by skoperta.net | 04/Aug/22 | L-Aħħar Aħbar
L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) qed tirrakkomanda li l-vaċċin tal-Covid-19 ta’ Novavax, li s’issa għadu mhux jittieħed minn kulħadd, ikollu twissija dwar il-possibbiltà ta’ żewġ tipi ta’ infjammazzjoni tal-qalb.
Il-kundizzjonijiet tal-qalb, mijokardite u perikardite, għandhom jiġu elenkati bħala effetti sekondarji ġodda fl-informazzjoni tal-prodott għall-vaċċin, Nuvaxovid, ibbażat fuq numru żgħir ta’ każijiet irrappurtati, l-EMA qalet nhar l-Erbgħa.
Il-kumpanija Novavax qalet li ma tqajjem l-ebda tħassib dwar infjammazzjonijiet tal-qalb waqt il-provi kliniċi ta’ Nuvaxovid u li se tinġabar aktar dejta, u żiedet li l-aktar kawża komuni ta’ mijokardite hija l-infezzjonijiet virali.
“Se naħdmu mar-regolaturi rilevanti biex niżguraw li l-informazzjoni tal-prodott tagħna hija konsistenti mal-interpretazzjoni komuni tagħna tad-dejta li dieħla,” żied l-iżviluppatur tal-vaċċini tal-Istati Uniti Novavax.
F’Ġunju, l-Amministrazzjoni tal-Ikel u d-Droga tal-Istati Uniti indikat riskju ta’ infjammazzjoni tal-qalb mill-vaċċin Novavax.
Il-mijokardite u l-perikardite qabel kienu identifikati bħala effetti sekondarji rari, l-aktar dehru f’irġiel żgħażagħ, mill-vaċċini Moderna u l-Pfizer u l-BioNTech, bil-maġġoranza l-kbira ta’ dawk affettwati jirkupraw għal kollox.
L-EMA qalet li kienet talbet lil Novavax biex tipprovdi dejta addizzjonali dwar ir-riskju ta’ dawn l-effetti sekondarji.
Ix-xahar li għadda, l-aġenzija tal-UE identifikat reazzjonijiet allerġiċi severi bħala effetti sekondarji potenzjali tal-vaċċin.
Novavax kienet qed tittama li n-nies li għażlu li ma jieħdux il-vaċċini ta’ Pfizer u Moderna, jagħżlu li jieħdu lilha minħabba li tiddependi fuq teknoloġija li ilha tintuża għal għexieren ta’ snin biex tiġġieled il-mard inkluż l-epatite B u l-influwenza.
Madankollu, madwar 250,000 doża ta’ Nuvaxovid biss ġew amministrati fl-Ewropa mit-tnedija tiegħu f’Diċembru skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.
by Dr Sharon Calleja | 24/Apr/22 | Letteratura, Varjetà
Karistu resaq lejn it-tieqa tal-ħġieġ illi kellu fl-appartament il-ġdid. Ra l-kuluri fis-sema u sema’ l-istess ħsejjes familjari tan-nar tal-ajru.
Sena ġdida.
Ħares madwaru u ftakar f’kemm kienu ġraw affarijiet dis-sena. Dan l-appartament kien komdu, mimli għamara moderna u kellu dak kollu li Karistu qatt ma kien seta’ jaffordja qabel. Ħares lejn ħwejġu u tbissem. F’sena, b’dik l-imbierka lotterija kien sar nies.
Lanqas felaħ jistenna l-għada. Kellu seba’ mitt sena ħalli jara jekk Toni kienx se jiġi ħalli jagħtih dak kollu li kien tah hu meta ma kellux għaxja ta’ lejla.
L-għada mar iħaffef lejn il-bank, jitbissem, iżomm rigal f’idejh, liebes ilbies sabiħ. Kien qed ikanta minn taħt l-ilsien.
Rah hemm.
Toni.
Toni kien qiegħed bilqiegħda fuq il-bank jistennih.
“Toni…..” qallu Karistu hekk kif resaq lejh.
Iż-żewġt iħbieb ta’ kull nhar l-ewwel tas-sena.
Toni kien liebes bħas-soltu, impekkabbli.
“Int….?” qallu Toni.
“Jien, iva. Skużani li s-sena l-oħra ma sibtnix nistennik, imma rbaħt il-lotterija. Kellhom iġorruni d-dar bil-ħasda li ħadt! Din is-sena nħallaslek l-ikla jien.”
Tah ir-rigal u marru jieklu fl-istess ristorant lussuż illi kienu jmorru ta’ kull sena. Ferħu b’xulxin u twennsu bil-kliem li kienu jieħdu gost jirrakkontaw lil xulxin.
Kien propju dak il-ħin, li daħal raġel fqir, jittallab fil-bieb tal-ħanut għall-flus. Minnufih, Karistu qam bilwieqfa u tah karta ta’ għoxrin ewro.
“Mur ixtri xi ħaġa x’tiekol!” qallu Karistu, qabel ma’ ġie sid il-ħanut biex ikeċċih.
“Ara……mela inti taf lil Toni?” staqsieh dak ir-raġel mlibbes ħwejjeġ imtertqa. “Dak li jorqod f’kaxxa tal-kartun fit-tarf tat-triq?”
“Naħseb sejjer żball……” qallu Karistu.
“Le, żgur hu! Ton?” għajjatlu.
Toni qam bilwieqfa u ġie ħdejhom.
“Naħseb dan bidlek ma’ xi ħadd ieħor!” qallu Karistu.
“Le, Karistu…..dak ma biddilni ma ħadd! Jiena Toni. M’għandix dar. M’għandi xejn u lil ħadd. Kont niġbor ġabra ta’ kull sena ħalli kull l-ewwel ġurnata tas-sena jkolli ħabib. Ikolli ma’ min ngħid kelma, ikolli lilek. Ikolli ikla. Kont nagħmel sena sħiħa niġbor il-flus għal din il-ġurnata. Nixtri tibdila u nħallas ikla. U nħossni raġel maħbub għal din il-ġurnata. Maħbub minnek.”
Karistu baqa’ jħares lejh b’ħalqu miftuħ.
Antonio Galea Sciortino kien jaqsam dak kollu li kien ikollu miegħu, meta kien ifqar minnu!
“Illum stess se tibda toqgħod miegħi….” qallu bid-dmugħ f’għajnejh.
by skoperta.net | 20/Dec/21 | L-Aħħar Aħbar
Il-Kummisjoni Ewropea awtorizzat il-ħames vaċċin kontra l-Covid-19 bl-isem ta’ Novavax, għal persuni minn 18-il sena ‘l fuq.
Id-deċiżjoni tiġi hekk kif ħafna nazzjonijiet Ewropej għaddejjin bil-ġlieda tagħhom kontra ż-żidiet fl-infezzjonijiet u fost tħassib dwar it-tixrid tal-varjant il-ġdid omicron.
Il-kumpanija tan-Novavax tgħid li qed tittestja kif il-vaċċin se jaħdem kontra l-omicron, u bħal manifatturi oħra bdiet tifformula verżjoni aġġornata li tipproteġi aktar kontra l-varjant f’każ li eventwalment ikun meħtieġ.
Ħafna dwar l-omicron għadu mhux magħruf, inkluż jekk jikkawżax sintomi inqas severi. Ix-xjentisti jgħidu li l-Omicron jinfirex saħansitra aktar faċli minn varjanti oħra tal-Covid-19, inkluż id-delta, u huwa mistenni li jsir dominanti f’xi pajjiżi sal-bidu tas-sena d-dieħla.
Xjentisti qed jgħidu li s’issa studji qed juru li min hu mlaqqam għandu bżonn ukoll il-booster biex ikun aktar protett mill-omicron, imma anki mingħajr il-booster, it-tilqima xorta għandu joffri protezzjoni qawwija kontra sintomi severi u mewt.
It-tilqima Novavax tingħaqad ma’ dawk Pfizer-BioNTech, Moderna, Johnson & Johnson u AstraZeneca bħala l-vaċċini awtorizzati mill-UE.
L-UE ordnat 100 miljun doża ta’ Novavax b’għażla ta’ 100 miljun aktar. Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ewwel dożi huma mistennija li jaslu kmieni fl-2022. L-istati membri tal-UE ordnaw madwar 27 miljun doża għall-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
by skoperta.net | 01/Oct/21 | Konf Taf?
Bdejna Ottubru, l-għaxar xahar tal-kalendarju Gregorjan.
Ix-xahar t’Ottubru huwa ż-żmien fejn normalment issir bidla staġjonali kemm fl-emisferi tat-tramuntana kif ukoll tan-nofsinhar.
F’pajjiżna, partikolarment min iħobb ix-xitwa, wara li f’Settembru jkollna wkoll ġranet sħan, kif kellna fix-xahar li għadna kemm spiċċajna, jittama li x-xahar t’Ottubru jdaħħalna fi ġranet aktar friski u noqorbu aktar lejn ix-xitwa. Ovvjament mhux l-istess għal dawk li jħobbu l-ġranet sħan u xemxin tas-sajf, madanakollu, f’pajjiżna fortunati li nkunu nistgħu nkomplu ngawdu x-xemx f’ħafna mill-ġranet tax-xitwa wkoll.
Bħal kull xahar ieħor, Ottubru, għandu sinifikat differenti għal kulħadd, imma bħal kull xahar ieħor ukoll, hemm diversi fatti u kurżitajiet interessanti x’niskopru dwar Ottubru!
- It-tifsira wara l-isem t’Ottubru mhix adattata għaż-żmien tal-lum. Il-kalendarju Ruman tal-qedem kien ibbażat fuq iċ-ċikli lunari, għall kuntrarju tal-kalendarju attwali tagħna li huwa bbażat fuq iċ-ċikli solari. Dan ifisser li oriġinarjament kien hemm 10 xhur fil-kalendarju tagħhom u Ottubru kien it-tmien xahar. Ismu fil-fatt ifisser “it-tmien xahar” bil-Latin.
- Hemm seba’ xhur fis-sena b’31 jum u Ottubru huwa s-sitt wieħed minnhom. L-ammont ta’ ġranet ma nbidilx matul iż-żminijiet, anki fil-kalendarju Ruman tal-qedem kien hemm 31 jum.
- L-isem tal-Anglo-Sassoni għal Ottubru kien Winterfylleth, li jirreferi għax-xitwa u l-qamar sħiħ. Ġie msemmi hekk għax kien jintqal li x-xitwa tibda mill-ewwel qamar sħiħ tax-xahar.
- Is-Sassoni wkoll kellhom isem għal Ottubru. Tagħhom kien Wyn Monath, li jfisser “ix-xahar tal-inbid” għax kien iż-żmien tas-sena biex tagħmel l-inbid.
- Ottubru u Jannar dejjem jibdew fl-istess jum tal-ġimgħa fis-snin komuni. Fis-snin biżestili, Ottubru ma jibdiex fl-istess jum tal-ġimgħa bħal kull xahar ieħor. Ottubru u Frar ukoll dejjem jintemmu fl-istess ġurnata tal-ġimgħa.
- Il-knisja ta’ Twyford f’Hampshire, ir-Renju Unit għandha tradizzjoni li ddoqq il-qniepen tagħha kull sena fis-7 t’Ottubru. L-oriġini ta’ din it-tradizzjoni tmur lura għas-seklu 18 meta resident lokali bl-isem ta’ William David intilef fi ċpar qawwi waqt li kien qed isuq lejn id-dar bil-lejl. B’xorti tajba, huwa sema’ l-qniepen tal-knisja idoqqu u b’hekk irnexxielu jsib triqtu lejn id-dar. Bħala forma ta’ ringrazzjament, huwa ħalla ftit flus lill-knisja meta miet sabiex il-knisja tkun tista’ tkompli ddoqq il-qniepen tagħha fis-7 t’Ottubru ta’ kull sena, f’każ li jkun hemm xi vjaġġaturi oħra mitlufa.
- Il-mexxej politiku u spiritwali Indjan famuż fid-dinja Mahatma Gandhi twieled fit-2 t’Ottubru tal-1869. Il-fama dinjija tiegħu hija attribwita għall-mod mhux vjolenti li bih irreżista l-ħakma kolonjali Ingliża tal-Indja.
- Fl-1 t’Ottubru tal-1949 twaqqfet ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Mao Zedong mexxa r-repubblika mit-twaqqif tagħha sal-mewt tiegħu fl-1976.
- Il-festival tal-birra tal-Bavarja, Oktoberfest, isir jull sena f’Munich, il-Ġermanja. Il-festival normalment jibqa’ għaddej għal 16-il jum minn nofs Settembru sal-Ħadd tal-ewwel weekend t’Ottubru. Dan l-avveniment ilu jsir mill-1810 meta l-Prinċep Ludwig tal-Bavarja għamel festival biex jiċċelebra ż-żwieġ tiegħu tiegħu ma’ Therese, il-prinċipessa ta’ Saxony-Hildburghausen.
- Il-birthstone t’Ottubru hija l-Opal, li kienet stmata mir-Rumani tal-qedem bħala l-iktar prezzjuża. Din il-birthstone tiġi f’numru kbir ta’ kuluri li spiss jidhru qishom iduru flimkien u hija s-simbolu tal-fedeltà, il-purità u t-tama.
- Fil-31 t’Ottubru jiġi ċċelebrat il-Halloween. L-oriġini taċ-ċelebrazzjoni tmur lura lejn il-poplu Galliku tal-Ingilterra moderna, l-Iskozja u l-Irlanda, li ċċelebraw il-festival ta’ Samhain. Fost attivitajiet oħra, iċ-ċelebranti oriġinali ta’ Samhain kienu jilbsu kostumi u imorru jduru bieb bieb u jingħataw xi ħaġa tal-ikel, bħalma jagħmlu t-tfal tal-lum u jingħataw il-ħelu.
- Ottubru għandu żewġ tipi ta’ fjuri marbuta miegħu, il-kosmos ta’ lewn pastell u l-fjuri radjanti tal-marigold. Il-fjura tal-kosmos tirrappreżenta l-ferħ li wieħed isib fil-paċi u l-imħabba, kif ukoll jirrappreżenta l-paċi. Il-marigold, magħrufa wkoll bħala calendula, jingħad li hija s-simbolu tat-trankwilità, il-grazzja u n-niket.
- Shakespeare qatt ma semma Ottubru fl-ebda dramm jew sonett tiegħu.
- Matt Damon, Julie Andrews, Hillary Clinton, Bill Gates, Katy Perry, Julia Roberts u anke Christopher Columbus twieldu kollha f’Ottubru.
- Hemm numru ta’ ġranet sinifikanti ċċelebrati madwar id-dinja f’Ottubru. Uħud minn dawk li l-iktar jispikkaw huma l-Jum Dinji Veġetarjan fl-1 t’Ottubru, il-Jum Dinji tal-Annimali fl-4 t’Ottubru, il-Jum Dinji tal-Ikel fis-16 t’Ottubru u l-Jum Internazzjonali tal-Animazzjoni fit-28 t’Ottubru.
by skoperta.net | 24/Sep/21 | L-Aħħar Aħbar
Il-Professur John Bell, professur tal-mediċina fl-Università ta’ Oxford, qal li l-virus tal-Covid-19 jista’ jsir bħal riħ komuni sar-Rebbiegħa tas-sena d-dieħla hekk kif l-immunità tan-nies għall-virus tissaħħaħ bil-vaċċini u l-espożizzjoni.
Il-Professur Dame Sarah Gilbert, il-ko-kreatriċi tal-vaċċin Oxford/AstraZeneca, għamlet affermazzjonijiet simili u qalet li l-Covid-19 se jsir bħal riħ għaliex ma jaħsbux li se jevolvi f’varjant perikoluż.
Sadanittant, il-kap eżekuttiv tal-vaċċin Moderna, Stéphane Bancel qal ukoll li l-pandemija tal-Covid-19 tista’ tispiċċa fi żmien sena hekk kif iż-żieda tal-produzzjoni tal-vaċċin tiżgura provvisti globali.