Select Page
Bint il-Konsulent Victor Calvagna tiċċara l-fatti dwar il-kundizzjoni preżenti ta’ missierha

Bint il-Konsulent Victor Calvagna tiċċara l-fatti dwar il-kundizzjoni preżenti ta’ missierha

Permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, bint Il-Konsulent mediku Victor Calvagna, spjegat li l-professjonisti mediċi ġibdu l-attenzjoni tal-familja Calvagna li missierha għadu mhux iddikjarat li huwa brain dead, iżda li għandu 95 fil-mija brain damage jiġifieri tilef b’mod permanenti 95 fil-mija tal-funzjoni tal-moħħ.

Filwaqt li esprimiet kemm missierha kien ifisser kollox għaliha, hija żiedet tgħid li sellmet lil missierha, u talbet lill-pubbliku biex iżomm lill-missierha fit-talb ħalli jkun ħieles mill-uġigħ u fil-paċi minkejja l-istat tiegħu.

“Jiġri x’jiġri, dak ir-raġel li hemm mimdud f’dik is-sodda tal-isptar kien, huwa u jibqa’ għal dejjem l-eroj tagħna…u wieħed mill-aqwa persuni li lkoll kellna l-privileġġ li nkunu nafu u nħobbu.” – Bint il-Konsulent Victor Calvagna

Hija qalet ukoll li minn issa ‘l quddiem se żżomm il-memorja ta’ missierha ħajja bil-mod kif tgħix, u billi timxi fuq il-passi tiegħu.

Filwaqt li awgurat is-sena t-tajba lil kulħadd, hija ħeġġet biex kulħadd iqatta’ dan iż-żmien mal-għeżież tiegħu għaliex għada mhuwiex garantit għal ħadd minnha.

Weraq Niexef (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Weraq Niexef (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Eżattament ġimgħa ilu.
U hu kien qiegħed hawn.
Mimdud fuq il-ħamrija umduża bil-weraq niexef fuqha.
Għajnejh kienu kollha dmugħ. Iżda għal xi raġuni jew oħra ma felaħx jibki. Kien ilu jissportihom.
“Jean……? L-imwarrab?”
Leħen is-subien instema’ jidwi mal-akkwati.
Għajnejn Jean qabżu pulzier ‘il barra, in-nifs batut wara l-għeja tal-ġirja li kien għadu ġej minnha kien kważi maqtugħ għal kollox, idejh bdew jirtogħdu u xagħru kien xi ftit imħabbel.
Ma kellux ħin.
Ried jistaħba ta’ malajr. Inkella kienu jsibuh.
Qam inkiss inkiss u biż-żarbun iqarmeċ fuq il-weraq niexef, telaq jiġri lejn siġra kbira li kienet fit-tarf nett tal-ġnien kbir fejn kien jinstab.
“Jean?” reġa’ semagħhom. Niżel kokka wara s-siġra u żamm in-nifs. L-għaraq beda nieżel ma ġbinu.
Allaħares isibuh!
Qalbu ċkejkna f’sidru kienet bdiet tħabbat b’mod ifferoċjat minn taħt il-qafas.
Jekk isibuh…………
Kien ilaqqat dirsa tajba!
“Jean!” beda jgħajjat l-ikbar wieħed fosthom. “Morru fittxuh. X’imkien hawn irid ikun!”
Kienu grupp subien. Kollha kemm huma kienu fil-klassi tiegħu. Minn mindu kienet mietet ommu, kien mar jgħix ma’ nanntu li ftit li xejn kienet għadha tiflaħ tlaħħaq mal-bżonnijiet tiegħu.
Jean kellu seba’ snin.
Issa xagħru kien ikun xi ftit imgerfex, il-ħwejjeġ tal-uniformi ma kinux għadhom ifuħu bħal ma kienu jkunu qabel. It-tbissima unika li kien ikollu Jean fuq wiċċu kienet għebet għal kollox. Ommu kienet kollox għalih. Il-firda li kien ħass kienet iebsa wisq biex wieħed jiddeskriviha.
“Morru fittxuh!” reġa’ qalilhom Andrew, l-aktar wieħed robust minnhom.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Enable Notifications    OK No thanks