Il-WOF twissi li x’aktarx sal-2035 nofs il-popolazzjoni tad-dinja jkollha piż żejjed

Il-WOF twissi li x’aktarx sal-2035 nofs il-popolazzjoni tad-dinja jkollha piż żejjed

Il-Federazzjoni Dinjija tal-Obeżità wissiet li sal-2035, aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja se tiġi kklassifikata bħala obeża jew b’piż żejjed jekk ma tittiħidx azzjoni.

F’rapport, il-Federazzjoni Dinjija tal-Obeżità qalet li aktar minn erba’ biljun ruħ se jkunu affettwati, bir-rati li qed jiżdiedu l-aktar fost it-tfal

Il-pajjiżi bi dħul baxx jew medju fl-Afrika u l-Asja mistennija jaraw l-akbar żidiet.

Il-president tal-federazzjoni, Prof. Louise Baur, iddeskriviet is-sejbiet tar-rapport bħala twissija ċara lill-pajjiżi biex jaġixxu issa jew jirriskjaw riperkussjonijiet fil-futur.

Ir-rapport jenfasizza b’mod partikolari r-rati ta’ obeżità li qed jiżdiedu fost it-tfal u l-adolexxenti, b’rati li mistennija jirdoppjaw mil-livelli tal-2020 kemm fost is-subien kif ukoll fost il-bniet.

Il-Prof. Baur żiedet tgħid li “l-gvernijiet u dawk li jfasslu l-politika madwar id-dinja għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jevitaw li jgħaddu l-ispejjeż tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi lill-ġenerazzjoni żagħżugħa” billi jevalwaw is-sistemi u l-fatturi li jikkontribwixxu għall-obeżità.

Sostniet li t-tendenza hi li għal pajjiżi bi dħul aktar baxx hija aktar diffiċi biex jikkontrollaw u jittrattaw l-obeżità u l-konsegwenzi tagħha.

L-ikel ipproċessat, in-nuqqas ta’ attività fiżika, in-nuqqas ta’ riżorsi u edukazzjoni tas-saħħa huma fost ir-raġunijiet għaż-żieda fl-obeżità.

“Il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu jkunu aktar sensittivi” – L-analista tal-finanzi Steve Ellul

“Il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu jkunu aktar sensittivi” – L-analista tal-finanzi Steve Ellul

B’reazzjoni għall-appell tal-kantanta Celine Agius dwar dak li hi ddeskriviet bħala diskriminazzjoni fuq nies li għandhom piż eċċessiv wara li ma tħallietx tissellef mill-bank minħabba l-piż tagħha, l-analista tal-finanzi Steve Ellul qasam xi suġġerimenti li skont hu jistgħu jkunu soluzzjonijiet biex jingħata servizz aħjar.

Huwa qal li f’Malta għandna l-aktar rata għolja ta’ obeżità fl-Ewropa kollha, u dan jiswa lill-pajjiż mas-60 miljun ewro u agħar minn hekk, 17 fil-mija tal-imwiet kull sena.

Steve Ellul qal li Celine, bħal ħafna oħrajn, qed tgħix din ir-realtà.

Spjega li huwa tal-fehma li s-servizzi finanzjarji jinvestu aktar fin-nies, għaliex jemmen li minflok wieħed jagħlaq għajnejh għall-problema, jista’ jkun hemm aktar ambizzjoni b’soluzzjonijiet aktar wiesgħa.

Ellul issuġġerixxa li qabel xejn irid jiġi assigurat stil ta’ ħajja aktar sħana għat-tfal u ż-żgħażagħ, iżda żied jgħid li min-naħa l-oħra l-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jistgħu jkunu aktar sensittivi u jkollhom parti importanti f’dan kollu.

L-analista qal li minflok jagħlqu l-bibien għall-futur ta’ dawn in-nies, jistgħu jużaw mekkaniżmi li jħeġġuhom jidħlu għal programmi professjonali li jwasslu għal bidla fl-istil ta’ ħajja.

Qal li dan iwassal sabiex jonqos ir-riskju tal-assigurazzjoni u anke l-ispejjeż marbuta magħha.

Min jaf kieku s-servizzi finanzjarji jinvestu aktar fin-nies?

❌F’Malta għandna l-aktar rata għolja ta’ obeżità…

Posted by Steve Ellul on Saturday, July 2, 2022

Carpal Tunnel – X’inhi eżattament? U x’tista’ tagħmel jekk tħoss is-sintomi? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Carpal Tunnel – X’inhi eżattament? U x’tista’ tagħmel jekk tħoss is-sintomi? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Il-carpal tunnel tikkonsisti minn passaġġ dejjaq fuq il-parti ta’ quddiem tal-idejn u l-polz, li sservi bħala daħla għall-pala tal-id għal diversi tendini u kif ukoll, in-nerv medjan. In-nerv medjan għandu rwol importanti li jissupplixxi s-sensazzjoni lis-swaba, u kif ukoll li jiffaċilita l-moviment tas-suba’ l-kbir.

Is-sindromu tal-carpal tunnel għandu tendenza li jinqala’ minħabba kompressjoni kontinwa fuq in-nerv medjan. Din il-kundizzjoni tista’ tiġi preċipitata minn ċerti fatturi li jinkludu li tkun mara minħabba anatomija iżgħar tal-polz, ċerti kundizzjonijiet bħal ksur jew dislokazzjonijiet preċedenti fil-polz, artrite, dijabete, obeżità, tqala, menopawsa, disturbi fil-glandola tat-thyroid, mard tal-kliewi, u kif ukoll, permezz ta’ mozzjonijiet ripetittivi tal-idejn, li jinvolvu liwi fit-tul tal-polz waqt ħidmiet speċifiċi ta’ xogħol, bħall-użu ta’ għodod tal-kostruzzjoni, klerikali, tal-catering jew tal-parrukkiera, kif ukoll attivitajiet frekwenti oħra ta’ kuljum, bħas-sewqan, l-użu tat-telefon cellulari jew il-qari.

Is-sintomi gradwali tal-Carpal Tunnel jistgħu jinkludu sensazzjoni ta’ tnemnim jew dgħufija fis-swaba, fl-idejn, jew fid-driegħ. Ċerti individwi jistgħu jwaqqgħu oġġetti, u anke jkollhom it-tendenza li jċaqilqu idejhom sabiex itaffu dawn is-sintomi li jistgħu wkoll jiggravaw matul il-lejl jew malli wieħed iqum kmieni filgħodu.

Is-sindromu tal-carpal tunnel jista’ jinterferixxi mal-attivitajiet ta’ kuljum kif ukoll ifixkel l-irqad. Huwa importanti li wieħed ifittex parir mediku bikri, peress li jekk din il-kundizzjoni ma tiġix ittrattata, maż-żmien tista’ sseħħ ħsara permanenti fin-nervituri jew fil-muskoli.

Is-sindromu tal-carpal tunnel jista’ jiġi djanjostikat permezz ta’ eżami fiżiku, kif ukoll testijiet speċifiċi dwar il-kunduzzjoni tan-nervituri, li huma kapaċi jivvalutaw kwalunkwe tfixkil fl-attività elettrika tal-polz u l-idejn meta l-muskoli jikkuntrattaw u meta jkunu mistrieħa, permezz tal-użu ta’ elettrodi żgħar imwaħħla mal-ġilda.

Modi sempliċi biex titnaqqas il-pressjoni fuq in-nerv medjan u għalhekk jitnaqqas ir-riskju li tiżviluppa s-sindromu tal-Carpal Tunnel jinkludu: li żżomm qagħda tajba waqt il-ħinijiet tax-xogħol li tippermetti r-rilassament tal-idejn, it-teħid ta’ pawżi qosra u frekwenti, speċjalment meta tuża għodod tal-kompjuter jew tal-kostruzzjoni li jivvibraw, imqassijiet tal-parrukkiera jew cash registers.

Għażliet oħra ta’ trattamenti konservattivi għas-sindromu tal-carpal tunnel jinkludu l-użu ta’ splints tal-polz li ġeneralment jintlibsu bil-lejl, vitamini kumplessi tat-tip B li jippromwovu s-saħħa u r-riġenerazzjoni tan-nervituri, kif ukoll użu għal żmien qasir ta’ mediċini anti-infjammatorji jew injezzjonijiet ta’ kortikosterojdi li jtaffu l-uġigħ u n-nefħa.

Barra minn hekk, il-yoga u l-fiżjoterapija jistgħu jgħinu wkoll. Għal każijiet aktar severi li ma jirrispondux għal miżuri li semmejna, id-dekompressjoni tal-carpal tunnel tista’ tinkiseb ukoll permezz ta’ intervent kirurġiku, li tinvolvi dissezzjoni tal-ligament li kontinwament ikun qed jagħfas fuq in-nerv medjan.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Kif tista’ ttaffi ftit mill-aċtu fl-istonku? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Kif tista’ ttaffi ftit mill-aċtu fl-istonku? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Ir-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija kundizzjoni kronika li fiha l-kontenut likwidu tal-istonku jirrigurġita lura fl-esofagu. Peress li dawn il-kontenuti huma aċidużi ħafna, tibda tinħass sensazzjoni ta’ ħruq fin-nofs tas-sider jew fin-naħa xellugija taż-żaqq.

Il-gravità u l-bżieq huma mekkaniżmi protettivi importanti għall-esofagu, iżda dawn huma effettivi biss meta l-individwi jkunu fil-pożizzjoni wieqfa. Għaldaqstant waqt l-irqad, il-gravità m’għandha l-ebda effett, u anke tkun qed titnaqqas is-sekrezzjoni tal-bżieq. Għalhekk, ir-rifluss tal-aċtu li jseħħ matul il-lejl huwa aktar probabbli li jikkawża ħsara lill-kisja tal-esofagu.

Il-kawżi tar-rifluss tal-aċtu mill-istonku huma pjuttost kumplessi u għandhom tendenza li jvarjaw f’individwi differenti. Madankollu, hemm bosta fatturi li jistgħu jikkontribwixxu sabiex persuna tiżviluppa din il-kundizzjoni; bhall-obeżità abdominali, tqala, ftuq tat-tip hiatus, mard tat-tessuti konnettivi, kif ukoll abnormalitajiet tal-isfinter tal-esofagu.

Id-dijanjosi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku hija ssuspettata meta s-sintomi tipiċi assoċjati ma’ din il-kundizzjoni jkunu preżenti fuq perjodu ta’ żmien twil. Dawn jistgħu jinkludu ħruq fl-istonku, rigurġitazzjoni tal-aċidu jew tal-bili, żieda fil-bżieq, kif ukoll dardir jew rimettar. Madankollu, dawn is-sintomi mhumiex speċifiċi. Għalhekk, l-istandard attwali għad-dijanjosi definittiva ta’ din il-kundizzjoni huwa l-monitoraġġ tal-pH tal-esofagu fuq 24 siegħa.

L-endoskopija tal-istonku hija wkoll rrakkomandata f’dawk l-individwi li ma jirrispondux tajjeb għat-trattamenti jew li jippreżentaw b’sintomi aktar allarmanti bħal diffikultà biex tibla’, anemija, demm fl-ippurgar, tħarħir, telf ta’ piż jew bidliet fil-vuċi.

It-trattament primarju tal-aċtu fl-istonku tipikament jinvolvi bidliet sempliċi fl-istil tal-ħajja ta’ kuljum, kif ukoll certi mediċini li jiġu preskritti biex jinnewtralizzaw ir-rifluss tal-aċtu u li jipprevjenu wkoll il-formazzjoni tal-aċtu żejjed fl-istonku.

Bħala linja gwida, għandhom ukoll jiġu evitati bibiti u ikel aċidużi bħall-kafè, luminata, ċitru, tadam, ikel pikkanti jew xaħmi. Barra minn hekk, it-tipjip u l-konsum tal-alkoħol għandhom jiġu minimizzati.

Diversi bidliet oħrajn bħal li wieħed jiekol porzjonijiet iżgħar tal-ikel u li jservi l-ikliet aktar kmieni filgħaxija huma wkoll irrakkomandati. Il-konsum ta’ chewing gum u l-ħalib frisk, kif ukoll l-elevazzjoni tar-ras u l-partijiet ta’ fuq tal-ġisem waqt l-irqad jistgħu wkoll itejbu s-sintomi tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku.

Madankollu, xi drabi dawn ir-rimedji ma jkunux biżżejjed. F’dawn il-każijiet severi tal-aċtu fl-istonku, it-trattament kirurġiku jkun il-fundoplication. F’din il-proċedura, il-parti ta’ fuq tal-istonku tiġi mgeżwra madwar l-isfinter tal-esofagu t’isfel biex tissaħħaħ.

Fil-popolazzjonijiet tal-Punent, din il-kundizzjoni taffettwa bejn wieħed u ieħor minn 10 sa 20 fil-mija tal-individwi. Ir-rata ta’ prevalenza tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku f’nazzjonijiet żviluppati hija wkoll marbuta sew mal-età, bl-adulti ta’ bejn il- 55 u 65 sena li huma l-aktar affettwati.

Il-kumplikazzjonijiet tar-rifluss tal-aċtu fl-istonku li ma jiġux solvuti jistgħu jinkludu ulċeri gastriċi, esofagu Barrett kif ukoll defiċjenza tal-ħadid u infjammazzjoni tal-esofagu. Għalhekk, huwa vitali li tfittex parir mediku jekk is-sintomi jippersistu għal aktar minn ġimgħatejn infila.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

X’nistgħu nagħmlu biex inżommu livell normali ta’ pressjoni fid-demm?

X’nistgħu nagħmlu biex inżommu livell normali ta’ pressjoni fid-demm?

X’inhuma l-pressjonijiet fid-demm, hekk imsejħa ta’ fuq, u ta’ taħt?

Il-pressjoni għolja fid-demm tkun preżenti meta wieħed ikollu diversi qari ta’ pressa fl-arterji li teċċedi il-140/90 mmHg. Dan il-qari huwa maqsum f’żewġt partijiet: Il-pressjoni hekk imsejħa ta’ fuq tikkorrespondi mal-ogħla pressa fid-demm meta l-qalb tkun qed tingħafas waqt it-taħbit, filwaqt li l-pressjoni ta’ taħt, tikkorrespondi mal-iżgħar pressa fid-demm, iżda din id-darba, meta l-qalb tkun rilassata.

Kif tiżviluppa din il-kundizzjoni hekk imsejħa bħala waħda ‘siekta’?

Huwa pjuttost normali, li l-pressjoni fid-demm togħla bi ftit, iktar ma’ wieħed jikber fl-età, però huwa importanti li wieħed jirrikorri għand it-tabib tiegħu u jiċċekkja l-pressjoni fid-demm frekwentament, għaliex f’bosta drabi, meta wieħed ikun qed isofri minn din il-kundizzjoni, ma jħoss xejn partikolari biex jindika dan. Infatti, din hija għalhekk imsejħa bħala kundizzjoni ‘siekta’, għalkemm ċerti nies ġieli jirrapurtaw li qed iħossu uġigħ ta’ ras, problemi fil-vista jew fis-smigħ, jew ħass ħażin, bħala sintomi.

Ħafna drabi, il-pressjoni għolja fid-demm tkun meqjusa bħala waħda ta’ kaġun primarju, jiġifieri ma jkun hemm l-ebda kundizzjoni oħra medika relatata magħha, però jista jkun hemm ukoll minoranza ta’ każijiet oħrajn, fejn il-pressjoni għolja fid-demm tkun qed tiġi kkawżata sekondarjament minn mard mediku ieħor, bħal mard fil-kliewi, tal-qalb, jew żbilanċ relatat mas-sistemi tal-endokrinoloġija. Kif ukoll, ikun hemm persentaġġ żgħir ieħor ta’ nisa, li l-pressjoni għolja toħroġilhom biss fit-tqala. F’dawn il-każijiet huwa vitali li wieħed iżur it-tabib tiegħu spiss, sabiex jevita li l-pressjoni għolja fid-demm twassal għall-kumplikazzjoni relatata mat-tqala, hekk imsejħa ‘ekklampsja’.

X’inhuma r-riskji assoċjati ma’ din il-kundizzjoni?

Huwa fatt magħruf illi fl-Ewropa, il-kundizzjoni ta’ pressjoni għolja fid-demm, qed tiżdied b’rata kemxejn mgħaġla. Sfortunatament, dan jista’ jwassal ukoll għal riskji ogħla ta’ mard kardjovaskulari, bħall-puplesiji jew attakki tal-qalb.

Meta wieħed ikun ilu jbati minn pressjoni għolja fid-demm, ikun qed ipoġġi strapazz qawwi fuq il-qalb, u dan jista’ jwassal sabiex il-muskoli tal-qalb jiġu iktar dgħajfa, jew kif ukoll jinħolqu problemi, bħal djuq fl-arterji koronarji. Huwa fatt li pressjoni għolja fid-demm hija wkoll riskju maġġur għall-puplesiji, jew djuq fl-arterji prinċipali fis-saqajn. Tant hu hekk, li meta l-pressjoni fid-demm ma tkunx ikkontrollata għal diversi snin, u wieħed ikollu diversi riski kardjovaskulari oħra, bħal xaħam, jew zokkor għoli fid-demm, wieħed jista’ wkoll jasal għall-punt li jkollu bżonn amputazzjoni ta’ partijiet minn ġismu, bħal swaba, minħabba nuqqas ta’ ċirkulazzjoni. Il-pressjoni għolja, tista’ tikkawża wkoll iktar kumplikazzjonijiet fir-retina tal-għajnejn, jew fil-kliewi.

X’nistgħu nagħmlu biex inżommu livell normali ta’ pressjoni fid-demm?

Hemm diversi affarijiet li wieħed jista’ jagħmel biex ibaxxi l-pressjoni għolja fid-demm. L-ewwel pass hu li wieħed jiekol ikel bnin, li jkun baxx fil-melħ u preservattivi, kif ukoll billi jipparteċipa f’eżerċizzju fiżiku regolari. Wieħed għandu jfittex ukoll li jaqta’ t-tipjip, u l-konsum eċċessiv ta’ alkoħol. Jekk wieħed ikun qed ibati minn obeżità, it-telf ta’ piż żejjed jgħin ukoll. Meta dan ma jkunx biżżejjed, it-tabib jista’ jiddeċiedi li jibda pilloli apposta li jikkontrollaw il-pressjoni għolja fid-demm.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks