
Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Julie Zahra tieħu lit-tifla tagħha l-Parlament
Ilbieraħ, il-membru Parlamentari Nazzjonalista Julie Zahra, ħadet lit-tifla tagħha l-Parlament.
Julie Zahra qasmet ritratt li juri lilha flimkien mat-tifla tagħha Nina Mae, li rreferiet għaliha bħala l-“assistenta” żgħira tagħha, quddiem il-Parlament.
Hija stqarret li hija sfida biex taqdi r-rwoli tagħha bħala omm u membru parlamentari meta ma jkollha lil ħadd min joqgħod mat-tifla, għaldaqstant ħadet l-opportunità biex tagħti eżempju tajjeb lil bintha u turiha li tkun kemm tkun impenjata jew fejn tkun fil-ħajja, dejjem għandek taqdi dmirijietek, anki jekk ikun jeħtieġ li tagħmel sagrifiċċji.
Fuq il-midja soċjali tagħha, il-membru parlamentari Nazzjonalista Eve Borg Bonello, tellgħet żewġ ritratti b’wieħed minnhom juri lilha flimkien ma’ Julie Zahra u t-tifla taghha fil-Parlament u l-ieħor juri lil Nina Mae qed tpinġi.
Il-membru parlamentari Nazzjonalista Eve Borg Bonello saħqet li n-nisa jistgħu jkunu involuti fil-qasam politiku filwaqt li jkunu ommijiet. Hija ħeġġet biex jiġi assigurat li l-istituzzjonijiet jakkomodaw lin-nisa kollha, inkluż l-ommijiet.
Id-deċiżjoni ta’ Julie Zahra li tieħu t-tifla magħha l-Parlament qanqlet reazzjonijiet minn bosta, uħud faħħru dan il-pass filwaqt li appellaw li din għandha tidħol aktar fin-normalità, u anke f’oqsma oħra.
Oħrajn ikkritikaw dan il-pass għaliex fl-opinjoni tagħhom, il-Parlament “mhuwiex post it-tfal”, filwaqt li wħud irrimarkaw li din kienet mossa maħsuba biex tiġbed l-attenzjoni.
