqli sakemm il-bejken ikun sar sew.
  • Tella’ l-patata mill-misħun u aqtagħlha biċċa mill-wiċċ.
  • Ħaffer ftit il-patata u neħħi ftit mill-ġewwieni tal-patata.
  • Imla l-vojt bit-toqlija tal-bejken.
  • Daħħal il-patata fil-forn fuq dixx miksi bil karta tal-forn u aħmiha għal bejn 30 u 40 minuta sakemm iddaħħal ponta ta’ sikkina u tara li saret sew.
  • Oħroġ id-dixx u iksi l-wiċċ tal-mili bil-mozzarella u poġġi nofs tadama fil-wiċċ.
  • Erġa’ daħħal id-dixx fil-forn għal 10 minuti.

L-ikla t-tajba!

Din ir-riċetta ġiet imwassla lilkom minni u minn Vince Busuttil.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Apple Crumble

Riċetta: Apple Crumble

Għandek bżonn (għal dixx ta 9”):

Għall-mili:

Sitt tuffiħat imqaxxrin u imqattgħin fi flieli rqaq

10 imgħaref ilma

Nofs kuċċarina nocemuskata

Nofs kuċċarina cinnamon

Mgħarfa zokkor. (Jekk tipreferi li ma tiġikx ħelwa ħafna, għalli t-tuffieħ mingħajr ma żżid iz-zokkor)

Għall-crumble:

300g dqiq plain

Niskata melħ

175g zokkor ismar

200g butir imqatta’ dadi

Ftit butir biex idellek id-dixx

Metodu:

  • Poġġi l-ingredjenti kollha tal-mili ġo kazzola u sajjar fuq nar baxx għal 10 minuti.
  • Ixgħel il-forn u ħallih jisħon fuq 180.
  • Idlek id-dixx li se tuża bil-butir.
  • Sadanittant ġo skutella ħallat id-dqiq, iz-zokkor l-ismar u l-melħ.
  • Ħawwadhom sew u mbagħad ibda żid il-butir ftit ftit u ħawwad b’idejk sakemm tkun żidt il-butir kollu u jkollok taħlita tixbaħ lill-frak tal-ħobż.
  • Issa saffi it-tuffieħ mill-ilma u rranġa l-biċċiet tat-tuffieħ fil-qiegħ tad-dixx.
  • Ferrex it-taħlita tal-crumble fil-wiċċ. Kemm jista’ jkun għatti it-tuffieħ kollu.
  • Daħħal id-dixx fil-forn u aħmi għal 45 minuta sakemm il-wiċċ jieħu kulur dehebi.
  • Serviha sħuna ma’ ġelat jew custard.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Involtini tal-Brunġiel

Riċetta: Involtini tal-Brunġiel

Għandek bżonn: (għal 6 porzjonijiet)

4 brunġiliet kbar
Żejt taż-żebbuġa

Għall-mili:
1kg irkotta
Vażett pesto genovese (tal-ħabaq)
Bajda mħabbta
Erba’ mgħaref tursin frisk imqatta’ rqiq
Mgħarfa Tarragon
Żewġ imgħaref frak tal-ħobż
Ftit bżar u melħ

Għaz-zalza:
Kuċċarina żejt taż-żebbuġa
Kwart faqqiegħ imqatta’ slices
Żewġ basliet ħodor imqatta’ slices irqaq
Żewġ kuċċarini tewm imqatta’ rqiq
Żewġ bottijiet tadam imqatta’
Kwart ta’ kuċċarina zokkor
Kuċċarina curry
Kuċċarina mixed spice
250ml ilma

Mozzarella maħkuka (skont il-gosti tiegħek)

Metodu:

Neħħi z-zokk mill-brunġiel u qattagħhom slices mit-tul kemm jista’ jkun irqaq. Aktar ma jkunu rqaq, aktar isiru malajr.

Irranġa s-slices ħdejn xulxin fuq karta tal-forn u tihom raxxa ħafifa żejt taż-żebbuġa.

Sajjarhom fil-forn għal 15 sa 20 minuta jew sakemm tara li rtabu.


Meta jkunu saru, oħroġhom mill-forn u ħallihom jiksħu.

Sadattant, ipprepara l-mili u z-zalza.

Għall-mili:

Sempliċement ħallat l-ingredjenti kollha tal-mili fi skutella kbira.


Żomm fil-friġġ sakemm tkun lesta biex tużah.

Għaz-zalza:


Saħħan iż-żejt f’taġen fond u aqli l-basal u t-tewm sakemm ikunu rotob.

Imbagħad żid il-faqqiegħ, il-curry u l-mixed spice, u ħawwad sakemm il-faqqiegħ jirtab u tara li l-basal, it-tewm, u l-faqqiegħ qed jibdew jieħdu kulur kanella.

Issa żid it-tadam bil-meraq tagħhom, iz-zokkor, u l-ilma.

Ħawwad kollox sew flimkien u ħalliha ttektek sakemm ikollok zalza magħquda.

Kif ikollok kollox lest, tista’ tibda tagħmel l-involtini u tirranġahom f’dixx tal-forn. L-aħjar li tuża dixx kbir biex ikollok saff wieħed.

L-ewwel, poġġi daqs mgħarfa imburġata mili tal-irkotta f’nofs kull slice tal-brunġiel, u kebbeb kull slice biex jiġu bħal cannelloni.

Meta tkun lestejthom kollha mimlijin, ifrex ftit miz-zalza l-ħamra fid-dixx kemm tgħatti l-qiegħ.

Imbagħad ibda irranga l-involtini kollha ħdejn xulxin fid-dixx. Kemm jista’ jkun isikkahom u tħallix spazju bejniethom.

Iksi l-wiċċ biz-zalza l-ħamra u roxx ftit mozzarella jekk tiggosta.


Aħmihom fil-forn għal nofs siegħa.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Figolli

Riċetta: Figolli

Għandek bżonn (għal bejn 4 u 8 figolli, skont id-daqs):

Għall-għaġina:

800g dqiq self raising

225g icing sugar

340g butir (unsalted), imqatta’ cubes

Erba’ isfra tal-bajd

Qoxra ta’ żewġ lumijiet maħkuka

Kuċċarina trab tal-vanilla

115ml ilma

Għall-mili:

640g intrita (pura jew substitute)

420g icing sugar

Qoxra ta’ żewġ lumijiet maħkuka

Kuċċarina trab tal-vanilla

Erba’ abjad tal-bajd

Għat-tiżjin:

Ċikkulata tat-tisjir imdewba banju maria.

Jew

Ġelu magħmul minn żewġ abjad tal-bajd, 400g icing sugar, u meraq ta’ nofs lumija.

Imbagħad żid tiżjin ieħor skont il-gosti tiegħek.

Metodu:

Għall-għaġina:

  • Agħrbel id-dqiq, it-trab tal-vanilla, u l-icing sugar ġo skutella kbira. Żid il-butir u l-qoxra tal-lumi.
  • Agħġen b’idejk sakemm il-butir jithallat sew mal-ingredjenti l-oħra u jkollok taħlita qisha frak tal-ħobż oħxon.
  • Issa żid l-isfra tal-bajd u l-ilma, u ħawwad sew sakemm ikollok taħlita lixxa.
  • Jekk tara li l-għaġina għadha iebsa wisq biex tinħadem, żid ftit ilma ftit ftit sakemm tara li ġiet tajba.
  • Agħtti l-iskutella tal-għaġina bi clingfilm u poġġiha fil-friġġ għal mill-inqas nofs siegħa.

Metodu tal-mili:

Ħallat l-intrita, it-trab tal vanilla, l-abjad tal-bajd, l-icing sugar, u l-qoxra tal-lumi kollha flimkien sakemm ikollok pejst lixx.

Metodu tal-figolla:

  • Ferrex ftit dqiq u iftaħ l-għaġina b’lembuba. Ara li jkollok ħxuna ta’ madwar nofs ċentimetru. Żomm f’moħħok li din ħa togħla xi ftit fil-forn peress li qed nużaw dqiq self raising.
  • Aqta’ żewġ forom l-istess mill-għaġina.
  • Poġġi forma minnhom fuq karta tal-forn u b’pinzell idlikha ħafif bi ftit ilma, biex jaqbadlek aħjar il-mili mal-għaġina.
  • Iksi din il-forma bil-mili tal-intrita. Tista’ tiftaħha wkoll b’lembuba, jew inkella tidlikha dirett fuq l-għaġina. Idlek il-wiċċ tal-mili bi ftit ilma.
  • Tiksix bil-mili sat-tarf nett tal-għaġina biex ma jaqalekx mili żejjed meta tpoġġi l-għaġina ta’ fuq.
  • Issa agħtti l-mili bil-forma tal-għaġina l-oħra, u erġa’ idlikha b’pinzell bi ftit ilma.
  • Saħħan il-forn għal gas mark 180.
  • Aħmi l-figolli fuq dixx tal-ħami miksi bil-karta tal-forn għal bejn 30 u 40 minuta. Il-ħin jiddependi mid daqs tal-figolli li tkun għamilt.
  • Meta jkunu lesti, ħallihom jiksħu sew qabel iżżejjinhom, anzi jekk ikun possibbli li żżejjinhom l-għada jkun aħjar.
  • Meta jkun għaqad it-tiżjin, iksi l-figolli bi clingfilm u jibqgħu tajbin sa tlett ġimgħat.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks