Johnny Depp b’dehra kompletament differenti!

Johnny Depp b’dehra kompletament differenti!

Johnny Depp kważi ma jintgħarafx wara li qaxxar il-mustaċċi u d-daqna famuża tiegħu li kien ilu bihom għexieren ta’ snin!

L-attur ta’ Hollywood, ta’ 59 sena, żvela d-dehra ġdida tiegħu waqt tour mal-mużiċist u ħabib tiegħu, Jeff Beck, wara gig li kellhom fi New York.

L-istilla ta’ The Pirates of the Caribbean deher ferm differenti mid-dehriet tiegħu fl-awla ftit tax-xhur ilu waqt li kien qed jinstema’ l-każ ta’ malafama tiegħu kontra l-eks mara tiegħu Amber Heard.

Id-dehra l-ġdida tiegħu ġiet wara li ħarġet l-aħbar li l-każ ta’ bejnu u bejn Heard se jkun is-suġġett ta’ film ġdid li għandu joħroġ fi ftit ġimgħat oħra!

Ir-rebbieħa tal-konkors Miss USA tal-2019 tikkommetti suwiċidju

Ir-rebbieħa tal-konkors Miss USA tal-2019 tikkommetti suwiċidju

Il-familja ta’ Cheslie Kryst u d-Dipartiment tal-Pulizija ta’ New York, li qed jinvestiga l-mewt tagħha, qalu li Cheslie mietet il-Ħadd filgħodu fl-età ta’ 30 sena.

Kryst kienet avukat li fittxet li tgħin biex tirriforma s-sistema tal-ġustizzja tal-Amerika, kif ukoll blogger tal-moda u korrispondent tal-aħbarijiet tad-divertiment, u ġiet inkurunata Miss USA fl-2019.

Filwaqt li għadha għaddejja l-investigazzjoni, il-pulizija kkonfermaw li kkommettiet suwiċidju u li mietet wara li qabżet minn bini f’Manhattan.

Ftit qabel il-mewt tagħha, Cheslie Kryst tellgħet post fuq Instagram b’ritratt tagħha u kitbet “Jalla dan il-jum iġiblek il-mistrieħ u l-paċi.”

Fuq il-paġna tagħha, Miss Universe Malta, Jade Cini esprimiet in-niket tagħha għal din l-aħbar. Hija qalet li tinsab ixxukkjata u enfasizzat li dan juri li qatt ma tkun taf minn xiex bniedem ikun għaddej minn wara l-ħajja tal-midja soċjali tiegħu.

Jade qalet ukoll li kienet onorata li ltaqgħet ma’ Cheslie. Filwaqt li żiedet tgħid li s-suwiċidju huwa reali, ħeġġet biex aktar nies jitkellmu dwar dan.

Michaela Jaé Rodriguez issir l-ewwel attriċi trans li rebħet il-Golden Globe Award

Michaela Jaé Rodriguez issir l-ewwel attriċi trans li rebħet il-Golden Globe Award

L-istilla tas-sensiela televiżiva Pose, Michaela Jaé Rodriguez saret l-ewwel attriċi trans li rebħet il-premju tal-Golden Globe.

Michaela Jaé Rodriguez rebħet il-premju tal-aqwa attriċi f’drama televiżiva fil-Golden Globes, li din is-sena ma ġietx imxandra fuq it-televiżjoni. F’din il-kategorija kien hemm ukoll Jennifer Aniston, Uzo Aduba, Elizabeth Moss, u Christine Baranski.

Hija rebħet il-premju għall-interpretazzjoni tagħha fis-serje rebbieħ tal-Emmy Award, Pose, li ħareġ l-aħħar staġun tiegħu fis-sajf li għadda

Pose, sensiela ambjentata fi New York tal-aħħar tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90, tittratta fuq il-kultura tal-ballu u l-komunità LGBTIQ, il-kriżi tal-AIDS u l-kapitaliżmu.

Is-serje ssegwi lil Blanca, interpretata minn Rodriguez, hekk kif tibda d-“dar” tagħha stess, familja ta’ żgħażagħ LGBTIQ miċħuda u tipprova ssir leġġenda.

L-istilla ta’ Pose qalet li l-premju tagħha huwa l-bieb li se jiftaħ il-bieb għal ħafna aktar individwi żgħażagħ b’talent.

Rihanna tiġi ddikjarata bħala Eroj Nazzjonali hekk kif il-Barbados issir Repubblika

Rihanna tiġi ddikjarata bħala Eroj Nazzjonali hekk kif il-Barbados issir Repubblika

Rihanna ilha ambaxxatriċi għall-Barbados mill-2018, il-gżira li reċentement neħħiet lir-Reġina minn Kap tal-Istat u saret repubblika.

Il-kantanta u negozjanta Barbadjana ġiet iddikjarata bħala eroj nazzjonali mill-Prim Ministru tal-pajjiż.

Hija ngħatat l-unur minn Mia Mottley waqt avveniment biex jiċċelebra l-gżira bħala repubblika.

Rihanna twieldet f’Saint Michael u trabbiet f’Bridgetown, qabel ma marret toqgħod l-Istati Uniti wara li ġiet skoperta mill-produttur tal-mużika bbażat fi New York Evan Rogers.

Minn dakinhar bdiet it-triq tagħha sabiex illum hija meqjusa bħala waħda mill-akbar artisti fid-dinja, kif ukoll ħadet sehem f’films inklużi Battleship u Ocean’s 8 u nediet id-ditta tal-moda tagħha stess, Fenty, fl-2018.

Mill-2018, Rihanna kellha t-titlu onorarju ta’ Ambaxxatriċi għall-Kultura u ż-Żgħażagħ fil-Barbados.

Fl-2008, l-eks Prim Ministru David Thompson iddikjara t-22 ta’ Frar bħala “Jum Rihana”, u għalkemm mhix festa pubblika, il-Barbadjani jiċċelebrawha kull sena.

Filmat: L-Isbaħ Fjura – Kanzunetta b’messaġġ għal Jum il-Missier minn Charlene Rae

Filmat: L-Isbaħ Fjura – Kanzunetta b’messaġġ għal Jum il-Missier minn Charlene Rae

Imwielda fil-belt ta’ New York ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka iżda residenti ġewwa r-raħal pittoresk ta’ Għajnsielem f’Għawdex, il-kantanta Charlene Rae għandha mħabba kbira lejn il-lingwa Maltija, kif ukoll lejn il-ġeneru ta’ mużika rock, tant hu hekk li tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tamalgamhom flimkien. Dan kien il-punt tat-tluq għall-kanzunetta L-Isbaħ Fjura.

Fuq kompożizzjoni ta’ Glen Vella, lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u produzzjoni ta’ Matteo Depares, L-Isbaħ Fjura hija kanzunetta oriġinali bil-Malti li Charlene Rae, permezz tal-paġni uffiċjali fuq Facebook u Instagram iddiskreviet bħala “personali, dedikazzjoni għal missieri, bniedem lli għalkemm ħalla ħafna swied ta’ qalb, tani ħafna kuraġġ tul ħajti”.

Ritratt minn Owlet Photography

L-għażla tad-data tat-tnedija tal-kanzunetta, il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju ma kinitx b’kumbinazzjoni iżda waħda bi ħsieb, għaliex hija l-aħħar ġurnata tal-ġimgħa qabel tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Jum il-Missier. Għaldaqstant, Charlene Rae flimkien mat-tim tagħha ħasbu li l-messaġġ ta’ din il-kanzunetta jista’ joffri wens lil dawk li tilfu lill-għażiż missierhom.

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura, hija akkumpanjata minn vidjo ta’ lirika, maħdum minn Angie u Duane Laus ta’ Lava Graphics, fejn l-iskop hu li wieħed jifhem aktar r-relazzjoni bejn missier u bint, permezz tal-lirika mirquma bl-aktar mod sentimentali.

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds.

Enable Notifications OK No thanks