Select Page
Riċetta: Pepperoni Pizza Pockets

Riċetta: Pepperoni Pizza Pockets

Ingredjenti (għal 3 porzjonijiet):

Folja għaġina puff pastry

15-il slajs pepperoni

65ml zalza marinara

50g ġobon mozzarella mqatta’

Bajda

Metodu:

  • Saħħan il-forn għal 200°C.
  • Aqta’ l-għaġina f’sitt rettangoli u poġġi tlieta minnhom fuq trej tal-ħami nonstick.
  • Fuq kull rettangolu, ferrex mgħarfa zalza marinara, imma ħalli t-truf tal-għaġina mingħajr zalza. Imbagħad itfa’ s-slajsis tal-pepperoni u l-ġobon mozzarella. (Tista’ wkoll iżżid jew tibdel l-ingredjenti li tiggosta int, pereżempju tonn taż-żejt minflok pepperoni)
  • Poġġi rettangolu ieħor fuq kull wieħed u ssiġilla t-truf tal-għaġina b’furketta.
  • Idlek il-wiċċ tar-rettangolu bil-bajda.
  • Aħmi għal madwar 15 u 20 minuta jew sakemm l-għaġina tiġi kulur dehbi.

L-ikla t-tajba!

Riċetta: Majjal bil-Larinġ u Patata Mimlija

Riċetta: Majjal bil-Larinġ u Patata Mimlija

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Għal-laħam:

8 biċċiet majjal (jien użajt medallions)

Żewġ larinġiet imqatta’ slajsis

200ml stokk taċ-ċanga sħun

4 imgħaref dqiq plejn

Mgħarfa garlic powder

Mgħarfa sweet paprika

Mgħarfa mustard powder

Żewġt imgħaref butir

Kuċċarina soy sauce

Kuċċarina riegnu

Kuċċarina sagħtar

Kuċċarina worcestershire sauce

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Metodu:

  • Ħallat id-dqiq, il-garlic powder, is-sweet paprika u l-mustard powder flimkien fuq platt.
  • Immartella ftit il-biċċiet tal-majjal jew b’martell tal-kċina jew b’qiegħ ta’ tazza.
  • Għaddi kull biċċa majjal mit-taħlita tad-dqiq u ara li jinksew bit-taħlita miż-żewġ naħat.
  • Saħħan il-butir fuq nar medju f’taġen ftit fond u kif jisħon, aqli l-biċċiet tal-majjal għal madwar 3 minuti fuq kull naħa, sakemm tara li bdew jieħdu kulur dehebi.
  • Issa żid l-istokk sħun. Żid ukoll il-bżar, il-melħ, is-soy sauce, il-worcestershire sauce, is-sagħtar u r-riegnu. Baxxi n-nar, għatti it-taġen u ħallih itektek għal 15-il minuta sakemm il-laħam isir tari.
  • Ikxef it-taġen u poġġi slajs larinġa fuq kull biċċa laħam. B’imgħarfa tella’ ftit mill-gravy li għandek fit-taġen fuq kull biċċa laring. Erġa’ għatti t-taġen u ħallih itektek għal 5 minuti.
  • Servi immedjatament ma’ kontorn ta’ ħaxix jew patata.

Fir-ritratt ta’ din ir-riċetta se taraw toqlija sempliċi ta’ ħaxix imħallat u patata mimlija l-forn.

Ingredjenti għall-patata mimlija:

8 patatiet imdaqqsa bil-qoxra

Basla maħkuka

Żewġ sinniet tewm imqatta’ rqaq

8 slajsis bejken imqatta’

Nofs kuċċarina chilli flakes

4 mgħaref mozzarella maħkuk

4 cherry tomatoes maqsuma min-nofs

Kuċċarina żejt taż-żebbuġa

Metodu:

  • Aħsel u għalli l-patata bil-qoxra f’misħun jagħli għal bejn 15 u 20 minuta sakemm tiġi nofs sajran.
  • Sadanittant, saħħan iż-żejt ġo taġen. Żid il-bejken, il-basla, it-tewm u ċ-chilli flakes. Ħawwad u aqli sakemm il-bejken ikun sar sew.
  • Tella’ l-patata mill-misħun u aqtagħlha biċċa mill-wiċċ.
  • Ħaffer ftit il-patata u neħħi ftit mill-ġewwieni tal-patata.
  • Imla l-vojt bit-toqlija tal-bejken.
  • Daħħal il-patata fil-forn fuq dixx miksi bil karta tal-forn u aħmiha għal bejn 30 u 40 minuta sakemm iddaħħal ponta ta’ sikkina u tara li saret sew.
  • Oħroġ id-dixx u iksi l-wiċċ tal-mili bil-mozzarella u poġġi nofs tadama fil-wiċċ.
  • Erġa’ daħħal id-dixx fil-forn għal 10 minuti.

L-ikla t-tajba!

Din ir-riċetta ġiet imwassla lilkom minni u minn Vince Busuttil.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Tortilla Wrap Breakfast

Riċetta: Tortilla Wrap Breakfast

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

4 Tortilla wraps

4 slajsis perżut tal-koxxa, imqattgħin

4 mgħaref ġobon mozzarella maħkuk

4 mgħaref żebbuġ imqatta’

Żewġ imgħaref tursin frisk imqatta’

4 mgħaref pejst tat-tadam imqadded

8 bajdiet

Bżar

*Nota: il-pejst tat-tadam imqadded tista’ tixtrih lest, jew kif għamilt jien, tagħmlu billi tħallat flimkien tadam imqadded u żejt taż-żebbuġa f’mixer tal-ikel sakemm ikollok pejst.

Metodu:

  • Ipprepara l-perżut, iż-żebbuġ, it-tursin, u l-ġobon biex issibhom lesti kif ikollok bżonnhom.
  • L-ewwel idlek ir-wraps min-naħa waħda bil-pejst tat-tadam imqadded.
  • Issa lesti t-taħlita tal-froġa billi tħabbat il-bajd, il-bżar u t-tursin flimkien fi skutella.
  • Saħħan iż-żejt ġo taġen.
  • Kif jisħon iż-żejt, itfa 4 imgħaref mit-taħlita tal-froġa. U kif taraha qed tibda tagħqad (wara xi żewġ minuti), malajr malajr irranġa mgħarfa żebbuġ, mgħarfa perżut u mgħarfa mozzarella fuq il-froġa.
  • Issa poġġi r-wrap min-naħa li hi midluka bil-pejst tad-tadam imqadded fuq il-froġa.
  • Agħfasha tikka b’idejk biex teħel mal-froġa. U mill-ewwel aqlibha biex ir-wrap tiġi fuq it-taġen.
  • Aqliha għal ftit minuti sakemm tiħmar, u aqlibha mill-ewwel ġo platt, u itwiha biex isserviha.
  • Irrepeti l-istess passi għat-tliet wraps l-oħra.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Calzone bl-Ispinaċi

Riċetta: Calzone bl-Ispinaċi

Ingredjenti:

450g spinaċi tal-friża, imdewweb

200g ġobon Philadelphia

Żewġ sinniet tewm, midħunin

Nofs kuċċarina melħ

Nofs kuċċarina trab taċ-chili jew paprika ħelwa

Nofs kuċċarina bżar

Kuċċarina ħwawar imħallat

100g mozzarella maħkuka

500g għaġina tal-pizza

Bajda mħabbta biex tidlek il-wiċċ.

Żewġt imgħaref butir imdewweb u mħallat ma’ żewġ kuċċarini puree tat-tewm

Metodu:

  • Saħħan il-forn għal 200 grad.
  • Agħsar l-ispinaċi sew biex ma jibqax ilma.
  • Fi skutella, ħallat l-ispinaċi u l-Philadelphia flimkien.
  • Żid it-tewm, il-melħ, it-trab taċ-chili jew paprika ħelwa, il-bżar, u l-ħwawar imħallat.
  • Ħawwad kollox sew.
  • Iftaħ l-għaġina u fforma siġra tal-Milied billi taqtagħha f’żewġ trijangoli tal-istess daqs.
  • Poġġi trijangolu wieħed fuq dixx tal-forn miksi bil-karta tal-forn.
  • Ifrex it-taħlita tal-ispinaċi fuq it-trijangolu. Ara li tiksi l-għaġina kollha bit-taħlita.
  • Imbagħad poġġi t-trijangolu l-ieħor fuq it-taħlita tal-ispinaċi.
  • Agħfas il-ġnub tat-trijangoli flimkien biex tissiġillahom.
  • Issa aqta’ flieli ta’ madwar pulzier minn kull naħa, tul is-siġra kollha.
  • Ħalli madwar pulzier mhux maqtugħ fin-nofs.
  • Dawwar u rembel il-biċċiet kollha li qtajt fil-ġnub.
  • Idlek il-wiċċ tal-għaġina bil-bajda mħabbta.
  • Aħmi għal madwar 30 minuta sakemm tara li saret sew minn fuq u minn taħt.
  • Eżatt qabel ma sserviha, idlek il-wiċċ bit-taħlita tal-butir imdewweb u tewm.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Koxox tat-Tiġieġ bil-Glaze tal-Għasel

Riċetta: Koxox tat-Tiġieġ bil-Glaze tal-Għasel

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Żewġ imgħaref żejt taż-żebbuġa

4 koxox tat-tiġieġ bl-għadam u bil-ġilda

Nofs tazza għasel

Nofs tazza ħall tat-tuffieħ (apple cider vinegar)

Bżaru aħmar milli jaħraq, bla żerriegħa u mqatta’ fin

Kuċċarina kemmun midħun

Kuċċarina trab tat-tewm

Nofs kuċċarina melħ

Żewġ kuċċarini cornstarch

Żewġt imgħaref ilma

Metodu:

  • Saħħan il-forn minn qabel.
  • Żid iż-żejt taż-żebbuġa f’taġen kbir fuq nar qawwi.
  • Meta ż-żejt ikun jaħraq sew, żid it-tiġieġ, bin-naħa tal-ġilda ‘l isfel.
  • Aqli għal madwar 8 minuti jew sakemm il-ġilda tieħu kulur kanella.
  • Eqleb it-tiġieġ u aqli għal 5 minuti oħra.
  • Neħħi l-biċċiet tat-tiġieġ mit-taġen u poġġihom ġo dixx tal-forn.
  • Għalissa warrabhom f’post sħun.
  • Baxxi n-nar għal medju. Żid il-ħall tat-tuffieħ, l-għasel, il-bżaru aħmar, il-kemmun, it-trab tat-tewm, u l-melħ. Ħallih itektek għal 3 minuti.
  • Sadanittant ġo tazza poġġi l-ilma u l-cornstarch u ħawwad sakemm il-cornstarch jinħall kompletament.
  • Issa żid it-taħlita tal-cornstarch ġot-taġen mat-taħlita tal-għasel u ħawwad biex tgħaqqad. Sajjar għal żewġ minuti jew sakemm il-glaze tkun saret magħquda.
  • Ferra nofs il-glaze fuq il-biċċiet tat-tiġieġ fid-dixx tal-forn sakemm tara li ksejthom sew.
  • Sajjar mikxuf fil-forn għal kwarta.
  • Wara kwarta neħħi d-dixx mill-forn u erġa’ iksi t-tiġieġ bil-glaze li baqagħlek.
  • Erġa’ sajjar għal kwarta oħra.
  • Servi immedjatament.

Tista’ sservihom ma’ kwalunkwe kontorn ta’ patata jew ħaxix.

Jekk tixtieq li sservihom mal-kontorn li għandi jien fir-ritratti huwa facli ħafna…..

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

4 patatiet imdaqqsa, imqattgħin roti rqaq

Żewġ basliet kbar, imqattgħin roti rqaq

8 faqqiegħ, imqattgħin roti rqaq

4 sinniet tewm, imqattgħin irqaq

10 cherry tomatoes maqsumin min-nofs

Kuċċarina żejt taż-żebbuġa

Mgħarfa nbid abjad

Nofs dada tal-istokk tat-tiġieġ imdewba f’200ml ilma

Bżar u melħ skont il-gosti tiegħek

Kuċċarina kari

Mgħarfa ġobon cheddar maħkuk u mgħarfa ġobon mozzarella maħkuk imħalltin flimkien

Metodu:

  • L-aħjar li tuża taġen daqxejn fond u li għandu għatu.
  • Fit taġen saħħan iż-żejt u l-inbid.
  • Żid il-basal, il-faqqiegħ u it-tewm.
  • Żid il-bżar, il-melħ u il-kari.
  • Ħawwad sew u aqli sakemm il-basal jirtab.
  • Neħħi t-taġen minn fuq in-nar u itfa’ t-taħlita tal-basal ġo platt għal ftit ħin.
  • Issa rranġa it-tadam fil-qiegħ tat-taġen.
  • Fuq it-tadam poġġi saff patata.
  • Itfa’ nofs it-taħlita tal-basal fuq il-patata.
  • Erġa’ agħmel saff patata u spiċċa billi tferrex il-kumplament tat-taħlita tal-basal fil-wiċċ.
  • Ferra l-istokk tat-tiġieg li lestejt, għatti t-taġen u poġġi fuq nar baxx għal madwar kwarta, jew sakemm b’furketta tara l-patata saret sew.
  • Issa ferrex il-ġobon fil-wiċċ u erġa’ għatti u sajjar fuq nar baxx għal xi żewg minuti sakemm idub il-ġobon.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks