Select Page
Jitħabbru l-20 kanzunetta semifinalista għal Mużika Mużika 2022

Jitħabbru l-20 kanzunetta semifinalista għal Mużika Mużika 2022

Wara li ntgħażlu 35 kanzunetta minn 170 sottomissjoni, issa kien imiss il-lajv auditions quddiem seba’ membri tal-ġurija ġodda.

Minn dik il-fażi ġew imħabbra 20 kanzunetta semifinalista, għaldaqstant dawn flimkien mar-rebbieħ tal-programm televiżiv Mużika Mużika – Il-Vjaġġ Ikompli, li se jitħabbar f’Diċembru, se jkunu qed jikkompetu fil-festival li se jsir bejn l-24 u s-26 ta’ Marzu 2022.

Dawn huma l-20 kanzunetta semifinalista f’ordni alfabetika:

Aħjar Hekk Inkella Agħar – Artisti: Mara, Kompożitur: Philip Vella, Awtur: Emil Calleja Bayliss


Bla Tarf – Artist: Kurt Calleja, Kompożituri: Aleandro Spiteri Monsigneur u Peter Borg, Awtur: Kurt Calleja

Dak Kien Żmien – Artisti: Mykill ft. Lyndsay u Kalakku, Kompożitur: Micheal Cini, Awturi: Lyndsay Pace, Matthew Attard u Michael Cini

Fittixni – Artista: Victoria Sciberras, Kompożitur: Gilbert ‘Bibi’ Camilleri, Awtur: Lon Chircop


Għal Dejjem – Artist: Norbert Bondin, Kompożitur: Peter Borg, Awtur: Norbert Bondin


Ġmielek – Artista: Claudia Faniello, Kompożitur: Philip Vella, Awtur: Joe Julian Farrugia


Ħlomt Li – Artisti: Bernie & Pod u Fiona Cauchi, Kompożituri: Bernard Bonnici u Matteo Depares, Awtur: Ivan Farrugia


Idek F’Idi – Artista: Kelly Marie Cassar Hili, Kompożitur: Kelly Marie Cassar Hili, Awtriċi: Janice Debattista


Il-Mużika u Jien – Artista: Nicole Frendo, Kompożitur: George Curmi, Awtriċi: Hilda Curmi


Jien l-Artist – Artista: Cherylis, Kompożitur: Pamela Bezzina, Awtriċi: Pamela Bezzina


Kenn – Artista: Cheryl Camilleri, Kompożitur: Joseph Axiak, Awtur: Joseph Axiak


Kewkba Feġġejja – Artista: Gaia Cauchi, Kompożitur: Elton Zarb, Awtur: Stephen Baldacchino


Mewġ – Artisti: Bloodline, Kompożituri: Glen Vella u Elton Zarb, Awturi: Edwin Balzan, Julia Balzan u Samira Cauchi


Mil-Lenti Tiegħi – Artist: Joseph Refalo, Kompożitur: Pamela Bezzina, Awtriċi: Pamela Bezzina


Minn Taħt l-Ilsien – Artisti: Avenue Sky, Kompożitur: Pamela Bezzina, Awtriċi: Pamela Bezzina


Ossiġnu – Artisti: Danica Muscat u Kapitlu Tlettax, Kompożitur: Cyprian Cassar, Awturi: Mario Joseph Calleja u Emil Calleja Bayliss


Purgatorju – Artisti: Oxygyn, Kompożituri: Zack Camilleri, Janelle Borg u Luke Camilleri, Awtur: Kurt Abela


Tgħidlix Għalfejn – Artist: Kyle George, Kompożitur: Cyprian Cassar, Awtur: Clifton Casha


Tkun ‘L Hawn Għaddi – Artisti: Kantera, Kompożitur: Elton Zarb, Awtur: Joe Julian Farrugia


Wennisni – Artist: Franklin Calleja, Kompożitur: Cyprian Cassar, Awtur: Emil Calleja Bayliss

Kurt Cassar jelabora dwar il-kanzunetta li se jniedi dalwaqt, imma mhux biss!

Kurt Cassar jelabora dwar il-kanzunetta li se jniedi dalwaqt, imma mhux biss!

Nitkellmu ma’ Kurt Cassar

Kurt, fi ftit jiem oħra se tkun qed tniedi kanzunetta oriġinali. X’tista’ tgħidilna dwarha?

Ilni minn Ottubru li għadda naħdem ma’ produtturi Maltin u anki barranin biex noħroġ l-aħjar mill-materjal oriġinali tiegħi u rnexxielna noħolqu ‘l fuq minn 12-il kanzunetta oriġinali. L-ewwel kanzunetta konna se nniduha f’April però tinvolvi artista oħra minn barra l-pajjiż b’hekk kellna problema biex niffilmjaw minħabba l-pandemija. Issa wasal iż-żmien.

L-ewwel kanzunetta oriġinali li se nniedi se tkun b’kollaborazzjoni mal-artista Taljana Kel Moncado, li ltqajt magħha daqs 3 snin ilu fl-X Factor. Il-kanzunetta se ġġib l-isem ta’ Not This Time, miktuba minni u minn Kelly. Ġiet prodotta ġewwa l-Italja u hija kanzunetta li titratta d-d-dipendenza emozzjonali. Madanakollu, hija kanzunetta pożittiva ħafna wkoll. Din il-kanzunetta hija sfida personali għalija. Mhix ta’ ġeneru li tarawni fih is-soltu. Stil etniku, pop, kontemporanju. Inħeġġiġkom li ssegwu!

Kif inhi r-relazzjoni personali bejnek u bejn Kelly?

Kelly hija bniedma li jien ma tantx irrikonoxxejt f’X Factor…Forsi tkun moħħok f’dak li qed tagħmel int iktar milli dak li qed jagħmel ħaddieħor però jkolli nammetti li waqt Bootcamp ma kellix xi viżjoni ċara li xtaqt naħdem magħha. Wara l-esperjenza, bdejna nitkellmu, bdejna nifhmu lil xulxin u bdejt insegwi l-affarijiet li tagħmel. Bniedma unika, b’talent uniku. Ġieli f’dawn it-Television shows persuna ma toħroġx l-aħjar tagħha minħabba diversi fatturi. Jien u Kelly nedejna diversi ‘cover versions’, u r-rispons tan-nies kien dejjem sostanzjali. Bla dubju ma stajtx ma niftaħx dan is-separju ġdid fil-karriera tiegħi mingħajr ma tkun involuta hi. Ħabiba kbira u tal-qalb. Magħha nħossni komdu nitkellem dwar kollox u meta ngħidlek kollox..KOLLOX!

Għidilna ftit dwarek, min hu Kurt?

Jien bniedem sensittiv, nar tat-tiben, emozzjonali ħafna u ambizzjuż ħafna. Kurt kumpless imma sempliċi ħafna wkoll.

Għandek lil xi ħadd speċjali f’ħajtek?

Ejja ngħidu… li kkumplikata.

Persuna li ma tgħix mingħajrha..

Ommi. Mill-bqija mingħajr kulħadd nidra.

Minn meta ħassejt li l-kant u l-mużika huma daqstant importanti f’ħajtek?

F’kull qasam domt ma skoprejt x’verament ridt u nazzarda ngħid li domt ma sibt lili nnifsi mhux artistikament biss però l-unika ħaġa li kont dejjem ċert minnha hija l-mużika. Meta tkun għadek tifel ta’ 5 snin u tħoss passjoni u vokazzjoni fl-istess ħin, għid li tkun għalik. Kullimkien, l-iskola, id-dar…kont inkanta. Il-mużika u l-kant huma rigal. Inżid ukoll li mhux biżżejjed li jkollok talent, trid tqum mir-raqda u tisfruttah. Meta kont żgħir u kont nara kantanti fuq it-televixin, kont indur lejn ommi u ngħidilha..”Ma jien hekk ta se nkun…kantant”.

Liem esperjenzi mużikali li kellek s’issa, l-aktar li tgħożż?

Jien inħoss li għamilt ħafna u li m’għamilt xejn fl-istess ħin. Forsi għax jien bniedem ambizzjuż u iebes ħafna fuqi nnifsi. Ma tantx nikkuntenta ruħi malajr. Id-debutt tiegħi fix-xena lokali seħħ fl-2014 waqt il-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn kont irbaħt il-premju Talent Ġdid. Matul l-istess sena kont ġejt imsejjaħ nipparteċipa f’diversi avvenimenti mużikali ewlenin bħal Beerfest, Beland u anki Wine Festivals li ħafna Maltin jattendu bi ħġarhom. Komplejt nitħarreġ vokalment u bqajt nipparteċipa f’festivals lokali ewlenin. Esperjenzi li ma ninsa qatt huma festivals internazzjonali bħal George Grigoriu fir-Rumanija fejn kont wasalt mal-ahhar 5 fil-Finali, il-popolari Festival Show f’Venezja, meta rbaħt il-Festival orkestrali Taljan ta’ Mascalucia fl-Italja fost oħrajn. Hemm ħafna iktar x’ insemmi.

Hemm xi artisti internazzjonali li jispirawk?

Jien insegwi artisti li huma reali..Li ma jibbażawx l-art tagħhom fuq ‘Gimmicks’.. Artisti li għandhom vuċi u timbru li huma distinti. Ma jimpressjonawnix artisti li huma iktar ‘influencers’ milli artisti. Nammira artisti bħal James Arthur, Lewis Capaldi, John Legend, Macy Gray, Jim tal-grupp PH.d fost oħrajn. Jien insegwi artisti li jitrażmettu emozzjoni sempliċiment billi jkantaw. Naf li d-dinja nbidlet illum il-ġurnata però bqajt ‘old school’.

Nerġgħu narawk f’X Factor?

Iva, xi darba, dak huwa l-ħsieb, imma d-darba li jmiss b’mindset differenti totalment. L-ewwel darba li pparteċipajt ma ħadtx l-esperjenza bl-akbar maturità. Issa nħossni ppreparat sew ħafna għal kompetizzjoni bħal dik, artistikament u mentalment ukoll. Jekk hux Malta jew barra minn Malta però ma nafx.

X’inhuma l-affarijiet li jogħġbuk fik bħala kantant u xi ħaġa li kieku tista’ tbiddel?

Nemmen ħafna li għandi timbru maskili distint u min jismagħni u ma jkunx jafni jgħaddi dan il-kummenti dejjem.

Togħġobni l-vulnerabilità tiegħi waqt il-kant. Jekk inkun imdejjaq l-emozzjoni f’leħni turi, jekk kuntent ukoll, jekk għejjien ukoll. Prova li t-talent huwa mehmuż magħna għax jirrifletti dak li nkunu għaddejin minnu. Iktar milli nbiddel, kieku nikkontrolla iktar l-emozzjonijiet għaliex ġieli kif jgħidu l-Ingliżi…”I overdo it”, u nikkontrolla aktar l-użu tal-idejn waqt il-prestazzjonijiet tiegħi. Ġieli jintirtu drawwiet li mhux faċli tegħlibhom.

Xi tgħidilna fuq l-imħabba tiegħek lejn Londra?

Londra għandha post speċjali ħafna f’qalbi. Tlajt l-ewwel darba ma’ missieri ta’ 19-il sena meta kont ġejt mogħti l-opportunità li naħdem xi materjal ġewwa studjow professjonali f’Soho..u minn hemm ġew diversi opportunitajiet. Għadni sal-lum il-ġurnata nitla’ darba f’xahrejn għal sessjonijiet kontinwi ta’ Busking f’parti elementari f’Londra ġewwa Harrods mal-kitarrist tiegħi Robin Ward.

Apparti minn hekk kelli ċans ukoll inkanta mal-band The Americans darbtejn waqt l-ispettaklu tas-Sena l-Ġdida f’Hyde Park, Winterwonderland quddiem eluf kbar ta’ nies. Londra tatni esperjenzi ħelwin ħafna li għenuni nikber bħala artist. Illum il-gurnata li nkun sejjer Londra daqs li kieku sejjer qadja l-Belt. Dik it-tieni dar tiegħi! Wara l-pandemija, nerġa’ nitla minnufih..

Min huma l-artisti lokali li jispirawk?

Ira Losco togħġobni għax baqgħet persuna tan-nies u għax baqgħet innovattiva għalkemm ilha hafna fix-xena. Togħġobni l-kantanta Nicole Frendo, mhux biss artistikament imma anki mill-aspett uman. Jogħġbuni wkoll Mario Vella tal-Brikkuni, Errol Sammut u Matthew James Borg. Dawn ftit fost ħafna, ovvjament.

Ftit xhur ilu nedejt il-verżjoni Maltija ta’ ‘We are the world’. Kif kienet din l-esperjenza?

Kelma waħda. MAĠIKA. Minn idea ċkejkna għal proġett mużikali li sar proġett nazzjonali fi ftit żmien. Proġett li minkejja l-limitazzjonijiet kollha li kellna, daħal fid-djar tal-Maltin kollha. Grazzi lill-artisti lokali kollha li pparteċipaw!

B’liema lingwa tippreferi tkanta?

Jien inkanta bi tliet lingwi u t-tlieta li huma jagħtuni sodisfazzjon. Bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. S’issa għadni ma ftaħtx sew bil-Malti, għalkemm lura lejn l-2018 kont nedejt il-kanzunetta Anġlu Ħaj bil-parteċipazzjoni t’Ekklesia Sisters u kienet intlaqgħet sew. Infakkar ukoll il-kanzunetta Teżor li kienet iklassifikat mal-ahjar 5, fil-KKI 2016.

L-ansjetà u l-mużika, x’konnessjoni hemm bejniethom f’ħajtek?

L-ansjetà hija parti minni. Ikollok mumenti li ma jkunux faċli u oħrajn tajbin. L-ansjetà hija kundizzjoni li ma tgħejjikx biss mentalment imma fiżikament ukoll. Meta kont fl-agħar żmien, iddeċidejt li ndur għall-mużika bis-serjetà wkoll. L-ansjetà għenitni ndur għall-affarijiet li lili jagħtuni identità u kuntentizza u għalhekk il-mużika hija waħda mir-raġunijiet għalfejn ngħix. Hija personali ħafna u mhux kulħadd jista’ jifhimni.

Liema kienet l-aktar fażi diffiċli f’ħajtek?

Meta m’aċċettajtx min tassew jien. Sakemm sibt lili nnifsi batejt ħafna. Għext ħajja ta’ suppressjoni, biża’, inċertezzi, ħsibijiet u konfużjonijiet. Kelli 18-il sena meta bdejt niġi konxju ta’ ċerti sentimenti li qabel ma kontx nagħti każ…tkun żgħir u jgħaddi kollox imma l-bniedem jibqa’ sakemm jiskopri min verament hu.

Huwa proċess naturali li jien ikkontrollajt b’mod ħażin ħafna li anki għamilt ħsara lili nnifsi. Illum kburi ħafna b’dak li jien u ma nbiddilni ma’ ħadd. Parir wieħed nagħti, jekk f’ħajjitkom taslu f’punt fejn tħossukom imbeżżgħin ħafna, fittxu l-għajnuna. Terfgħux kollox fuq spallejkom għax tagħmlu ħafna ħsara. Ħadd mhu indispensabbli.

Semmi episodju negattiv li għaddejt minnu fil-qasam mużikali u għidilna x’tgħallimt minnu.

Inkun onest, kull esperjenza li kelli dejjem kienet pożittiva imma memorja riċenti li kienet ħalliet impatt fuqi kienet il-parteċipazzjoni tiegħi fit-tieni staġun tal-X Factor. Ħassejtni fil-post il-ħażin minn x’ħin qomt dakinhar. Meta l-gut feeling tiegħek jgħidlek biex ma tagħmilx xi ħaġa, tagħmilhiex. Niftakarni naħtaf lil kull min ikellimni. Kont fgat u ħassejtni skomdu. Bl-Ingliż..”I was at the right place in the wrong time”… Fil-fatt ir-riżultat ma kienx wieħed kif xtaqt. Jiddispjaċini wkoll meta ħallejt nies fix-xena lokali jimmanipulawni u jużaw id-dgħufijiet tiegħi biex jieħdu li jridu. Qatt tħalli lil ħadd idaħħallek f’moħħok li l-valur tiegħek mhux għoli. Emmen fik innifsek u jekk verament għandek talent ibqa’ stinka. Xi darba l-bieb jinfetaħ. L-importanti li ma tkunx deluż…irid ikun hemm fiex temmen biex temmen le?

Tixtieq li jkollok l-opportunità li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision?

Għalissa żgur li le. Għandi aspirazzjonijiet oħrajn u m’għadx għandi l-istima li kelli lejh.

X’hemm għaddej iktar f’ħajtek minbarra l-mużika?

Bħalissa qed nippubblika l-ewwel Rumanz bil-Malti mill-pinna tiegħi. Il-kitba hija importanti ħafna għalija però togħġobni l-kitba libera. Mhux se nikteb biex ngħid se nagħmel kanzunetta. Le, ħallini nikteb fil-libertà. Ħajti mimlija ħafna. Għandi x-xogħol tiegħi li hu wkoll għal qalbi. Jien naħdem fil-qasam tal-propjetà. L-ewwel xogħol li rnexxieli nsaddad fih 3 snin sħaħ minn wara li tlaqt mill-Korp tal-Pulizija.

Xi jbeżżgħek l-iktar?

Xejn ma jbeżżagħni ħlief li xi darba nitlef lil ommi, u l-mard u l-mewt. Jien nibża’ ħafna ħafna mill-mewt u naf li xi darba rrid ngħaddi minnha bħal kulħadd sfortunatament.

Hemm xi ħolm li tixtieq twettaq?

Is-sena l-oħra ġejt mogħti ċ-ċans li nagħmel sfida fil-programm Amici ta’ Maria de Filippi. Minħabba l-pandemija sfortunatament tħassru l-isfidi ta’ kontestanti barra mill-pajjiż u tifhimha…imm’ Amici kien wieħed minn dawk l-ewwel programmi li kkonfermali l-passjoni tiegħi lejn il-mużika, u iva, jekk ikolli nagħżel, li nkun parti mill-programm imqar għal jumejn hija ħolma kbira tiegħi bħalissa. Kont viċin u beħsiebni nissielet iktar u nittama!

Hemm xi proġetti oħra li għandna nistennew mingħandek?

Fil-futur qarib se nkun qed naħdem fuq kollaborazzjonijiet interessanti. Għal Diċembru wkoll qed inħejji xi ħaġa speċjali li tinvolvi diversi artisti lokali. Mill-bqija se nibqa’ nniedi l-materjal oriġinali li għandi mħejji u kif jgħidu l-Ingliżi…”I’m gonna go with the flow”.

We are the world – Proġett mużikali minn diversi kantanti għal żmien il-Milied

We are the world – Proġett mużikali minn diversi kantanti għal żmien il-Milied

Il-kantant Malti Kurt Anthony, huwa l-moħħ wara dan il-proġett. Kantanti popolari oħrajn se jingħaqdu miegħu dalwaqt għal kanzunetta leġġendarja li kienet ħarġet fis-snin tmenin mill-artisti internazzjonali bħal Michael Jackson, Tina Turner, Lionel Richie fost ohrajn.

Kurt jgħidilna, ”Kanzunetta li tfisser għaqda u imħabba.. Il-mużika hija katina b’saħħitha u din kienet opportunità biex ningħaqdu flimkien fl-iktar żmien diffiċli minkejja xi indifferenzi. Jien bniedem li minn ċkuniti ħabbejt ħafna l-kant u l-kantanti u fl-aħħar se jkolli xi ħaġa li tgħaqqadni ma’ dawn l-artisti li kont insegwi fuq it-televiżjoni mindu kont ċkejken. Artisti bħal Mike Spiteri, William Mangion, Claudia Faniello, Ludwig, Debbie u oħrajn. Meta ġejt biex nagħżel il-kantanti kollha kienet diffiċli. Kellimt ‘il fuq minn 30 artist lokali. Kulħadd wera interess imma minħabba d-dati li kienu ristretti ħafna kellna nagħmlu għażla u nżilna għal 20… Michela Galea, Claudia Faniello, Olivia Lewis, Debbie Scerri flimkien mat-tifla tagħha Nicole Vella, Mark Anthony Bartolo, Kevin Paul Calleja, Maria Luana, Gail Attard, Mark Spiteri Lucas, Gaia Cauchi, Mike Spiteri, William Mangion, Ludwig Galea, Laura Bruno, Nicole Frendo, Lisa Tabone, jien innifsi u finalment act ċkejkna li bħalissa tinsab fuq fomm kulħadd iżda ma nixtiqux niżvelawha għalissa.”

Kurt jgħidilna wkoll li sab ħafna appoġġ mill-artisti kollha li ipparteċipaw b’ mod speċjali minn Ludwig Galea li kkoordina l-vuċijiet u l-armoniji u Maria Luana li minkejja li tagħmel parti mill-‘cast’ idderiġiet il-filmat li se jitwassal lill-Maltin u l-Għawdxin kollha fil-ġranet li ġejjin.

Jirringrazzja wkoll lil Dar il-Mediterran li tawhom lokazzjonijiet mill-isbaħ ghall-filmat kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li ta sapport kbir lil din l-idea.

Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed naqsmu dan il-proġett fuq skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks