by skoperta.net | 24/Jun/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
F’summit fi Brussell, nhar il-Ħamis, il-mexxejja tas-27 nazzjon tal-Unjoni Ewropea ġabru l-approvazzjoni unanima meħtieġa biex jagħtu status ta’ kandidat lill-Ukrajna. B’hekk jibda l-proċess ta’ sħubija li jista’ jieħu snin jew saħansitra għexieren ta’ snin.
Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy esprima l-gratitudni tiegħu fuq Twitter u qal li l-futur tal-Ukrajna issa jinsab fi ħdan l-UE.
Fuq Instagram, huwa qal li din hija rebħa li ilhom jistennew għal 120 jum u 30 sena, b’referenza għat-tul tal-gwerra u l-għexieren ta’ snin minn meta l-Ukrajna saret indipendenti mal-tifrik tal-Unjoni Sovjetika.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen irreferiet għall-jum bħala “ġurnata tajba għall-Ewropa.”
Ma kien hemm l-ebda reazzjoni immedjata mill-Kremlin.
L-UE tat ukoll status ta’ kandidat lill-pajjiż ċkejken tal-Moldova, eks repubblika Sovjetika oħra li tmiss mal-Ukrajna.
L-Ukrajna applikat għas-sħubija inqas minn ġimgħa wara li Moska invadiet fl-24 ta’ Frar. Id-deċiżjoni tal-Ħamis ittieħdet b’mod mgħaġġel u mhux tas-soltu għall-UE, għaliex is-soltu l-proċess idum aktar ma jibda. Iżda l-gwerra u t-talba tal-Ukrajna għal konsiderazzjoni mill-aktar fis taw urġenza għall-kawża.
Biex jiksbu sħubija fl-UE, il-pajjiżi jridu jissodisfaw għadd dettaljat ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u politiċi, inkluż impenn lejn l-istat tad-dritt u prinċipji demokratiċi oħra. L-Ukrajna se jkollha trażżan il-korruzzjoni tal-gvern u tadotta riformi oħra.
Il-Parlament Ewropew approva l-offerta tal-Ukrajna sigħat qabel beda s-summit, u għadda riżoluzzjoni li talbet lill-gvernijiet tal-UE biex tittieħed deċiżjoni mingħajr dewmien.
Qabel id-deċiżjoni finali, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dik id-deċiżjoni se ssaħħaħ l-Ukrajna u se ssaħħaħ l-Ewropa. Qalet ukoll li hija deċiżjoni għal-libertà u d-demokrazija u tpoġġi l-UE fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
In-nazzjonijiet tal-UE ngħaqdu fl-appoġġ tal-Ukrajna fil-ġlieda tagħha kontra l-invażjoni tar-Russja bil-flus u l-armi, billi adottaw sanzjonijiet ekonomiċi bla preċedent kontra l-Kremlin.
L-istatus ta’ kandidat tal-UE ma jipprovdi l-ebda garanzija ta’ sigurtà immedjata. Ladarba pajjiż jikseb is-sħubija, madankollu, huwa kopert taħt klawsola ta’ trattat tal-UE li tgħid li jekk membru jisfa vittma ta’ aggressjoni armata, il-pajjiżi l-oħra tal-UE huma obbligati li jassistuh b’kull mezz fil-poter tagħhom.
by skoperta.net | 01/May/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
L-attriċi Angelina Jolie, li hija wkoll rappreżentanta tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati, żaret boarding school u istituzzjoni medika fil-belt ta’ Lviv, fil-punent tal-Ukrajna, skont Maksym Kozytskyy, il-kap tal-amministrazzjoni militari reġjonali ta’ Lviv.
Huwa qal li f”waħda mill-istituzzjonijiet mediċi, hija żaret tfal li sofrew minn attakk ta’ missili mill-militar Russu fuq l-istazzjon tal-ferrovija ta’ Kramatorsk u kienet kommossa ħafna bl-istejjer tagħhom.
Qal ukoll li meta żaret il-boarding school fir-reġjun, Jolie wegħdet li terġa’ tmur.
Angelina Jolie tkellmet mal-voluntiera li jipprovdu assistenza medika u psikoloġika fl-Istazzjon tal-Ferrovija Prinċipali fi Lviv u rringrazzjathom għax-xogħol tagħhom.
Kozytskyy stqarr li din iż-żjara kienet sorpriża għalihom.
Huwa mifhum li Angelina Jolie qed tivvjaġġa lejn ir-reġjun minn jeddha u l-UNHCR m’għandha l-ebda involviment f’din iż-żjara.
Iktar kmieni s-Sibt, Jolie ħadet ritratt waqt li kienet qed iżżur ħanut tal-kafè fi Lviv.
by skoperta.net | 28/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-President Russu Vladimir Putin wissa li kwalunkwe pajjiż li jipprova jintervjeni fil-gwerra tal-Ukrajna se jiffaċċja riperkussjonijiet serji.
Huwa hedded li r-Russja għandha armi li m’għandu ħadd u li dawn se jintużaw jekk ikun hemm bżonn, b’referenza għall-missili ballistiċi u l-armi nukleari.
L-alleati tal-Ukrajna żiedu l-provvista tal-armi, bl-Istati Uniti wegħdu li se tiżgura li l-Ukrajna tegħleb lir-Russja.
Uffiċjali tal-Punent qalu li r-Russja qed tiġi mxekkla fl-isforzi tagħha fil-Lvant.
Il-ġimgħa li għaddiet, ir-Russja nediet offensiva kbira biex taħtaf ir-reġjun ta’ Donbas wara li rtirat minn żoni madwar il-kapitali Kyiv.
Iżda skont uffiċjal, il-forzi Russi qed isibuha diffiċli biex jegħlbu r-reżistenza qawwija tal-Ukrajna.
Fi żvilupp ieħor, il-Kummissjoni Ewropea akkużat lir-Russja b’rikatt wara li Moska qatgħet l-esportazzjoni tal-gass lejn il-Polonja u l-Bulgarija.
Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen qalet li din id-deċiżjoni wriet in-nuqqas ta’ affidabilità tar-Russja bħala fornitur.
Il-Kremlin qal li r-Russja kienet imġiegħla tieħu din id-deċiżjoni minħabba l-azzjonijiet u l-pożizzjoni tan-nazzjonijiet tal-Punent fil-konfront tagħhom.
Il-qtugħ ta’ Gazprom isegwi r-rifjut tal-Polonja u l-Bulgarija li jħallsu għall-gass f’rubli Russi, talba li saret mill-President Vladimir Putin f’Marzu, li kienet imfassla biex issaħħaħ il-munita li qed tbatti riżultat tas-sanzjonijiet tal-Punent.
by skoperta.net | 24/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-President Vladimir Putin attenda quddies tal-Għid immexxija mill-Knisja Ortodossa Russa, li appoġġjat bil-qawwa l-“operazzjoni militari speċjali” tal-mexxej tal-Kremlin fl-Ukrajna.
Ritratti li ħarġu mill-midja barranija juru lil Putin iżomm xemgħa ħamra mixgħula fil-Katidral ta’ Kristu Salvatur ta’ Moska.
Il-mexxej Russu radd is-salib diversi drabi matul iċ-ċerimonja. Meta l-Patrijarka Kirill ħabbar “Kristu qam”, Putin ingħaqad mal-membri l-oħra tal-kongregazzjoni bit-tweġiba “Tassew qam”. Dik kienet l-unika ħaġa li qal.
Waqt servizz ta’ barra f’Moska nhar is-Sibt, Kirill qal li jittama li l-kunflitt fl-Ukrajna jintemm malajr iżda ma kkundannahx. Id-dikjarazzjonijiet tiegħu li jsostnu l-intervent tar-Russja, li ġie kkundannat minn Kyiv u n-nazzjonijiet tal-Punent bħala att ta’ aggressjoni, qasmu l-Knisja Ortodossa madwar id-dinja.
by skoperta.net | 23/Mar/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-President Vladimir Putin ħabbar li dawk il-pajjiżi li r-Russja qed tqis bħala għedewwa, iridu jibdew iħallsu għall-gass naturali bir-rublo biss minn issa ‘l quddiem.
F’laqgħa, Putin qal li dan ġie deċiż wara li l-iffriżar tal-assi minn nazzjonijiet barranin kisser il-fiduċja tar-Russja.
Madanakollu, huwa żied jgħid li r-Russja se tkompli tipprovdi l-gass skont il-kuntratti li ġew miftiehma qabel.