by skoperta.net | 14/Oct/22 | Ġrajjiet, Konf Taf?, Kurrenti
Fi klinika privata f’Ruma, pazjent beda jdoqq is-saxophone waqt li t-tobba kienu qed jagħmlulu operazzjoni biex ineħħulu tumur minn moħħu, operazzjoni kumplessa li damet għaddejja 9 sigħat.
L-operazzjoni li saret fuq il-pazjent, mużiċist barrani ta’ 35 sens li jgħix Ruma, tmexxiet min-newrokirurgu Christian Brogna, espert ewlieni fl-operazzjonijiet li jirrikjedu lill-pazjent ikun imqajjem, b’tim ta’ professjonisti mediċi mill-aqwa minn madwar id-dinja, fil-Paideia International Hospital f’Ruma.
Skont in-newrokirurgu Brogna, l-operazzjoni kienet tassew kumplessa u kienet teħtieġ preparazzjoni twila u teknoloġija ta’ livell għoli. Din l-operazzjoni kienet ukoll waħda mill-ewwel ta’ dan it-tip li saret fi klinika privata fl-Italja.
Jidher li l-operazzjoni kienet waħda ta’ suċċess għaliex il-pazjent ħareġ mill-isptar.
by skoperta.net | 09/Oct/22 | Konf Taf?, Tagħrif
Importanti li kull min imur biex jagħti d-demm, imur b’għan wieħed biss f’moħħu: dak li jgħin lill-pazjent.
Kull darba li persuna tmur biex tagħti d-demm, dejjem trid turi l-Karta tal-Identità.
Wara li ssir ir-reġistrazzjoni, jitkejjel il-piż (il-piż minimu huwa ta’ 50 kilo, fil-każ ta’ nisa bejn il-50 u l-65 kilo, jittieħed ukoll it-tul biex jiġi kkalkulat il-volum tad-demm), titkejjel it-temperatura u jiġi kkalkulat il-haemoglobin (f’termini sempliċi, il-ħadid fid-demm). Dan tal-aħħar jitkejjel minn qatra demm meħuda minn wieħed mis-swaba’ tal-id.
Imbagħad wieħed jgħaddi għal eżami mediku qasir fejn jiġi deċiż jekk wieħed jistax jagħti d-demm jew le.
Ftakar li meta tagħti d-demm, tista’ tkun qed issalva ħajja, għaldaqstant inħeġġuk biex jekk tista’, tmur u tagħti d-demm u jekk għal xi raġuni ma tistax, xerred dan l-artiklu.
by skoperta.net | 26/Sep/22 | Ġrajjiet, Kurrenti, Uncategorised
Kmieni dalgħodu, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm uża l-paġna ta’ Facebook tiegħu, biex jirringrazzja lil dawk kollha li wieġbu għas-sejħa tiegħu.
Matul dawn l-aħħar jiem, b’mod partikolari lbieraħ, kienu ħafna li marru biex jagħtu id-demm, wara l-appell li sar il-ġimgħa li għaddiet. Huma tennew li bid-donazzjonijiet abbundanti li saru jinsabu f’pożizzjoni vantaġġjuża fejn il-borża tad-demm qed tistenna lill-pazjent, u mhux il-pazjent jistenna lilha.
Madanakollu, huma qed ikomplu jħeġġu iktar nies biex kemm-il darba huma jinsabu f’saħħithom jagħtu d-demm ħalli r-riserva tibqa’ tajba għall-benefiċċju ta’ kulħadd!
Huma appellaw ukoll biex min ma jkunx irid jew ma jkunx jixtieq jagħti demm, issuq dejjem bil-galbu, biex apparti li ma titħarbatx ħajjithom, ma titħarbatx ukoll ir-riserva tad-demm.
It-tim kollu ta’ Skoperta jixtieq jirringrazzja lil kull minn fl-aħħar ġranet wieġeb għas-sejħa. Għaldaqstant aħna nkomplu nħeġġukhom biex tkomplu tagħtu d-demm!
Fil-fatt, kull minn irid, illum l-għoti tad-demm ser issir fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa mit-8:00am sas-6:00pm.
by skoperta.net | 04/Apr/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
Il-Malta Union of Midwives and Nurses issostni li kuntrarjament għal dak li qal il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, l-isptar Mater Dei jinsab fi kriżi qawwija b’pazjenti li huma pożittivi għall-Covid qed jinfirxu fis-swali kollha.
Dalgħodu, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li s-sitwazzjoni fl-isptar Mater Dei hija taħt kontroll u li r-restrizzjonijiet se jkomplu jitneħħew fil-jiem li ġejjin.
Fi stqarrija, l-MUMN qalet li bħalissa f’Mater Dei hemm aktar minn 150 pazjent li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 mifruxa fis-swali kollha li joħolqu riskju għoli ta’ infezzjoni fl-isptar kollu.
L-unjin qalet li n-nuqqas kbir ta’ infermiera huwa kawża ta’ ammont kbir ta’ infermiera mibgħuta fuq kwarantina li jirriżulta li diversi swali jibqgħu b’żewġ jew tliet infermiera biss minflok sitta.
Tliet swali sħaħ fl-isptar Mater Dei kellhom jiġu trasformati kompletament għall-pazjenti li huma pożittivi għall-Covid-19. L-MUMN qalet ukoll li l-infermiera qed jirrifjutaw li jaħdmu overtime anke meta mitluba ripetutament mill-maniġment tal-isptar, minħabba li xi wħud qed isofru minn burnout.
L-MUMN sostniet li s-sitwazzjoni hija ddisprata u li l-Ministru tas-Saħħa qed jirrifjuta li jnaqqas il-kirurġija elettiva biex jikkumpensa għaż-żieda kbira ta’ każijiet tal-Covid u n-nuqqas kbir ta’ infermiera fis-swali.
Skont l-MUMN, in-numru kbir ta’ każijiet tal-Covid-19 fis-swali kollha laħaq sal-punt fejn kull sala f’Mater Dei qed ikollha pazjenti li jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19.
L-unjin saħqet li l-politika m’għandha tkun l-aġenda ta’ l-ebda ministru tas-saħħa u jekk il-Ministru tas-Saħħa jirrifjuta li jnaqqas il-kirurġija elettiva, ir-riskji ta’ trażmissjoni tal-Covid jiżdiedu kemm għall-istaff kif ukoll għall-pazjenti.
Fl-istqarrija ntqal ukoll li l-kurituri, il-librerija u l-canteen tal-istaff qed jintużaw bħala swali, li jagħmluha aktar diffiċli għall-infermiera biex jaħdmu mal-pazjenti peress li dawn ma kinux maħsuba biex ikunu swali.
Għaldaqstant l-Unjin qed tappella lill-Ministru jaġixxi b’mod responsabbli peress li l-isptar Mater Dei ma jistax jibqa’ jaħdem b’żieda daqshekk qawwija ta’ każijiet tal-Covid.
by skoperta.net | 16/Jan/22 | Konf Taf?
Ir-raġel li rċieva trapjant ta’ qalb ta’ ħanżir għall-ewwel darba fid-dinja kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil raġel u ħallieh paralizzat.
Il-familja tal-vittma żvelat li David Bennett, ta’ 57 sena, kien instab ħati li ta daqqiet ta’ sikkina lil Edward Shumaker fl-1988 u ħallieh paralizzat.
Oħt il-vittma, Leslie Shumaker Downey qalet li ħuha miet fl-2007, wara kważi 20 sena ta’ kumplikazzjonijiet mediċi marbuta mal-attakk.
Hija qalet li David Bennett ma kienx denju biex jirċievi t-trapjant. Madanakollu t-tim li għamel l-operazzjoni qal li r-rekord kriminali ta’ xi ħadd qatt ma jista’ jkun raġuni biex jiġi rrifjutat trattament.
L-attakk seħħ f’April tal-1988 meta mart Bennett poġġiet fuq ħoġor Shumaker, li dak iż-żmien kellu 22 sena qalet oħt il-vittma.
Hija qalet li f’mument ta’ għira u rabja, Bennett ta’ daqqiet ta’ sikkina lil Shumaker f’dahru ripetutament.
Bennett instab ħati u ġie kkundannat 10 snin ħabs.
Bħalissa, David Bennett qed jirkupra wara l-proċedura sperimentali ta’ seba’ sigħat f’Baltimore.
It-trapjant kien meqjus bħala l-aħħar tama li ssalva l-ħajja ta’ Bennett, għalkemm għadu mhux ċar kemm din il-proċedura se ttawwal il-ħajja tal-pazjent.
Oħt Shumaker qalet li Bennett qed jiġi mpinġi bħala eroj u pijunier meta fil-verità mhuwiex. Żiedet tgħid li t-tifħir għandu jkun għat-tobba li rnexxielhom jagħmlu operazzjoni bħal dik u mhux għal Bennett.
Shumaker kien juża siġġu tar-roti wara l-attakk, qabel ma tatu puplesija fl-2005 u miet sentejn wara.