Select Page
Tispikka l-lingwa tas-sinjali fl-interpretazzjoni ta’ Claudia waqt Mużika Mużika

Tispikka l-lingwa tas-sinjali fl-interpretazzjoni ta’ Claudia waqt Mużika Mużika

Fost it-talent mużikali Malti li smajna u segwejna f’dawn l-aħħar jiem, ċertament spikkat l-interpretazzjoni ta’ Claudia Faniello tal-kanzunetta tagħha, Ġmielek.

Minbarra l-vuċi unika u impekkabbli ta’ Claudia Faniello fl-interpretazzjoni stupenda tal-kanzunetta Ġmielek, b’kitba ta’ Joe Julian Farrugia u kompożizzjoni ta’ Philip Vella, spikkat il-lingwa tas-sinjali.

Permezz tal-lingwa tas-sinjali, li hi xi ħaġa li m’aħniex imdorrijin naraw fejn tidħol mużika, Claudia wasslet messaġġ importanti ħafna ta’ inklużjoni.

Il-komunikazzjoni hija parti kruċjali mill-inklużjoni, u proprju f’dawk il-mumenti, permezz tal-kanzunetta tagħha, Claudia tesprimi l-valur ta’ kull individwu u tikkomunika ma’ dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali

Dan jirrifletti wkoll fil-messaġġ li twassal il-kanzunetta Ġmielek, li tittratta dwar kif għandna nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin, mhux biss dak ta’ barra, imma ħafna aktar ta’ ġewwa.

Li ma niġġudikawx u nwarrbu lil dawk li f’għajnejna jidhru differenti iżda li nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin. Ġmielek tagħti tama partikolarment lil dawk li qed ibatu fis-silenzju, tbatija kkawżata mill-uġigħ li f’diversi ċirkostanzi tal-ħajja u mis-solitudni, għaliex twassal il-messaġġ li jekk inħarsu lejn xulxin bla preġudizzji, nagħrfu l-valur ta’ xulxin u nistgħu nkunu l-leħen għal min m’għandux.

Claudia kellha kontribut biex tinkiteb din il-kanzunetta, dan minħabba li kif saħqet diversi drabi, kien hemm żminijiet fejn hi stess iffaċċjat sfidi personali fil-passat u kien hemm drabi fejn hi wkoll kienet tħossha waħedha.

Kont taf li Claudia kellha kliem miktub fuq il-libsa?

Jikkumplimenta l-messaġġ tal-kanzunetta Ġmielek, kien il-kliem li Claudia kellha miktub fuq il-mant tal-libsa; “Għalik li tħossok waħdek, kun af li m’intix

Ġmielek ġiet ikklassifikata fit-tielet post bi 88 punt.

Ir-rispons dwar din il-kanzunetta fuq il-midja soċjali kien wieħed qawwi, u żgur li se tkun waħda li se tibqa’ tissemma’ u inkluża fil-ħidma għal soċjetà ħafna aktar inklużiva.

Kont taf li tattoo fuq il-wiċċ hija tradizzjoni għall-Māori ta’ New Zealand?

Kont taf li tattoo fuq il-wiċċ hija tradizzjoni għall-Māori ta’ New Zealand?

Reċentement irrappurtajna aħbar dwar il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ New Zealand Nanaia Mahuta, relatata mal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.

Lil hinn mill-aħħar, bosta kkummentaw dwar it-tattoo li għandha fuq geddumha.

Imma kont taf li tattoo fuq il-wiċċ hija tradizzjoni għan-nies Māori ta’ New Zealand?

Għan-nisa Māori ta’ New Zealand, il-moko kauae, jew it-tattoo tradizzjonali femminili tal-geddum u x-xufftejn hija meqjusa bħala manifestazzjoni fiżika tal-identità vera tagħhom.

Għall-Māori, it-tattoo hija marbuta ma’ sens ta’ kburija u prestiġju. Ir-ras hija meqjusa bħala parti sagra tal-ġisem, għalhekk din it-tattoo li tissejjaħ Ta Moko kienet riservata għall-wiċċ biss u għall-Màori ta’ status soċjali għoli.

It-tattoo Ta Moko tirrifletti d-dixxendenza u l-istorja personali tal-individwu. Fi żminijiet preċedenti kien sinjal importanti ta’ status soċjali għoli, għarfien, ħila u eliġibilità għaż-żwieġ.

It-tattoo tradizzjonali tal-irġiel fuq il-wiċċ tissejjaħ Mataora u hija simbolu ta’ nobbiltà.

Fl-2016, Nanaia Mahuta, saret l-ewwel membru parlamentari fid-dinja li kellha t-tattoo Ta Moko fuq geddumha.

X’ċajta se jagħmlulha lil Nicole Azzopardi fuq Sibtek li jmiss?!

X’ċajta se jagħmlulha lil Nicole Azzopardi fuq Sibtek li jmiss?!

Sibtek jirritorna din id-darba ma’ personalitajiet li huma kollha kantanti; Nicole Azzopardi, Nicole Hammett, Denise Mercieca u Matt Black.

Il-programm ta’ din il-ġimgħa se jkun fih ħafna ċajt, jiġifieri lesti ruħkom għal daħka tajba ma’ Ryan u Josmar!

Waqt din l-edizzjoni Denise se jkollha ħafna ritratti speċjali u se tiftaħ aktar dwar il-ħajja personali tagħha.

Nicole Hammett se jkollha blind date! Ma’ min?!

Nicole Azzopardi se jkollha ċajta differenti u partikolari ħafna! Imma xiex?!

Matt Black għandu ħolma u se ssir realtà waqt Sibtek!

Il-mistiedna ta’ Ryan u Josmar se jgħaddu minn bosta sfidi divertenti u sorpriżi li żgur ħadd mhu se jistenna.

Ma tonqosx ukoll il-mużika lajv flimkien ma’ Christian Arding.

Sibtek, kull nhar ta’ Sibt, fuq TVM mill-12:15 ‘l quddiem.

Mario Galea jindirizza konferenza elettorali tal-Partit Laburista dwar is-saħħa mentali

Mario Galea jindirizza konferenza elettorali tal-Partit Laburista dwar is-saħħa mentali

L-eks deputat Nazzjonalista Mario Galea indirizza konferenza elettorali tal-Partit Laburista dwar is-saħħa mentali.

Ix-xahar li għadda, Mario Galea ħabbar li mhuwiex se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali.

Fid-diskors tiegħu, Mario Galea qal li hu ġie mistieden għal din il-konferenza minn Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa tkellem dwar l-esperjenzi personali tiegħu u l-isfidi li jiffaċċja, kif ukoll kif dawn l-isfidi affettwawh fil-politika.

Tkellem ukoll dwar dak li hu jsib ta’ għajnuna biex jikkumbatti mal-isfidi ta’ kuljum tiegħu.

Aktar tard, fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Mario Galea qal li s-saħħa mentali m’għandhiex kuluri politiċi u li attenda biex iqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali u s-suwiċidju.

“Jien Nazzjonalist twelidt u Nazzjonalist se mmut. Issa min għandu interess ipinġini modieħor biċċa tiegħu.”

Mario Galea

Moħħok hemm meta tixtri minn fuq Facebook! – Tanja Cilia

Moħħok hemm meta tixtri minn fuq Facebook! – Tanja Cilia

“Tafdax, biex ma tħallilx”

Naħseb li bħali xbajtu taraw “Free”, jew inkella “€1” immarkati taħt xi ħaġa li tkun għall-bejgħ, iżda meta tistaqsu dwar l-oġġett, issiru tafu li mhux talli ma jkunx b’xejn, jew kważi b’xejn, talli jiswa l-belli liri.

Hawn ħafna min ingidem, u hawn ħafna min għamel kemxa flus, minn dawn in-negozji. Għax jiġu bil-ħlewwa kollha, u jgħidulek li “bargain” u “għandhom bżonn il-flus” u li “tidher mara sew”, u ħafna kliem fieragħ ieħor.

Għalhekk tajjeb li żżomm moħħok hemm meta tiġi biex tixtri.

  • Data ta’ meta beda l-profil: Issib min jibda profili bl-addoċċ, kemm ibiegħ xi affarijiet, jew saħansitra jippretendi li se jbiegħhom, u jisparixxi. Jista’ jkun każ ġenwin għax ikun wiret xi affarijiet u jrid jeħles minnhom; iżda din ħaġa rari.
  • Dejjem itlob irċevuta: Jekk jista’ jkun, ħallas b’ċekk jew xi metodu bħal PayPal, biex hekk ikollox għal waħda, tnejn. Irċevuta mingħand bniedem li ma jeżistix, ma tiswiex.
  • Ikkomunika biss fuq Facebook: La bdejt minn hemm, kompli hemm. Iddurx għal imejl jew WhatsApp. Qatt tiltaqa’ ma’ xi ħadd, waħdek, u ltaqa’ biss meta jkun se jsir il-bejgħ. Qatt tagħti n-numru personali tat-telefon tiegħek.
  • Jitlob ħlas bil-quddiem: Tixtrix ħut fil-baħar. L-aħjar metodu dejjem jibqa’ Cash on Delivery. Issib min iħeġġeg biex tħallas depożitu, biex l-oġġett ma jinbigħx lil ħaddieħor. Jekk lesta li tħallas, ara li qatt ma jkun iżjed minn 25% tal-ħlas dovut, u dejjem itlob irċevuta (u ftakar li jekk il-profil hu falz, il-flus m’intix se tarahom b’għajnejk qatt iżjed).
  • Posta rreġistrata: Dejjem insisti li jekk ġej bil-posta, l-oġġett ikun irreġistrat, biex tkun taf fejn qiegħed sakemm jasal għandek.
  • Prezz fiss: Jekk il-bejjiegħ f’daqqa waħda jgħidlek li se jkollu jżidlek il-prezz, bl-iskuża li kien nesa jiċċekkja kemm iqum, mal-irkantatur, jew li hemm ħafna oħrajn li jriduh, mela allura, għidlu li jista’ jbiegħu lil ħaddieħor.
  • Profil falz; Dejjem agħmel ‘reverse search’ tar-ritratt; għandek mnejn issib li dan xi mudell jew saħanistra akkademiku f’Università Franċiża. Oqgħod attentat meta tara li m’hemmx ritratt, iżda kelb, fjura, jew inżul ix-xemx.
  • Rapporti: Qatt tiddejjaq tirrapporta li min ipprova jidħaq bik. Hawn min jippoża ta’ bejjiegħ, jew ta’ xerrej, speċifikament biex jagħmel il-frodi.
  • Ritratt: Dejjem esiġi li jkollok ritratt tal-oġġett kif inhu, biex ma jkunx hemm tħaqqieq dwar dan, wara.

Tafdax: In-nanniet Maltin jgħidulna “Tafdax, biex ma tħallilx”, u għandhom raġun.

Enable Notifications OK No thanks