BIL-FILMAT: “M’hemmx kliem biex niddeskrivi l-uġigħ” – Derya, oħt Pelin Kaya

BIL-FILMAT: “M’hemmx kliem biex niddeskrivi l-uġigħ” – Derya, oħt Pelin Kaya

F’intervista ferm emozzjonanti u ta’ qsim il-qalb waqt il-programm Illum ma’ Steph, Derya Kaya, oħt Pelin Kaya, talbet lill-poplu Malti sabiex għada l-Ġimgħa 19 ta’ Mejju, jingħaqad mal-familja Kaya għal mixja ta’ solidarjetà.

Pelin Kaya tilfet ħajjitha traġikament proprju f’Jum għeluq it-30 sena.

Waqt l-intervista li għaliha kien hemm preżenti wkoll l-ambaxxatur tat-Turkija f’Malta, viżibilment emozzjonata, oħt Pelin esprimiet ma’ Steph l-uġigħ u ż-żmien diffiċli li għaddejja minnu hi u l-familja tagħha.

Hija qalet oħtha, li kienet ukoll iggradwat, kienet qed taħdem biex tavvanza fil-karriera tagħha fl-arkitettura bit-tama li tibni futur.

B’qalbha maqsuma, irrakkontat li kienet hi stess li ħeġġitha biex tiġi Malta biex tistudja l-Ingliż ħalli tkun tista’ tkompli tavvanza fil-karriera, għaliex kienet taħseb li Malta huwa post sigur. Żiedet tgħid li għaliha oħtha kienet qisha bintha wkoll peress li hi ikbar minnha, u li xtaqitha jkollha futur sabiħ.

Minn mindu ġiet Malta fl-2019, Derya qalet li oħtha kienet kuntenta ħafna u riedet tibni futur hawn. Irrakkontat li meta darba qaltilha biex tmur lura t-Turkija, oħtha weġbitha li se tibqa’ hawn għaliex kienet komda u kuntenta f’Malta tant li kienet tqisha bħala t-tieni dar tagħha.

L-għan tal-mixja ta’ għada, li se tibda minn quddiem il-Parlament fis-7 ta’ filgħaxija u se tibqa’ sejra sa St Elmo, huwa biex tiġi ċċelebrata l-ħajja ta’ Pelin Kaya, li ġiet misruqa nhar it-18 ta’ Jannar li għadda.

Derya irringrazzjat lill-poplu Malti tas-sapport kollu li taw lill-familja tagħha. Qalet li meta xi ħadd Malti jmur jiskuża ruħu magħha għal dak li ġara, ir-risposta tagħha tkun li mhuwiex tort tal-Maltin. Żiedet tgħid li l-poplu Malti huwa ġentili u juri empatija.

“Ma nistgħux immorru nimxu wara d-Duluri u nagħlqu għajnejna għall-inġustizzji ta’ madwarna”

“Ma nistgħux immorru nimxu wara d-Duluri u nagħlqu għajnejna għall-inġustizzji ta’ madwarna”

F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Patri Aaron Zahra, wassal messaġġ b’saħħtu u riflettiv mhux biss għal dan iż-żmien imma matul is-sena kollha.

Patri Aaron Zahra fakkar li fil-ġimgħa li l-Knisja Kattolika tiċċelebra t-tifsira ta’ Marija Addolorata, huwa tajjeb li niftakru fl-ommijiet li għaddejjin minn dulur kbir. “Nitolbu għalihom lill-Verġni Marija biex jibqgħu sodi bħalha.”

Huwa rrefera għal omm Bernice Cassar, omm Pelin u omm Jean Paul Sofia bħala dawk l-ommijiet li fihom jara d-Duluri tal-lum.

It-tliet ommijiet tilfu lil uliedhom traġikament u għaddejjin minn tbatija kbira.

Patri Aaron saħaq li “ma nistgħux immorru nimxu wara d-Duluri tal-kartapesta jekk nagħlqu għajnejna għad-duluri ħajja f’ħutna għeżież.”

“Marija tridna li nimxu ma’ dawn in-nies u nkunu ta’ spalla għalihom, u ma nagħlqux għajnejna għall-inġustizzji ta’ madwarna. O Marija Addolorata, itlob għalihom u għalina biex nagħrfu lilek fil-batut,” żied Patri Aaron.

“Ommijiet imkissra jistennew ġustizzja wara t-telfa kiefra tat-tfal tagħhom”

“Ommijiet imkissra jistennew ġustizzja wara t-telfa kiefra tat-tfal tagħhom”

Ritratt li qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali f’dawn l-aħħar sigħat huwa ritratt kommoventi li juri żewġ ommijiet li għaddejjin minn tbatija u wġigħ indiskivibbli.

Żewġ ommijiet li kellhom jiffaċċjaw l-agħar ħaġa li omm qatt tista’ tesperjenza, it-telfa ta’ wliedhom. It-tnejn li huma qed jistennew li sseħħ ġustizzja.

Ir-ritratt juri lil omm Pelin Kaya u lil omm Jean Paul Sofia jitgħannqu. Tgħanniqa li tgħid ħafna aktar minn kull kelma li tista’ titlissen.

F’kitba li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu flimkien mar-ritratt, is-sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manché rrefera għat-tnejn bħala “ommijiet imkissra li qed jistennew ġustizzja wara t-telfa kiefra tat-tfal tagħhom.”

Madankollu, huwa żied jgħid li l-ġustizzja mhix biżżejjed għal dawn l-ommijiet. “L-istat irid jara x’wassal għal dawn l-inċidenti u jaħdem biex tali inċidenti ma jerġgħux iseħħu, biex it-tfal taghhom ma jkunux mietu għalxejn,” saħaq Conrad Borg Manché.

Isostnu li l-istabbiliment tal-ikel kellu jagħlaq waqt il-velja bħala turija ta’ rispett

Isostnu li l-istabbiliment tal-ikel kellu jagħlaq waqt il-velja bħala turija ta’ rispett

Bosta qed jaqsmu r-reazzjonijiet tagħhom wara l-velja li saret għal Pelin Kaya nhar il-Ġimgħa li għadda fejn kien hemm ukoll preżenti l-qraba tagħha.

Pelin Kaya, ta’ 30 sena, inqatlet nhar it-18 ta’ Jannar wara li raġel ta’ 33 sena baqa’ dieħel f’pompa tal-petrol u wara fl-istabbiliment tal-ikel, il-KFC, fil-Gżira.

Ir-raġel tressaq il-qorti mixli bil-qtil ta’ Pelin Kaya, bil-pulizija tixhed li “ma kienx sempliċi inċident tat-traffiku iżda omiċidju volontarju.”

Kienu ħafna li esprimew l-opinjoni tagħhom fuq il-midja soċjali hekk kif sostnew li fil-fehma tagħhom l-istabbiliment tal-ikel, il-KFC kellu jagħlaq waqt il-velja. Bosta rreferew ukoll għan-nies li kienu qed jieklu dak il-ħin, filwaqt li sostnew, li huwa atteġġjament li juri nuqqas ta’ rispett u dinjità lejn il-vittma u l-qraba tagħha.

Oħrajn għandhom opinjoni totalment differenti għaliex jemmnu li l-ebda mill-imsemmija ma naqsu mir-rispett u jsostnu li hemm kwistjonijiet aktar serji li wieħed għandu jitħasseb dwarhom relatati ma’ dan il-każ.

Jitressaq il-qorti mixli bil-qtil ta’ Pelin Kaya

Jitressaq il-qorti mixli bil-qtil ta’ Pelin Kaya

Aktar kmieni llum, ir-raġel ta’ 33 sena, li tajjar u qatel lil Pelin Kaya ta’ 30 sena, tressaq il-qorti mixli bil-qtil tagħha.

Skont rapporti minn TVMNews, il-pulizija ddeċidiet li takkuża lir-raġel bi qtil volontarju wara l-investigazzjonijiet li saru anki bbażati fuq filmati meħuda minn diversi kameras.

Preżenti fl-awla kien hemm il-qraba tal-vittma.

Skont rapport minn TVMNews, l-ispettur Keith Zahra xehed fost oħrajn li r-raġel beda jixħet il-ġebel lin-nies li kienu fuq il-post, u li rreżista l-arrest.

Fl-istess rapport intqal ukoll li l-ispettur xehed li “dan ma kienx sempliċi inċident tat-traffiku iżda omiċidju volontarju.”

Id-difiża qalet li l-akkużat kien taħt kura psikjatrika u talbet li jinżamm fit-taqsima forensika tal-isptar Monte Karmeli, iżda l-Maġistrat qal li meta priġunier jiddaħħal Kordin, isirulu eżamijiet li hemm bżonn u mbagħad abbażi ta’ dawk l-eżamijiet jiddeċiedi d-direttur fejn hu l-aħjar post li jinżamm.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1 ta’ filgħodu tal-bieraħ meta r-raġel tajjar u qatel lill-vittma hekk kif baqa’ dieħel f’pompa tal-petrol u wara fl-istabbiliment tal-ikel, il-KFC, il-Gżira.

Enable Notifications OK No thanks