Laura Pausini tiżvela r-raġuni li kellha twarrab għal ftit waqt il-ħin tal-votazzjoni

Laura Pausini tiżvela r-raġuni li kellha twarrab għal ftit waqt il-ħin tal-votazzjoni

Kull min segwa l-finali tal-Eurovision Song Contest ilbieraħ seta’ jinnota n-nuqqas ta’ Laura Pausini waqt il-ħin tal-votazzjoni. Hija reġgħet ingħaqdet ma’ Alessandro u Mika eżatt wara l-votazzjoni tal-Awstrija, li kien l-34 pajjiż minn 40 li vvutaw fil-Eurovision.

Permezz ta’ post fuq Instagram, Laura Pausini qalet li xtaqet isserraħ ras kulħadd li tinsab tajba. Hija spjegat li r-raġuni li kellha twarrab għal ftit kienet li niżlitilha l-pressjoni u għalhekk, fuq parir tat-tobba, li rringrazzjathom talli għenuha, kellha tieqaf għal madwar 20 minuta.

Pausini kompliet tgħid li dawn l-aħħar 6 xhur kienu mimlija xogħol u l-istress ħakimha xi ftit. Madanakollu qalet li tinsab kuntenta li rnexxielha tagħlaq is-serata flimkien ma’ sħaba f’dan il-vjaġġ u setgħet tħabbar magħhom ir-rebbieħa tal-Eurovision.

Filwaqt li rrikonoxxiet l-imħabba li rċivew minn madwar id-dinja, u rringrazzjat lil kulħadd ta’ din l-avventura, hija qalet li se tibqa’ tiftakar din l-esperjenza bħala waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajjitha.

Enable Notifications OK No thanks