Possibilità li wara l-vaganzi tal-Għid ma jibqax obbligatorju l-ilbies tal-maskra fl-iskejjel

Possibilità li wara l-vaganzi tal-Għid ma jibqax obbligatorju l-ilbies tal-maskra fl-iskejjel

F’konferenza tal-aħbarijiet, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn 7 ta’ Marzu dawk li huma secondary contacts u mhumiex imlaqqma mhumiex se jkunu obbligati li joqogħdu kwarantina.

Dawk li huma primary contacts u mhumiex imlaqqma, mis-7 ta’ Marzu l-perjodu ta’ kwarantina se jonqos minn 14-il ġurnata għal 5 ijiem mit-test.

Huwa fakkar li mit-Tnejn 7 ta’ Marzu se titneħħa kompletament il-kwarantina għall-primary contacts li huma kompletament imlaqqma se titneħħa għal kollox.

Mis-7 ta’ Marzu wkoll, dawk il-persuni li jkunu mlaqqma u jkunu ġejjin minn pajjiżi kkunsidrati dark red, il-perjodu ta’ kwarantina se jonqos minn għaxart ijiem għal sebat ijiem.

Il-Gvern Malti se jkun ukoll qed jagħraf ukoll ċertifikati tat-tilqim approvati mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mhux biss dawk approvati mill-Unjoni Ewropea.

Mis-7 ta’ Marzu se titneħħa wkoll ir-restrizzjoni li l-istabbilimenti jiftħu matul il-lejl jiftħu sas-1 ta’ filgħodu u allura dawk li l-liċenzja tagħhom tippermettilhom li jdumu aktar se jkunu jistgħu joperaw sa ħinijiet aktar tard.

Dwar il-maskri, minbarra li diġà tħabbar, mill-14 ta’ Marzu mhux se jibqgħu obbligatorji f’postijiet pubbliċi fuq barra sakemm ma jkunx hemm attivitajiet tal-massa.

Il-Ministru Fearne qal li bħalissa qed tiġi analizzata s-sitwazzjoni fl-iskejjel u jekk sa wara l-vaganzi tal-Għid is-sitwazzjoni tkun kif qed tiġi antiċipata li tkun, hemm il-possibbiltà li t-tfal ma jkunux obbligati jilbsu l-maskra fil-klassijiet.

Attivitajiet organizzati bilwieqfa fuq barra se jkunu jistgħu jsiru b’mod normali mingħajr restrizzjonijiet mit-Tnejn il-11 t’April filwaqt li fuq ġewwa dan se jkunu limitati għal persuni mlaqqma biss. Dan se jkun japplika wkoll għat-tiġijiet.

Mit-Tnejn li ġej se jitneħħew aktar restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19

Mit-Tnejn li ġej se jitneħħew aktar restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19

Aktar kmieni llum, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej sal-bidu tas-sajf se jitneħħew il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19 li qiegħdin fis-seħħ.

Filwaqt li fakkar l-aħbar li mill-aħħar ta’ April u bidu ta’ Mejju se jkunu jistgħu jibdew isiru l-festi fil-bliet u l-irħula b’mod responsabbli imma wkoll b’mod li jixbah ħafna lil dak li konna mdorrijin bih fis-snin li għaddew, kif ukoll l-aħbar li l-Karnival se jsir f’Mejju bl-istess mod, il-Ministru Chris Fearne ħabbar li minn nhar it-Tnejn li ġej 7 ta’ Frar se jiġi estiż il-ħin tal-viżitaturi fl-isptar Mater Dei.

Minn nhar it-Tnejn ukoll se titneħħa l-miżura tal-ammont ta’ nies miġbura f’residenza privata. Sal-lum kien limitat sa 4 households, issa se titneħħa kompletament.

Ħabbar ukoll li mit-Tnejn li ġej il-Gvern Malti se jibda jagħraf iċ-ċertifikati tat-tilqim mill-Ġordan u l-Maldivi.

Mill-14 ta’ Frar, dawk il-persuni li jkollhom ċertifikat tat-tilqim validu u jkunu ġejjin minn pajjiż li huwa kklassifikat bħala dark red, il-perjodu ta’ kwarantina li jeħtieġu li jagħmlu se jonqos minn 14 għal 10 ijiem.

Il-kwarantina ta’ dawk li jkunu ġejjin minn barra biex jaħdmu f’Malta u għad m’għandhomx permess ta’ residenza f’Malta issa tista’ tibda ssir f’residenza fissa minflok f’lukanda. Il-lukanda se tkun qed tintuża biss għal dawk li jiġu Malta għal perjodu qasir u m’għandhomx residenza fissa.

B’effett immedjat, it-tfal kollha ta’ bejn il-5 u l-11-il sena li jkollhom iċ-ċertifikat tat-tilqim biż-żewġ dożi se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr il-ħtieġa tat-test tal-PCR.

Ħabbar ukoll li mill-21 ta’ Frar se tiġi indirizzata l-mod ta’ kif issir il-kwarantina. Jekk is-sitwazzjoni attwali tibqa’, il-kwarantina ta’ dawk li jkollhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi se tonqos minn 7 għal ħamest ijiem.

Dan se jkun japplika wkoll għal tfal li jkunu mlaqqma u jkollhom lil xi ħadd pożittiv fil-klassi.

Mill-1 t’April, in-numru ta’ persuni bilqiegħda f’tieġ se jibqa’ l-istess, dak ta’ 500 persuna mlaqqma kompletament iżda se jkun jista’ jsir ukoll b’persuni bilwieqfa sa massimu ta’ 300 persuna mlaqqma kompletament.

Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra kif inhi issa, fix-xhur li ġejjin se jkomplu jitneħħew aktar restrizzjonijiet fuq avvenimenti organizzati u night clubs.

Il-Ministru Chris Fearne fakkar li minn nhar it-Tnejn li ġej iċ-ċertifikat tat-tilqim mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Leto hija l-ewwel wirja għal Andrew E Zarb , fejn se jkun qiegħed jesibixxi esklussivament xogħlu. Din il-wirja se ssir bejn l-4 ta’ Frar u t-18 ta’ Frar ġewwa Art by the Seaside (65, triq il-Mina) l-Isla. Art Gallery li fetħet fl-2021 u li diġà qabdet ritmu tajjeb fix-xena tal-arti.


Leto fil-mitoloġija Griega hija Alla tal-maternità u l-umiltà. L-isem juri ċar it-tema ta’ din il-wirja, fejn permezz ta’ ritratti se naraw ommijiet fil-ġmiel kollu tagħhom, huma min huma u huma ta’ liema forma huma.


F’Leto ċerta li kull min se jattendi se jħoss ċertu paċi u ċertu sens ta’ wens, ħsus li jafu jħallu l-ommijiet biss fuq l-ulied. Tajjeb li nsemmi wkoll li f’din il-wirja Andrew jiftakar ukoll f’dawk l-ommijiet li għaddew għad-dinja l-oħra; li ċertament hija firda li ma nafx hawnx agħar minnha.


Andrew E Zarb tgħallem waħdu s-sengħa tal-fotografija. Din il-passjoni bdiet meta fl-2016, wara operazzjoni sab ruħu ġo sodda għal tliet xhur sa ma rkupra. Waqt dan il-perjodu sab ċans ifittex u jitgħallem fuq id-dinja tal-fotografija.

Beda b’diversi stili sa ma minn tliet snin ilu ‘l hawn ħassu komdu jiffoka fuq in-nudiżmu. Nudiżmu li juri b’eleganza kemm kull figura umana hija perfetta hi kif inhi, li jqanqal ħsus sottili ta’ ġmiel divin f’min japprezza dan ix-xogħol.

Mil-lenti t’Andrew naraw kif xogħlu jdur mal-ġisem uman. Jiffoka fuq dettalji, pożi u idealment bla użu ta’ props. Fix-xogħlijiet naraw prominenza femminili, dan minħabba l-fatt li mudelli maskili huma iktar rari biex isib. Iktar u iktar meta jaħdem fil-maġġoranza ma’ mudelli li mhumiex professjonali imma nies li jitħajru jippużaw, uħud anke biex jgħelbu ċerti ideat li ħolqu kontra l-apparenza tagħhom.

Għal aktar dettalji segwu l-paġna ta’ Art by the Seaside u anke l-event fuq Facebook: Leto – Goddess of Motherhood and Demureness.

Mis-7 ta’ Frar iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini

Mis-7 ta’ Frar iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini

Aktar kmieni fil-parlament, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mis-7 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju għar-ristoranti, snackbars u każini.

Dr Fearne ħabbar ukoll li mill-14 ta’ Frar, iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jibqa’ obbligatorju anki għall-bars, gyms, pools, spas, swali taċ-ċinema u teatri.

Iċ-ċertifikat tal-vaċċin jibqa’ validu għall-attivitajiet tal-massa, spettaturi f’faċilitajiet sportivi, casinos, stabbilimenti tad-divertiment u s-safar.

Il-Ministru indika wkoll li l-perjodu ta’ kwarantina mistenni jonqos lejn l-aħħar ta’ Frar.

Huwa qal li dan se jkun jista’ jsir minħabba li n-numru ta’ nies fit-Taqsima tal-Kura Intensiva baqa’ stabbli u għaliex intlaħaq l-ammont ta’ nies imlaqqma bil-booster.

Żied jgħid li l-figuri qed juru li issa huwa l-waqt li l-gvern jibda jħabbar dik li qed tissejjaħ exit roadmap biex jibdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet.

Possibbli li l-pandemija tiġi fi tmiemha din is-sena? – Fehmiet differenti mill-WHO

Possibbli li l-pandemija tiġi fi tmiemha din is-sena? – Fehmiet differenti mill-WHO

Il-mistoqsija li qiegħda fuq fomm kulħadd bħalissa hija dik jekk hux possibbli li l-pandemija tiġi fi tmiemha din is-sena, anki minħabba li dan l-aħħar ħarġu stqarrijiet li taw ftit tama li dan jista’ jkun possibbli.

Madanakollu, jidher li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed twassal fehmiet totalment differenti dwar dan.

Id-direttur tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa Hans Kluge qal li l-varjant Omicron mexxa l-pandemija f’fażi ġdida u jista’ jwassal ukoll biex il-pandemija tiġi fi tmiemha fl-Ewropa.

Huwa qal li jista’ jkun li r-reġjun miexi lejn l-aħħar fażi tal-pandemija, filwaqt li żied jgħid li l-Omicron jista’ jinfetta 60 fil-mija tal-Ewropej sa Marzu.

Kluge qal li ladarba ż-żieda ta’ każijiet tal-Omicron madwar l-Ewropa tonqos, se jkun hemm numru mhux ħażin ta’ xhur ta’ immunità globali, jew grazzi għall-vaċċin jew minħabba li n-nies ikollhom l-immunità minħabba l-infezzjoni, u wkoll ibaxxu l-istaġjonalità.

Żied jgħid li qed jantiċipaw li jkun hemm perjodu kwiet qabel ma l-Covid-19 jista’ jerġa’ lura lejn l-aħħar tas-sena, iżda mhux neċessarjament li terġa’ lura l-pandemija.

Min-naħa l-oħra, il-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus qed jibqa’ jwissi dwar il-possibilità li joħorġu aktar varjanti u qal li huwa perikoluż li wieħed jassumi li l-Omicron huwa l-aħħar wieħed jew li ninsabu fl-aħħar fażi tal-pandemija.

Madanakollu huwa qal li xorta jista’ jkun li l-agħar tal-pandemija jiġi fi tmiemu din is-sena, jekk jintlaħqu xi miri ewlenin.

Enable Notifications OK No thanks