Select Page
“Qed ngħixu f’dinja għatxana għall-paċi” – Il-Papa Franġisku

“Qed ngħixu f’dinja għatxana għall-paċi” – Il-Papa Franġisku

Dalgħodu, il-Papa mexxa Quddiesa fis-Solennità ta’ Kristu Re f’Asti, segwita mit-talba tal-Angelus, fejn talab għat-tmiem tal-gwerra.

Illum, fl-aħħar jum ġewwa Asti, viċin il-kuġini tiegħu, il-Papa Franġisku talab għall-paċi fid-dinja. Huwa iddeskriva ż-żmien li qed ngħixu fih bħala wieħed li fih id-dinja hija għatxana għall-paċi.

Il-Papa ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti biex jaħsbu f’diversi postijiet fid-dinja li huma mfarka mill-gwerra, b’attenzjoni partikolari għall-Ukrajna.

Huwa tenna wkoll, biex inżommu f’talbna lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fin-nar li ħakem kamp tar-refuġjati f’Gaza, il-Palestina. “Ejjew nagħtu lilna nfusna x’nagħmlu u nkomplu nitolbu għall-paċi!”.

Il-Papa tkellem ukoll dwar iż-żgħażagħ, u bagħatilhom l-imħabba tiegħu. Huwa nnota li t-tema ta’ din is-sena, hija l-istess bħal dik tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se ssir f’Lisbona, marbuta ma’ meta Marija, minkejja kollox, wettqet dak li Alla ried minnha.

Il-Papa saħaq li “Il-Madonna hekk għamlet meta kienet żgħira, u tgħidilna li s-sigriet biex tibqa’ żagħżugħa jinsab proprju f’dawk iż-żewġ verbi, li tqum u li tmur”.

Enfasizza li rridu nqumu u nagħtu sehemna, ma nibqgħux wieqfa naħsbu fuqna nfusna, naħlu ħajjitna u niġru wara l-kumditajiet, imma niċċaqilqu, inħallu warajna l-biżgħat tagħna stess biex nilqgħu b’idejna lil xi ħadd fil-bżonn.

Lejn l-aħħar il-Papa tenna li għandna bżonn żgħażagħ li jistgħu jbiddlu d-dinja, u jwettqu ħolm li fih jirrenja l-paċi.

Bħal-lum 25 sena ilu ħalliet din id-dinja Madre Tereża ta’ Kolkata

Bħal-lum 25 sena ilu ħalliet din id-dinja Madre Tereża ta’ Kolkata

Agnes Gonxha Bojaxhiu twieldet nhar is-26 ta’ Awwissu tal-1910 għand familja Kattolika Albaniża fi Skopje, illum parti mill-Maċedonja.

Bħala tifla kienet involuta ħafna fl-attivitajiet tal-parroċċa, u ommha qaltilha ħafna stejjer ta’ missjunarji, li ispirawha ħafna. Fl-1931 iż-żagħżugħa Ineż ħadet l-ewwel voti mal-ordni missjunarja tas-Sorijiet ta’ Loreto f’Dublin, l-Irlanda. L-isem mogħti lilha kien dak ta’ Swor Marija Tereża tal-Bambin Ġesù, dan minħabba għad-devozzjoni tagħha lejn il-qaddisa ta’ Lisieux.

Bħala soru żgħira fl-1929 vjaġġat lejn Kalkutta (illum magħrufa bħala Kolkata), l-Indja, fejn għallmet ġewwa diversi skejjel fl-Indja għal 20 sena. Kien matul dak iż-żmien li tqanqlet ħafna bin-numru ta’ nies morda u li kienu qed imutu fit-toroq.

Fl-10 taʼ Settembru, 1946, waqt li kienet qed tivvjaġġa bil-ferrovija lejn Darjeeling, Santa Tereża esperjenzat “sejħa fi ħdan sejħa.” Hija ħasset sejħa biex tkun l-imħabba ta’ Alla fl-azzjoni: fi kliem iehor, taqdi l-morda u l-moribondi, dawk li jsofru l-ġuħ u dawk ta’ bla saqaf fuq rashom.

Wara li telqet mill-kunvent ta’ Loreto ħadet taħriġ mediku u saret determinata li taqdi lill-ifqar fost il-foqra. Fl-1950 hija waqqfet ordni ta’ nisa reliġjużi msejħa Missjunarji tal-Karità, li matul iż-żmien bnew diversi ċentri madwar id-dinja.

Fl-1979 Madre Tereża, kif kienet magħrufa sa dak iż-żmien, irċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi. Il-messaġġ sempliċi tagħha kien: “Aħna mqiegħda fuq l-art biex nagħmlu xi ħaġa sabiħa għal Alla.”

Madre Tereża mietet f’Kalkutta nhar il-5 ta’ Settembru 1997, fl-eta ta’ 87 sena. Hija ġiet ibbeatifikat fid-19 ta’ Ottubru tal-2003, fejn dan il-proċess kien l-iqsar wieħed fl-istorja tal-knisja moderna. Hija ġiet ikkanonizzata mill-Papa Franġisku fl-4 ta’ Settembru 2016.

Waħda mill-kwotazzjonijiet famużi ta’ Madre Tereża hija “Il-paċi tibda bi tbissima.” Illum il-ġurnata l-paċi qed tintalab ħafna minħabba dak li qed tgħaddi minnu d-dinja. Allura, ejjew nibdew nippromwovu l-paċi billi nitbissmu lil ħaddieħor.

Meta l-ġenituri jisseparaw… – Michelle Zerafa

Meta l-ġenituri jisseparaw… – Michelle Zerafa

Il-familja tgħaddi minn fażijiet differenti u flimkien maċ-ċirkostanzi tinbidel id-dinamika ukoll. Ġieli jitwieled membru ġdid jew ikun hemm għerusija jew żwieġ ta’ xi wieħed mill-membri, filwaqt li l-mewt ukoll tista’ tifred lil membri u tibdel ukoll id dinamika tal-familja. Id-divorzju jew separazzjoni jpoġġi lill-membri f’pożizzjoni diffiċli. Mhux kulħadd jiffaċċja din il-firda bl-istess mod u m’hemm l-ebda formola ideali għax dejjem tinkludi xi forma ta’ tbatija u diffikultà. Però l-mod kif jaġixxu l-membri nvoluti se jagħmel differenza kbira fuq il-kumplament tal-familja kollha.

Id-divorzju jolqot lil kull membru tal-familja, imma speċjalment lill-ulied. It-telfa hija kemm waħda fiżika jiġifieri li l-ġenituri ma jibqgħux jgħixu flimkien u allura anke t-tfal jista’ jkun li jinfirdu minn ġenitur jew ieħor. Jista’ jkun ukoll ikollhom ibiddlu d-dar fejn joqgħodu jew ma’ min joqgħodu. Il-firda hija wkoll waħda emozzjonali għaliex l-ulied jgħaddu minn ammont ta’ konfużjoni, speċjalment jekk ma jkunux jafu x’ġara jew x’inhu jiġri, għaliex is-seperazzjoni tkun ġiet fuq il-familja f’daqqa. Għalhekk ħafna drabi l-ulied jgħaddu minn bidliet fl-imġiba u jkollhom reazzjonijiet differenti hekk kif dawn isiru jafu li l-ġenituri se jisseperaw.

Huwa normali li dawn jgħaddu minn ħafna konfużjoni, biża’ u “denial” u jistaqsu ħafna mistoqsijiet għax il-pedament tal-ħajja tagħhom – il-ġenituri – iħossu li jkun qed jiġi imċaqlaq allura jkunu anzjużi ħafna dwar dak li jista’ jkun li jiġri. Huwa allura normali li dawn it-tfal jista’ jkun li jesperjenzaw rabja, dipressjoni u panic attacks. Dan kollu jiddependi ħafna dwar kif il-ġenituri jippreparaw lil uliedhom għal din il-bidla, kif ukoll kemm ikun hemm kooperazzjoni bejn il-membri involuti (speċjalment bejn il-ġenituri) fil-proċess ta’ separazzjoni. Aktar ma t-tfal se jaraw ġlied u pika bejn il-ġenituri aktar se jħossuhom ħażin u aktar se jbatu minn ansjetà.

Punti li wieħed tajjeb li jaħseb dwarhom.. biex il-proċess ikun kalm kemm jista’ jkun..

  • Primarjament irridu naċċettaw li l-familja kollha tkun għaddejja minn żmien diffiċli għax tkun għaddejja minn telfa. Anke jekk kien hemm ħafna ġlied u forsi l-fatt li wieħed mill-ġenituri telaq mid-dar, xorta din il-firda se ġġib emozzjonijiet ta’ telfa u dwejjaq.
  • Għalkemm forsi l-istint jgħidilna biex naħbu jew ngħattu dak li nħossu ħalli ma niftakrux fl-uġigħ, anzi bil-maqlub hu importanti li nikkomunikaw dwar dak li ġara jew dwar dak li qed jiġri. Importanti li nitkellmu ma’ min inħobbu jew ma’ min bħalna għaddej minn din it-telfa, speċjalment mal-ulied jekk hemm l-ulied. Aktar ma nħossu li m’aħniex waħedna f’din il- weġgħa, aktar hemm ċans li nfiequ malajr u nimxu ‘l quddiem.
  • Importanti li meta nitkellmu dwar dak li nkunu għaddejjin minnu ma nieqfux biss fuq ir-rabja li forsi l-partner tagħna jkun ħoloq, iżda nitkellmu kif nistgħu nagħmlu pass ‘il quddiem.
  • Jekk naraw li waqafna fir-rabja jew fid-dipressjoni importanti li nfittxu għajnuna professjonali għax ikun ifisser li qed insibuha diffiċli biex nimxu ‘l quddiem. Jekk jiġri hekk ma jimpurtax imbilli nfittxu s-sapport professjonali, li nfittxu l-għajnuna ma jfissirx li fallejna iżda jfisser li nixtiequ nimxu ‘l quddiem.
  • Importanti li niftakru li seperazzjoni mhix xi kompetizzjoni. Anke jekk deep down tħoss li l-partner tiegħek naqas, importanti li ma nġiegħlux lill-ulied jieħdu side. Dan mhux fair fuqhom għax inkunu qed indaħħluhom f’logħba kerha li l-konsegwenza ma taffettwax lill-partner, iżda lill-uliedna stess. Nifhem li ħafna drabi li naħfru jew li ma nurux ir-rabja mhix faċli, għax dak li jkun għaddej minnha jkun qed jesperjenza ħafna emozzjonijiet diffiċli. Jekk hu hekk aħjar nitkellmu ma xi ħadd professjonali milli nkomplu ngħarrqu lil uliedna.
  • Jekk se jsiru diskussjonijiet huwa kruċjali li kulħadd ikun preżenti biex turu lil uliedkom li għalkemm se tinfirdu xorta m’hemmx mibgħeda lejn xulxin. Dan hu eżempju tajjeb ħafna li nistgħu nagħtu lil uliedna. Iżda jekk taf li ħafna drabi inti u l-partner tispiċċaw fi ġlieda, allura aħjar li ma titkellmux quddiem l-ulied.
  • Qatt u qatt m’għandna nitfgħu l-ħtija fuq l-ulied li s-seperazzjoni seħħet minħabba fihom, anke jekk fir-rabja fettillek tgħid hekk. Dan ipoġġi lill-ulied fi ħsara psikologika kbira.

Nifhem li dawn huma mumenti diffiċli ħafna għal kull min ikun għaddej minnhom, però tajjeb li niftakru li huwa kruċjali jekk hemm bżonn isir dan il-pass. Aktar ma nżommu l-paċi u ma ninpikawx inqas se jkun hemm tbatija. Meta nħossu li aħna maħkuma minn emozzjonijiet negattivi u għadda ċertu żmien u bqajna fejn konna, importanti li nfittxu sapport professjonali. Għalkemm inkunu mbeżżgħin xorta wieħed irid iħares ‘il quddiem għal ġejjieni aħjar..

Awguri u tislijiet…

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kif u minn fejn oriġina l-Jum Internazzjonali tan-Nisa?

Kif u minn fejn oriġina l-Jum Internazzjonali tan-Nisa?

Għal aktar minn 100 sena, it-8 ta’ Marzu mmarka dak li sar magħruf bħala l-Jum Internazzjonali tan-nisa f’pajjiżi madwar id-dinja. Filwaqt li l-iskop tiegħu jvarja minn post għall-ieħor, f’xi pajjiżi huwa jum ta’ protesta u f’oħrajn huwa mod kif jiġu ċċelebrati l-kisbiet tan-nisa u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-festa hija iktar minn sempliċi hashtag.

Ejjew niskopru flimkien l-oriġini u t-tradizzjonijiet ta’ dan il-jum..

Kif diġà semmejna, il-Jum Internazzjonali tan-Nisa oriġina aktar minn 100 sena ilu. Fit-28 ta’ Frar, 1909, il-Partit Soċjalista tal-Amerika li issa ġie xolt, organizza l-ewwel Jum Nazzjonali tal-Mara, li seħħ fl-aħħar Ħadd ta’ Frar. Fl-1910, Clara Zetkin, il-Kap tal-Uffiċju tan-Nisa tal-Ġermanja għall-Partit Soċjal-demokratiku , ipproponiet l-idea ta’ Jum Internazzjonali tan-nisa globali sabiex in-nies madwar id-dinja jkunu jistgħu jiċċelebraw fl-istess ħin. Fid-19 ta’ Marzu, 1911, sar l-ewwel Jum Internazzjonali tan-Nisa fejn ħadu sehem aktar minn miljun persuna fil-Ġermanja, l-Iżvizzera, l-Awstrija u d-Danimarka.

Il-Kap tal-Uffiċju tan-Nisa tal-Ġermanja għall-Partit Soċjal-demokratiku Clara Zetkin u ħabiba tagħha.

Din iċ-ċelebrazzjoni ġabet il-vot lin-nisa fir-Russja. Fl-1917, in-nisa fir-Russja onoraw il-ġurnata billi bdew strajk għal “ħobż u l-paċi” bħala mod biex jipprotestaw għall-Ewwel Gwerra Dinjija u jippromwovu l-parità bejn is-sessi. Czar Nicholas II, li dak iż-żmien kien il-mexxej tal-pajjiż, ma kienx impressjonat u ta struzzjonijiet lill-Ġeneral Khabalov tad-Distrett Militari ta’ Petrograd biex itemm il-protesti u jispara lil kull mara li rrifjutat li toqgħod. Madanakollu, in-nisa ma kinux intimidati u komplew bil-protesti tagħhom, li wasslu lil Czar biex jabdika ftit jiem wara. Il-Gvern proviżorju mbagħad ta lin-nisa fir-Russja d-dritt tal-vot.

Nisa jimmarċjaw matul ir-Rivoluzzjoni Russa fl-1917, jitolbu d-dritt tal-vot.

In-Nazzjonijiet Uniti adottat uffiċjalment il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fl-1975. Dan seħħ meta n-Nazzjonijiet Uniti ċċelebrat għall-ewwel darba dan il-jum fit-8 ta’ Marzu tas-sena msemmija. Minn dakinhar, in-Nazzjonijiet Uniti saret l-isponsor primarju u tal-avveniment annwali u ħeġġet saħansitra aktar pajjiżi madwar id-dinja biex iħaddnu l-festa u l-għan tagħha li tiċċelebra atti ta’ kuraġġ u determinazzjoni minn nisa ordinarji li kellhom rwol straordinarju fl-istorja tal-pajjiżi u l-komunitajiet tagħhom.

ll-Jum Internazzjonali tan-Nisa huwa jum ta’ ċelebrazzjoni madwar id-dinja, u festa pubblika f’għexieren ta’ pajjiżi. L-Afganistan, Kuba, il-Vjetnam, l-Uganda, il-Mongolja, il-Ġeorġja, il-Laos, il-Kambodja, l-Armenja, il-Belarussja, il-Montenegro, ir-Russja u l-Ukrajna huma biss uħud mill-pajjiżi fejn it-8 ta’ Marzu huwa rikonoxxut bħala festa pubblika.

Dan il-Jum huwa wkoll ċelebrazzjoni kombinata ma’ Jum l-Omm f’diversi pajjiżi, inklużi s-Serbja, l-Albanija, il-Maċedonja u l-Użbekistan. F’dan il-jum, it-tfal jippreżentaw lil ommijiet u nanniethom rigali żgħar u simboli ta’ mħabba u apprezzament.

Kull sena, mill-1996 s’issa, in-Nazzjonijiet Uniti toħloq tema differenti li tirrapreżenta l-għan ewlieni ta’ dan il-jum. It-tema ta’ din is-sena hija “Nisa fit-tmexxija: Il-kisba ta’ futur ugwali f’dinja bil-pandemija Covid-19.”

Kif nistgħu nsibu aktar paċi waqt l-inċertezzi tal-pandemija – Michelle Zerafa

Kif nistgħu nsibu aktar paċi waqt l-inċertezzi tal-pandemija – Michelle Zerafa

Tajjeb li nkunu konxji li kull wieħed u waħda minna għaddejna minn ħasda għax bħal donnha l-ħajja nbidlet ma’ din il- pandemija..
Għal xi wħud il-ħajja baqgħet għaddejja, għal oħrajn sfumat ruħha, filwaqt li għal xi wħud waqa’ d-dlam..
Irridu nammettu li qed ngħixu mumenti diffiċli u għalkemm mhux faċli.. wieħed irid jgħixhom ġurnata b’ġurnata..
Xejn mhu ċert u kollox jista’ jinbidel..
Li naċċettaw din is-sitwazzjoni kif inhi, hija mod kif nistgħu intaffu ftit mill-ansjetà li ħakmet lil ħafna minna..

Fil-verità issa tibda taqa’ l- għajja.. ilna ħafna nadattaw, nikkumbattu .. nistennew..

Nixtiequ ngħannqu lill-ġenituri anzjani tagħna..
Neputijiet jixtiequ jqattgħu l-ħin għand in-nanniet..
Kulħadd jibża’ għal saħħtu.. għal uliedu..
Kulħadd jibża’ li jitlef lill-għeżież tiegħu
Kulħadd jibża’ li jitlef lill-vulnerabbli.. lill-anzjani maħbubin tagħna..
Lil dawk li ddedikaw ħajjithom għalina..
Kulħadd jibża’ li jitlef ix-xogħol, għal dak li stinka jew ħadem għalih..
Kulħadd jippreferi li jmur għax-xogħol mingħajr ma jkollu għalfejn inaddaf il-mejda fejn se jaħdem jew iqatta’ ġurnata bil- maskra ma’ wiċċu.

M’hemm xejn ħażin li nħossuna inċerti,
Għajjenin..
Jew imxebba’ sal-ponta ta’ mneħirna…

Irridu nirrealizzaw kemm urejna reżiljenza
Hemm bżonn nemmnu fil-qawsalla..
Ngħixu ġurnata b’ġurnata..

Naqra naqra… biċċa biċċa

Kif titla’ x-xemx jista’ jkun bnazzi jew il-maltemp
Jew inlesti l-umbrella u nilbes il-boots ..
Jew noħroġ komda mingħajr restrizzjoni..
L-istess f’din is-sitwazzjoni..
Mhux dejjem nista’ noħroġ bla umbrella u boots.. nista’ noħroġ jekk irrid iżda nispiċċa nieħu tixriba..

Jekk naċċetta u nadatta għalkemm tkun ix-xita iċ-ċans hu li ma nixxarabx..

Importanti li niftakar kemm irnexxieli nagħmel..

Għax jekk naf li rnexxieli xi darba..

Din tagħtini l-grinta li nkompli nimxi ‘l quddiem.

Ieqaf ftit.. għal mument biss…

Ftakar ftit f’dak li rnexxielek tagħmel.

Forsi bħalissa hemm biss xemgħa tnemnem..

Iżda xorta qed tara ftit..

Il-kumplament tad-dawl nistgħu nsibuh ukoll ..

Però forsi mhux għalissa..

Għalissa hemm bżonn inkunu aktar hemm għal xulxin..

Għax kull wieħed u waħda minna qed jitħabat b’xi mod jew ieħor..

Hemm bżonn ta’ aktar imħabba u tama..

Jekk qed tħossok taqta’ qalbek..

Jew tixtieq ħajt ta’ kenn..

Tibżax tfittex is-sapport li għandek bżonn.

F’kull baħar imqalleb.. dejjem hemm dak ir-raġġ ta’ dawl, tama u ġmiel infinit…

Kif jixhed fil-fatt dan ir-ritratt li ħadt fil-bidu nett ta’ meta l- pandemija laqtet il-gżejjer tagħna….

Paċi, saħħa u tislijiet

Enable Notifications OK No thanks