Petizzjoni biex Aidan jitħalla jipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest

Petizzjoni biex Aidan jitħalla jipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest

Ammiraturi tal-kantant Aidan Cassar, bħalissa għaddejjin b’petizzjoni biex Aidan jitħalla jipparteċipa fil-Malta Eurovision Song Contest.

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu, il-petizzjoni, mibdija minn Christopher Pace, għandha 1,515 firma

Fil-petizzjoni, fost oħrajn qed jintqal li d-dewmien bla bżonn bejn it-tħabbira tal-iskwalifikazzjoni u l-kjarifika mhux biss seta’ jħalli impatt negattiv fuq il-karriera, ir-reputazzjoni u s-saħħa mentali ta’ Aidan iżda ta wkoll perspettiva oħra dwar l-integrità tal-kompetizzjoni.

Il-petizzjoni tgħid ukoll li l-iskwalifika mhix ġustifikata u li l-artist jixraqlu proċess ta’ evalwazzjoni ġust u trasparenti. Tgħid ukoll li r-regolamenti tal-PBS huma riġidi u restrittivi, peress li jipprevjenu lill-artisti lokali milli jippromwovu l-arti tagħhom b’mod liberu u mingħajr biża’ li jiġu ppersegwitati.

Dan wara li Aidan ġie skwalifikat mill-festival, skont il-PBS, minħabba posts mhux awtorizzati fuq il-midja soċjali. Kelliem għall-PBS qal ukoll li l-kantanti ġie mwissi diversi drabi iżda baqa’ jippersisti.

Peppa Pig: L-ewwel koppja tal-istess sess għall-programm tat-tfal

Peppa Pig: L-ewwel koppja tal-istess sess għall-programm tat-tfal

Il-karattru ta’ Peppa Pig huwa bla dubju wieħed mill-aktar annimali tal-kartuns popolari u maħbuba fid-dinja, inkluż f’pajjiżna.

Forsi mhux ta’ b’xejn, allura, li d-deċiżjoni tal-programm li jintroduċi l-ewwel koppja tiegħu tal-istess sess qajmet kontroversja.

Waqt episodju bl-isem ta’ Familji, li xxandar għall-ewwel darba nhar it-Tlieta fuq Channel 5 fir-Renju Unit, fejn isir Peppa Pig, il-karattru eponimu ġie introdott lill-ommijiet ta’ Penny Polar Bear.

Waqt li tpinġi ritratt tal-familja tagħha, Penny spjegat: “Ngħix mal-mummy tiegħi u mal-mummy l-oħra tiegħi. Mummy waħda hija tabib u mummy waħda issajjar l-ispagetti.”

Il-programm, maħluq mill-animaturi Ingliżi Mark Baker u Neville Astley, ilu għaddej mill-2004. Din hija l-ewwel darba fl-istorja tiegħu ta’ 18-il sena li dehret koppja tal-istess sess.

Dan seħħ sentejn wara li nħolqot petizzjoni fuq websajt ibbażata fl-Istati Uniti, li titlob “familja ta’ ġenitur tal-istess sess fuq Peppa Pig”. Hija ġabret kważi 24,000 firma.

L-argument ta’ min ħoloq il-petizzjoni kien li t-tfal li jaraw Peppa Pig ikunu f’età li faċli jimpressjonaw ruħhom. “L-esklużjoni tal-familji tal-istess sess se tgħallimhom li l-familji b’ġenitur wieħed jew b’żewġ ġenituri ta’ sess differenti huma biss normali.”

Robbie de Santos, direttur tal-komunikazzjonijiet u l-affarijiet esterni fl-għaqda tal-karità tad-drittijiet tal-LGBT Stonewall qal li ħafna minn dawk li jaraw il-programm għandhom żewġ ommijiet jew żewġ missirijiet huma stess u se jkun ifisser ħafna għall-ġenituri u t-tfal li l-esperjenzi tagħhom qed jiġu rappreżentati fuq programm daqshekk ikoniku għat-tfal.

M’għandniex xi ngħidu, din id-deċiżjoni qajmet kontroversja bejn dawk li jaqblu u dawk li assolutament ma jaqblux.

Int x’taħseb dwar dan? X’inhi l-opinjoni tiegħek?

This Is A Call For Arts – X’inhi?

This Is A Call For Arts – X’inhi?

Il-pandemija tal-Covid-19 affettwat lil kulħadd u kull qasam b’xi mod jew ieħor, inkluża l-industrija tal-arti. F’dawn l-aħħar jiem bosta artisti qed jesprimu t-tħassib serju tagħhom fuq il-midja soċjali dwar il-fatt li skont huma, din l-industrija mhux biss ġiet affettwata iżda mhijiex tingħata l-importanza u prijorità daqs kull industrija oħra. Dan ġej anki mill-fatt li filwaqt li qed jitnaqqsu ċerti miżuri, jidher li l-qasam tal-arti għadu ftit ‘il bogħod biex jikseb lura ftit normalità.

This Is A Call For Arts hija inizjattiva li bdiet minn Jeremy Grech, artist ta’ 24 sena, u qed titkompla minn diversi artisti li huma determinati li jservu ta’ vuċi għal din l-industrija u jagħtu s-sehem tagħhom fit-tibdil ta’ ċerta mentalità, li huma jsostnu li hija parti mill-problema.

Huma jisħqu li l-arti hija professjoni bħal kwalunkwe oħra u li għal uħud hija mezz ta’ kif jaqilgħu l-għixien tagħhom, għaldaqstant mhuwiex ġust li ma tittiħidx bis-serjetà. Diskors li qal il-Ministru José Herrera ilbieraħ qanqal ukoll diversi reazzjonijiet ta’ rabja, u ħafna sostnew li din hija prova ta’ dak li qiegħdin isemmgħu leħinhom għalih.

Għaddejja wkoll petizzjoni fejn qed jintalab pjan mill-Gvern dwar il-ftuħ mill-ġdid għall-arti performattiva. Il-petizzjoni tenfasizza dwar l-importanza tal-arti u li jrid jkun hemm pjan ta’ direzzjoni ċara għall-futur.

Enable Notifications OK No thanks