by skoperta.net | 09/Dec/21 | Arti, Varjetà
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) għandha l-pjaċir tippreżenta wirja b’xogħolijiet riċenti tal-artist figurattiv magħruf Patrick Dalli, bħala parti mill-Programm Kulturali tagħha. Il-wirja bit-titlu The Journey ser titellà fil-Gran Salon tal-Mużew tal-Arkeoloġija, fi Triq ir-Repubblika il-Belt Valletta, mill-4 ta’ Diċembru 2021 sad-9 ta’ Jannar 2022. Din tinkludi xejn inqas minn 34 pittura fosthom bozzetto u hija bbażata fuq l-esplorazzjoni tal-figura umana.
Spiss deskritt bħala ‘Imgħallem tal-Arti Figurattiva’, l-għan ta’ Dalli mhux li jevoka is-senswalità u s-sesswalità bil-pitturi tiegħu, izda li jikkonċentra fuq is-sbuħija u s-sensittività tal-figura umana nuda. L-istil Barokk tal-Gran Salon, fejn ser tkun qed titella’ l-wirja, jinkludi affreski rikki, ċikli arabeski spettakolari, gallerija tal-mużiċisti u saqaf bi travi tal-injam li se jservi bħala sfond għal din il-wirja.
Patrick Dalli jikkonferma li n-nudiżmu għadu detonatur rivoluzzjonarju anke jekk minn dejjem kien parti min-natura artistika.
Imwieled Malta fl-1955, Dalli kien interessat primarjament l-aktar fil-pajsaġġ, still life, u s-sengħa tal-pittura. Fl-1995, beda t-taħriġ formali ma’ Anton Calleja (t.1955-) fejn eżerċita l-aktar l-istudju tal-figura umana. Huwa f’dawn is-snin li Dalli kkonċentra l-prattika tiegħu fuq in-nud. Fis-snin ta’ wara, flimkien ma’ artisti oħra, Dalli pprattika b’mod intens f’sessjonijiet live u pparteċipa f’wirjiet kollettivi f’Malta u barra, fejn esebixxa nudi, pajsaġġi, u pitturi still life.
Ix-xogħlijiet tiegħu ġew esebiti fil-Kavallier ta’ San Ġakbu (2010), fil-Mużew tal-Arti (2010) f’Palazzo Collicola, Spoleto, l-Italja (2015) u fil-Kamra ta’ Fuq (2021).
Dalli ħareġ diversi publikazzjonijiet fosthom Demografie, Gutenburg Press 2015; the human figure, Gutenburg Press 2010; Nudes, Midesea Books 2008 u 2004 u The Human Figure 2002.
Il-katalgu tal-wirja, b’introduzzjoni mil-pinna tal-Profs Vittorio Sgarbi, u essay kritika ta Dr. Charlene Vella, ġie ppubblikat minn La Nave di Teseo, bi drittijet tal-Copyright tal-Agenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Il-katalgu huwa taħt il-kurazija ta’ Elisabetta Sgarbi, pubblikatriċi ta’ La Nave di Teseo. Il-wirja hija kkordinata minn Valerio Ballotta (GBK Malta Ltd), flimkien ma’ Stefano Losani u Elisabetta Sgarbi.
Ibbażata fuq il-legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tippromwovi l-kultura u l-wirt artistiku tal-Belt Kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm ta’ avvenimenti li huma aċċessibbli għal kulħadd.
by skoperta.net | 12/May/21 | Konf Taf?
Florence Nightingale, magħrufa bħala The Lady With the Lamp, kienet infermiera Ingliża, riformatriċi soċjali u statitriċi magħrufa l-aktar bħal l-fundatriċi tal-infermerija moderna. L-esperjenzi tagħha bħala infermiera matul il-Gwerra tal-Krimea kienu fundamentali fil-fehmiet tagħha dwar is-sanità. Hija waqqfet St. Thomas’ Hospital u Nightingale Training School għall-infermiera. L-isforzi tagħha biex tirriforma l-kura tas-saħħa influwenzaw ħafna l-kwalità tal-kura fis-sekli 19 u 20.
Florence Nightingale twieldet fit-12 ta’ Mejju tal-1820, ġewwa Firenze, l-Italja. Hija kienet l-iżgħar minn żewġt itfal u ġejja minn familja sinjura. Ommha, Frances Nightingale, kienet ġejja minn familja ta’ negozjanti u ta’ spiss kienet tissoċjalizza ma’ nies ta’ pożizzjoni soċjali prominenti. Minkejja dan, Florence, kienet ferm differenti minn ommha u kienet tkun ferm skomda f’sitwazzjonijiet soċjali. Hija kienet tippreferi li tevita li tkun fiċ-ċentru tal-attenzjoni kull meta kien ikun possibbli.
Missier Florence kien William Shore Nightingale, sinjur u sid ta’ art. Huwa kien wiret żewġ patrimonji, waħda f’Lea Hurst, Derbyshire, u l-oħra f’Hampshire, Embley Park, meta Florence kellha 5 snin. Florence trabbiet fil-propjetà tal-familja f’Lea Hursr, fejn missierha pprovdilha edukazzjoni klassika, inklużi studji bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bit-Taljan.
Minn età żgħira ħafna, Florence Nightingale kienet diġà attiva fil-filantropija, taqdi lin-nies morda u foqra fil-villaġġ ġirien tal-patrimonju tal-familja tagħha. Sakemm kellha 16-il sena, kienet ċara għaliha li l-infermerija kienet is-sejħa tagħha. Hija kienet temmen li dan kien l-iskop divin tagħha.
Meta Nightingale avviċinat lill-ġenituri tagħha u qaltilhom dwar l-ambizzjoni tagħha li ssir infermiera, ma kinux kuntenti. Fil-fatt, ipprojbewha li ssegwi x-xewqa tagħha. Matul l-era Vittorjana, tfajla tal-istatura soċjali bħal ta’ Nightingale kienet mistennija li tiżżewweġ raġel sinjur, u mhux tidħol għal xogħol li mill-klassijiet soċjali ta’ fuq kien meqjus bħala wieħed li d-dħul tiegħu kien baxx ħafna. Meta kellha 17-il sena, hija rrifjutat proposta taż-żwieġ, u r-raġuni tagħha kienet proprju li l-unika ambizzjoni tagħha kienet li ssir infermiera.
Determinata li ssegwi s-sejħa vera tagħha minkejja l-oġġezzjonijiet tal-ġenituri tagħha, fl-1844, Nightingale rreġistrat bħala studenta tal-infermerija f’Lutheran Hospital of Pastor Fliedner f’Kaiserwerth, il-Ġermanja.
Fil-bidu tas-snin 1850, Nightingale irritornat Londra, fejn ħadet xogħol ta’ infermiera fi sptar f’Middlesex għal governanti morda.il-ħidma tagħha hemmhekk impressjonat lil min kien impjegaha tant li ġiet promossa għal superintendent fi żmien sena biss minn mindu bdiet taħdem hemm. Din il-pożizzjoni kienet waħda ta’ sfida hekk kif Nightingale kellha tħabbat wiċċha mal-pandemija tal-kolera u kundizzjonijiet mhux sanitarji li wasslu għat-tixrid mgħaġġel tal-marda. Nightingale għamlitha l-missjoni tagħha li ttejjeb il-prattiki tal-iġjene, u tnaqqas b’mod sinifikanti r-rata tal-imwiet fl-isptar fil-proċess. Ix-xogħol iebes li kellha tiffaċċja ħalla effett fuq saħħitha.
Kienet għadha bilkemm irkuprat, meta Florence kellha tiffaċċja l-akbar sfida tal-karriera tagħha fl-infermerija. F’Ottubru tal-1853, faqqgħet il-Gwerra tal-Krimea. L-Imperu Ingliż kien fi gwerra kontra l-Imperu Russu għall-kontroll tal-Imperu Ottoman. Eluf ta’ suldati Ingliżi ntbagħtu fil-Black Sea, fejn il-provvisti naqsu malajr. Sal-1854, xejn inqas minn 18,000 suldat kienu ddaħħlu fi sptarijiet militari.
Dak iż-żmien, ma kienx hemm infermiera nisa stazzjonati fi sptarijiet fil-Krimea. Ir-reputazzjoni fqira ta’ infermiera nisa tal-passat kienet wasslet lill-uffiċċju tal-gwerra biex jevita li jimpjega aktar. Iżda, wara l-battalja tal-Alma, l-Ingilterra kienet f’diffikultà dwar in-negliġenza tas-suldati morda u midruba tagħhom, li mhux biss ma kellhomx biżżejjed attenzjoni medika minħabba li l-isptarijiet ma kellhomx biżżejjed staff, iżda wkoll kienu f’kundizzjonijiet mhux sanitarji u inumani.
Fl-aħħar tal-1854, Nightingale irċeviet ittra mingħand is-Segretarju tal-Gwerra Sydney Herbert, fejn talabha torganizza grupp ta’ infermiera biex jieħdu ħsieb is-suldati morda u midruba tal-gwerra tal-Krimea. Nightingale wieġbet għal din is-sejħa u minnufih ġabret tim ta’ 34 infermier minn varjetà ta’ ordnijiet reliġjużi u baħħret magħhom lejn il-Krimea ftit jiem biss wara.
Għalkemm kienu avżati bil-kundizzjonijiet orribbli li kien hemm, xejn ma seta’ jħejji biżżejjed lil Nightingale u lill-infermiera tagħha għal dak li raw meta waslu fi Scutari, l-isptar bażi Ingliż f’Kostantinopli. Minbarra n-nuqqas esaġerat ta’ iġjene, l-iktar provvisti bażiċi, bħal faxex u sapun kienu skarsi ħafna hekk kif in-numru ta’ morda u feruti kien żdied b’mod kostanti. Anke l-ilma kellu bżonn jiġi razzjonat. Aktar suldati kienu qed imutu minn mard infettiv bħat-tifojde u l-kolera milli minn ġrieħi mġarrba fil-battalja.
Nighgtingale kienet determinata li tibdel dawn il-kundizzjonijiet għall-aħjar. Irnexxielha takkwista mijiet ta’ xkupilji u kienet talbet lill-pazjenti l-inqas dgħajfa biex jogħrku kull rokna tal-isptar. Min-naħa tagħha, qattgħet kull minuta tieħu ħsieb is-suldati.
Filgħaxija kienet iddur fil-kurituri mudlama ġġorr lampa, u ddur u taqdi lil pazjent wara pazjent. Is-suldati, li kienu japprezzaw u jfittxu l-wens fil-kompassjoni bla limitu tagħha, kienu bdew isejħulha bħala “The Lady with the Lamp” filwaqt li oħrajn kienu jsejħulha bħala “The Angel of Krimea”. Ix-xogħol tagħha fl-isptar naqqas ir-rata ta’ mwiet b’żewġ terzi.
Minbarra li tejbet bil-kbir il-kundizzjonijiet sanitarji tal-isptar, Nightingale ħolqot numru ta’ servizzi għall-pazjenti li kkontribwew għat-titjib tal-kwalità tas-servizz li jingħata fl-isptar. Hija waqqfet il-ħolqien ta’ “kċina tal-invalidi” fejn kien ikun imsajjar ikel bnin għal pazjenti b’dieta speċjali. Stabbiliet il-laundry sabiex il-pazjenti jkollhom lożor nodfa. Hija waqqfet ukoll kamra u librerija għad-divertiment u l-istimulazzjoni intellettwali tal-pazjenti.
Ibbażati fuq l-osservazzjonijiet tagħha fil-Krimea, Nightingale kitbet noti dwar kwistjonijiet li jaffettwaw is-saħħa, l-effiċjenza u l-amministrazzjoni tal-isptar tal-armata Ingliża, rapport ta’ 830 paġna li janalizza l-esperjenza tagħha u jipproponi riformi għal sptarijiet militari oħra li joperaw f’kundizzjonijiet ħżiena. Il-ktieb jitratta ristrutturar totali tad-dipartiment amministrattiv tal-Uffiċċju tal-Gwerra, inkluż it-twaqqif ta’ Kummissjoni Rjali għas-Saħħa tal-Armata fl-1857.
Nightingale baqgħet f’Scutari għal sena u nofs. Hija telqet fis-Sajf tal-1856, ladarba l-kunflitt tal-Krimea ġie solvut, u rritornat lura fid-dar ta’ tfulitha f’Lea Hurst. B’sorpriża għaliha, intlaqgħet b’merħba ta’ eroj, li bl-umiltà tagħha għamlet minn kollox biex tevita. Ir-Reġina ppremjat ix-xogħol ta’ Nightingale billi ppreżentatilha brazzuletta mnaqqxa li saret magħrufa bħala “Nightingale’s Jewel” u billi tatha premju ta’ $250,000 mill-gvern Ingliż.
Bl-appoġġ tar-Reġina Victoria, Nightingale għenet biex tinħoloq Kummissjoni Rjali għas-Saħħa tal-armata. Hija impjegat statistiċi ewlenin tal-ġurnata, William Farr u John Sutherland, biex janalizzaw id-dejta dwar il-mortalità tal-armata, u dak li sabu kien tal-biża’: 16,000 mit-18,000 imwiet kienu minn mard li jista’ jiġi evitat u mhux mill-gwerra. Kienet l-abbiltà ta’ Nightingale li ttraduċiet din id-dejta f’format viżiva ġdid li verament ikkawżat sensazzjoni. Id-dijagramma taż-żona polari tagħha, issa magħrufa bħala “Nightingale Rose Diagram”, uriet kif ix-xogħol tal-Kummissjoni Sanitarja naqqas ir-rata tal-mewt u għamel id-dejta kkumplikata aċċessibbli għal kulħadd, u jispira standards ġodda għas-sanità fl-armata u lil hinn minnha. Hija saret l-ewwel membru mara tar-Royal Statistical Society u ġiet imsemmija membru onorarju tal-American Statistical Association.
Nightingale ddeċidiet li tuża l-flus biex tiffavorixxi l-kawża tagħha. Fl-1860, hija ffinanzjat it-twaqqif ta’ St. Thomas Hospital, u fi ħdanu, The Nightingale Training School għall-infermiera. Nightingale saret figura ta’ ammirazzjoni pubblika. Poeżiji, kanzunetti u drammi ġew miktuba u ddedikati għall-unur ta’ din l-eroj. Nisa żgħażagħ kienu jaspiraw li jkunu bħalha. Ħerqana li jsegwu l-eżempju tagħha, anke nisa sinjuri mill-klassijiet għolja bdew jirreġistraw fl-iskola tat-taħriġ. Nightingale introduċiet perspettiva ġdida u differenti dwar l-infermerija, lill-klassijiet għolja, fil-fatt kienet saret meqjusa bħala vokazzjoni onorabbli.
Waqt li kienet f’Scutari, Nightingale kien qabadha dak li kien jissejjaħ bħala “Crimean Fever”, li qatt ma rkuprat minnu kompletament. Meta kellha 38 sena, kienet spiċċat homebound u bedridden, u li baqgħet hekk għall-bqija ta’ ħajjitha.
B’determinazzjoni u dedikazzjoni bħal dejjem biex ittejjeb il-kura tas-saħħa u ttaffi t-tbatija tal-pazjenti, Nightingale kompliet bil-ħidma mis-sodda tagħha!
Waqt li kienet tgħix f’Mayfair, hija baqgħet awtorità u avukata għar-riforma tal-kura tas-saħħa, billi tintervista politiċi u tilqa’ viżitaturi distinti mis-sodda tagħha. Fl-1859, hija ppubblikat noti dwar l-isptarijiet, li kienu jitrattaw fuq kif tmexxi sew sptarijiet ċivili.
Matul il-Gwerra Ċivili tal-Istati Uniti, kienet tkun ta’ spiss ikkonsultata dwar kif għandhom jiġu mmexxija l-aħjar il-field hospitals. Nightingale serviet ukoll bħala awtorità dwar kwistjonijiet ta’ sanità pubblika fl-Indja kemm għall-militar kif ukoll għal persuni ċivili, għalkemm qatt ma marret l-Indja.
Fl-1908, fl-età ta’ 88 ingħatat il-merti ta’ unur mir-Re Edward. F’Mejju tal-1910, hija rċeviet messaġġ ta’ awguri mingħand ir-Re Ġorġ f’għeluq id-90 sena.
F’Awwissu tal-1910, Florence Nightingale mardet, imma dehret li rkuprat u kienet fi spirtu tajjeb. Ġimgħa wara, fit-12 t’Awwissu, 1910, kien proprju l-Ġimgħa filgħaxija, hija żviluppat sintomi inkwetanti , u mietet l-għada s-Sibt, 13 t’Awwissu, fis-14:00 fid-dar tagħha f’Londra.
B’mod karatteristiku, hija kienet esprimiet ix-xewqa li l-funeral tagħha jkun pjuttost kwiet u modest, minkejja x-xewqa tal-pubbliku li jonora lil Nightingale, li bla heda ddedikat ħajjitha għall-prevenzjoni tal-mard u l-iżgurar ta’ trattament sigur u kompassjonali għall-foqra u t-tbatija.
Bħala turija ta’ rispett lejn ix-xewqa tagħha, il-qraba tagħha rrifjutaw funeral nazzjonali. “The Lady with the Lamp” ġiet midfuna f’Hampshire, l-Ingilterra.
Il-mużew ta’ Florence Nightingale, li jinsab fis-sit ta’ The Nightingale Training School għall-infermiera, l-oriġinali, fih aktar minn 2,000 artifatt li jikkommemoraw il-ħajja u l-karriera ta’ “The Angel of Crimea”.
Sal-lum, Florence hija rikonoxxuta u meqjusa bħala l-pijuniera tal-infermerija moderna.
by skoperta.net | 07/May/21 | Intervisti
Kif spjegajna ftit ġranet ilu, Staqsini u Skoprini hija rokna ġdida fuq skoperta.net fejn se tkun qed tagħti ċ-ċans lilkom is-segwaċi tagħna li tistaqsu dak kollu li tridu lill-personalità favorita tagħkom! Wara, jintgħażlu l-aqwa 10 mistoqsijiet u jiġu mwieġba mill-personalità.
Carlos Farrugia huwa l-ewwel personalità ta’ Staqsini u Skoprini u dawn huma r-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet tagħkom:
Hemm xi pjanijiet għal xi dramm minn tiegħek, għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira tas-sena d-dieħla 2022? – Abigail Spiteri
Iva, għas-sena d-dieħla hemm ippjanat li ntellgħu l-produzzjoni ‘VARI’ ta’ Trevor Zahra li minħabba l-pandemija ġiet posposta għal sentejn konsekuttivi. Nisperaw li jirnexxielna nagħmluha s-sena d-dieħla.
Xi tfisser għalik il-Belt Valletta? Kif tiddeskrivi tfulitek fit-toroq tal-kapitali? – Albert Ellis
Il-Belt Valletta għalija tfisser ħafna, huwa l-post fejn jiena twelidt u trabbejt u nħossni onorat li jiena mill-Belt Valletta. It-tfulija tiegħi fil-Belt kienet waħda sempliċi u sabiħa ħafna. Skola primarja, duttrina, mużew, festi, futbol, karnival, logħob fit-toroq tal-Belt, li sfortunatament illum m’għadniex narawhom, u baħar ukoll speċjalment taħt is-sur.
Attur bravu u kull parti taqlagħha kif jgħidu. Se narawk miżżewweġ xi darba? – Lily Nappa
Grazzi ħafna, napprezza immens il-kumpliment tiegħek. Jekk il-bambin irid, iva.
Hemm xi attur jew attriċi Maltija, li għadek qatt ma ħdimt magħhom, u tixtieq taħdem magħhom fil-futur? – Abigail Spiteri
Wieħed mill-atturi bravu u versatili li nixtieq naħdem miegħu huwa l-ħabib tiegħi Shawn Ciantar, li għalkemm ħdimna fl-istess produzzjonijiet, s’issa għadu qatt ma kellna xeni flimkien.
Kieku jkollok terġa’ tagħmel il-parti ta’ Sergio, taċċetta? – Daniel Zarb
Iva, naċċetta bil-qalb kollha. Sergio kien wieħed mill-iktar karattri ta’ sfida li qatt kelli u apparti hekk Sergio rebbaħni wkoll l-unur tal-aqwa attur f’Malta f’parti prinċipali fil-‘Malta Television Awards’
Naf li int ħdimt f’diversi drama Maltija fosthom Division 7. Hemm xi karattru/karattri li għoġbuk u għalfejn? U kieku ma kellekx il-parti ta’ Fr René, liem kont tagħżel li tinterpreta u għaliex? – Joanna Azzopardi
Jiena interpretajt diversi karattri u onestament jogħġbuni kollha għax huma kollha parti minni jiġifieri diffiċli nagħżel wieħed minnhom. Qishom kollha t-tfal tiegħi u m’għandix preferenzi.
F’Division 7 tant irbatt qalbi mal-karattru ta’ Fr Rene li għalkemm kien hemm ħafna karattri interessanti u b’saħħithom ma nimmaġinanix nagħmel karattru ieħor apparti Fr Rene.
Liema kienet l-aktar xena diffiċli li qatt għamilt s’issa? – Ritianne Galea
Fil-karriera tiegħi kelli ħafna xeni interessanti u diffiċli. Waħda li dejjem tibqa’ f’moħħi hija s-‘sword fight’ li kelli f’Gizelle bejn Sergio u Luigi interpretata b’mod eċċellenti mal-ħabib tiegħi u attur Anthony Ellul.
X’kien li ispirak biex tidħol fil-qasam tad-drama? – Suzanne Vella
Meta kelli xi dsatax il-sena ġejt avviċinat mis-Sur Patrick Borg biex nagħmel film qasir fuq l-aħħar ċena ta’ Kristu, għalkemm qatt ma kelli esperjenza ħadt gost ħafna naħdmu. Fl-istess sena ġejt avviċinat mill-Għaqda Drammatika Dumnikani Beltin biex nagħmel il-parti ta’ Kristu fid-dramm tal-passjoni u minn hemm il-quddiem iddeċidejt li nieħu t-teatru u d-drama bis-serjetà u qatt ma ħarist lura.
Il-fatt li int persuna pubblika jaffettwa l-ħajja personali tiegħek? – Krista Sammut
Iva, taffettwa xi ftit. Iżda nieħu gost ħafna meta jwaqqfuni n-nies u jkellmuni fuq ix-xogħlijiet artistiċi tiegħi.
Normalment dejjem nassoċjawk ma’ karattri serji, imma xi jdaħkek l-aktar, u x’hemm li jirrilassak wara ġurnata xogħol u filming? – Abigail Spiteri
Għalkemm interpretajt ħafna karattri serji, xorta interpretajt karattri komiċi, kemm fuq it-televiżjoni u kemm fit-teatru.
Li għadu u jibqa’ jdaħħaqni u jemozzjonani minn mindu kont tifel żgħir huwa l-karattru ta’ ‘The Tramp’ interpretat mill-ikbar ispirazzjoni tiegħi li huwa l-leġġenda Charles Chaplin. Apparti hekk, nieħu gost ħafna nara komiċi Maltin li ħafna minnhom huma ħbieb tiegħi u bravi immens.
Li jirrilassani wara ġurnata xogħol u impenji oħra huwa li mmur id-dar niekol flimkien mat-tfajla u naraw xi film jew series flimkien. Apparti hekk inħobbu mmorru nimxu u niskopru postijiet ġodda kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Dalwaqt inħabbru min hi t-tieni personalità li se tkun qed twieġeb il-mistoqsijiet tagħkom…