by Dr Sharon Calleja | 23/Jan/22 | Letteratura, Varjetà
“Għidilha li jiena………..jiena jisimni Neil Frendo………u rrid inkellimha urġenti!”
“Jiġifieri inti gdibtli ismek?” qaltlu dik, iżżebbeġ għajnejha aktar minn qabel. “Isma’ sinjur………….” kompliet tgħidlu. “Jew se titlaq ‘il barra, inkella se jkolli nċempel lis-sigurtà għalik!”
U kien baqa’ bil-kurżità…………
Imma issa kien ħasibha b’mod tassew ġenjali!
“Bukkett fjuri ħomor…………” kien qal fuq il-linja tat-telefon ftit qabel. “Fjuri ħomor iridu jkunu!”
“Neil?” staqsih tal-ħanut.
Kien jafu sew. Billi l-ħanut ta’ Cedric tal-fjuri kien biswit l-uffiċċju fejn kien jaħdem, ta’ sikwit kien jgħaddi minn hemm u jgħaddi ħinijiet twal ipaċpaċ miegħu. Kont tista’ ssejħilhom ftit inqas minn ħbieb kbar.
“Jien hu!” qallu Neil, jikxef snienu. Issa jew bin-nervi, jew bl-eċitament jew bis-sodisfazzjon, wieħed ma setax jgħid!
“La trid tibgħatilha bukkett fjuri ħomor, naqdik sieħbi!” wieġbu l-ieħor, idawwar ħarstu madwar il-ħanut u jara x’kien għad fadal. “Indirizz?”
U Neil malajr tah id-dettalji kollha li kellu fuqha.
“Illum stess. Sa siegħa oħra jkunu għandha!” wieġbu.
U issa kien qed iħares ‘il barra mit-tieqa, jaħseb eżatt li l-pjan tiegħu kien se jirnexxi.
Ħaġa waħda biss kienet qiegħda tinkwetah.
Issa jekk Agnes tħalli l-fjuri warajha fl-uffiċċju?
Xengel rasu, għadda jdejh minn ġo xagħru u telaq jiġri jħaffef ‘il barra minn daru, jaqbad iċ-ċwievet tal-karozza u jħaffef kemm seta’.
U ftit ħin wara, kien qiegħed hemm, ipparkjat eżatt faċċata l-bini fejn kienet taħdem is-sinjura Agnes Abela.
Għalkemm kien dam ħafna jfittixha fuq il-midja soċjali, xejn ma kien sab fuqha!
Neil ħares lejn l-arloġġ u nduna li kienu saru l-ħamsa u kwart eżatt! Bdew ħerġin il-ħaddiema minn ġol-bini.
U dak il-ħin, qalbu għamlet tikk!
Mara twila, b’xuxa ħamranija, liebsa libsa pulita kienet għadha kemm ħarġet minn dak il-bini li kien qed jissorvelja, b’bukkett tal-fjuri f’idejha!
Il-fjuri ma kinux ħomor!
Din il-mara kellha bukkett fjuri bojod! Ħassu konfuż!
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…
by Roxanne Gauci Taliana | 30/Apr/21 | Tagħrif
Għalkemm il-pjanti kollha tal-lavender huma nattivi għall-Mediterran, hemm ħafna varjetajiet li joffru għażla vasta ta’ żminijiet ta’ fjorituri, kuluri, forom ta’ fjuri u daqsijiet.
Iż-żmien tal-fjoritura jista’ jvarja drastikament bejn postijiet differenti, fejn lavender waħda tiffjorixxi fil-bidu ta’ Ġunju, 20 mil biss ‘il bogħod tista’ tkun ferm differenti.
Kuntrarju għall-isem, mhux il-lavender kollha huma vjola. Hemm minnhom li jkunu f’kuluri sbieħ oħra bħal vjola fil-blu, rose, roża ċar, bojod, u saħansitra sofor. Il-weraq jista’ jvarja wkoll fil-forma u fil-kulur.
Il-lavender hija pjanta li ddum għal diversi snin taħt kundizzjonijiet tajba. Minħabba l-oriġini Mediterranja tagħha, il-lavender tħobb ix-xemx u l-ħamrija niexfa. Jekk il-lavender tiegħek ma tkunx qed tikber sew, x’aktarx minħabba ilma żejjed, wisq dell u livelli għoljin ta’ umdità.
Minbarra li jeħtieġu x-xemx, bħal ħafna pjanti mkabbra għaż-żjut essenzjali tagħhom, importanti li żżomm kontroll ta’ kemm tuża fertilizzant. Il-lavender tippreferi ħamrija niexfa allura jekk tuża potting mix tradizzjonali, kun żgur li ż-żifna ftit ramel għad-drenaġġ.
Saqqi l-pjanta tal-lavender tiegħek regolarment matul l-ewwel staġun tat-tkabbir tagħhom.
Iżbor il-pjanta kull sena immedjatament wara l-fjur.
Il-pjanta tal-lavender fiha ammont żgħir ta’ kompost imsejjaħ linalool, li huwa tossiku kemm għall-klieb kif ukoll għall-qtates. Il-linalool jinstab f’konċentrazzjonijiet żgħar, u rarament jikkawża problemi. Il-problemi jinqalgħu biss jekk l-annimal domestiku jibla’ kwantità kbira ħafna ta’ lavender.
Illum, il-lavender hija meqjusa iktar minn sempliċiment pjanta fragranti. Kif jirriżulta, dan il-ħwawar jintuża wkoll komunement għal benefiċċji mediċinali u terapewtiċi.
Dawn huma uħud mill-benefiċċji għas-saħħa li tista’ tikseb bl-użu tal-lavender:
- Tista’ tgħin biex torqod aħjar
- Tista’ tgħin biex titratta tbajja fil-ġilda
- Tista’ toffri rimedju naturali għall-uġigħ
- Tista’ tbaxxi l-livell tal-pressjoni fid-demm
- Tista’ ttaffi s-sintomi tal-ażma
- Tista’ tnaqqas il-fwawar tal-menopawsa
- Tgħin kontra t-tkabbir tal-fungu
- Tgħin fit-tkabbir tax-xagħar
- Riċerka turi li r-riħa tagħha tħalli effett pożittiv anki psikoloġikament għaliex tgħin biex tirrilassa u tnaqqas l-ansjetà, dipressjoni u n-nervi