Oh My Nenu!!

Oh My Nenu!!

“It-Togħma ta’ Malta” ….hekk iddeskriviet lil dan ir-ristorant waħda mit-turisti li ħallew kumment fuq il-paġna ta’ Trip Advisor ta’ Nenu The Artisan Baker.

Kienu ħafna dawk li qablu ma’ dan il-kumment, li jiġi rifless fl-eluf ta’ kummenti oħra miktuba minn turisti varji matul is-snin, tant li trip advisor stess ta diversi rikonoxximenti lil Nenu The Artisan Baker tul dawn l-aħħar snin… “Certificate of Excellence” u “Travellers Choice Award” sena wara l-oħra, u anke daħħal lir-ristorant fil-prestiġjuża “Hall of Fame”.

Qabditna l-kurżità… x’għandu speċjali dan ir-ristorant?

Issa li fetħu r-ristoranti kellna l-għażla li mmorru jew l-Imġarr jew il-Belt. Għażilna li mmorru f’dak tal-Belt u kien hawnhekk li rrealizzajna li dan huwa ristorant li kulħadd għandu jżur f’xi ħin jew ieħor…

Apparti li l-post huwa sabiħ, il-menu kien ippakkjat b’dak kollu li hu Malti…minn platti tradizzjonali, sa soft drinks, inbid, birra u kafè…kollox Malti.

Hemm il-famuża Ftira, li hija simili tal-pizza, imma f’forma kwadra u ferm, ferm itjeb għax din hija magħmula mill-għaġina tal-ħobż tal-Malti.

Platti oħra kienu fenek moqli fil-gravy, stuffat tal-qarnit, stuffat tal-laħam taż-żiemel, ravjul tal-fenek, braġjoli taċ-ċanga, klamari mimlija, spagetti bil-qarnit u bebbux, fost oħrajn.

Bdejna bil-ftira…għażilna l-ftira li jisimha “Ta’ Nenu”…ma xtaqniha tispiċċa qatt…

Bħala main course ħadna ravjul tal-fenek u klamari mimlija….it-tjubija ma tistax tiktibha. Diffiċli ssib kliem li jiddiskrivi t-togħma…ta’ Malta! Eżatt bħalma qalet dik it-turista.

Ma stajniex nieqfu hawn. Sar il-ħin għad-deżerta.

Ħassejna li ma stajniex noħorġu minn hemm qabel ma nduqu l-Imqaret, servut b’ġelat Malti u l-isfineġ ta’ San Ġużepp (mimlija bl-irkotta u konfettura).

It-tjubija ta’ kull ħaġa li doqna tat raġun lil kull kumment li hemm miktub fuq Tripadvisor…mhux ta’ b’xejn li Nenu the Artisan Baker iddaħħal fil-Hall of Fame!

Waqt li konna qed nieklu d-deżerta sibna ruħna niftehmu għal meta se nerġgħu niġu biex induqu xi platti oħra. Però, id-darba li jmiss se niġu mal-ġenituri sabiex iġeddu t-tifkiriet tal-imgħoddi.

Verament għandna biex niftaħru dwar il-kċina Maltija.

Grazzi Nenu the Artisan Baker.

Pariri:

  • Huwa importanti li tagħmel booking. Dan jista’ jsir billi ċċempel fuq 79595852
  • Tista’ wkoll tordna għad-deliveries id-dar jew ix-xogħol. Dan jista’ jsir fuq l-istess numru.
  • Bħalissa qed jagħtu flixkun inbid ta’ Delicata, il-famuż Pjazza Reġina, u delivery b’xejn meta l-ordni taqbeż il-€25.

Enable Notifications OK No thanks