by skoperta.net | 23/Jun/22 | Ġrajjiet, Kurrenti
L-attur u kummidjant Bill Cosby instab ħati li aggredixxa sesswalment mara fil-Playboy Mansion fl-1975 meta kienet adolexxenti.
Waqt il-ġuri tal-kawża ċivili kontrih, Judy Huth ingħatat €476,213 f’danni għal tbatija emozzjonali.
Id-deċiżjoni hija telfa legali kbira għall-attur ta’ 84 sena li xi darba kien magħruf bħala “America’s Dad”.
L-attur kien serva aktar minn sentejn ta’ sentenza ta’ bejn tlieta u għaxar snin.
Judy Huth kienet qalet lill-qorti ċivili ta’ Santa Monica f’Los Angeles li Cosby stieden lilha u lil ħabiba tagħha fil-Playboy Mansion meta hi kellha 16-il sena, u hu kellu 37 sena, u ġiegħelha twettaq att sesswali.
Hija qalet li snin wara l-inċident, sofriet ħafna meta diversi allegazzjonijiet kontra Cosby minn nisa oħra qanqlulha memorji ta’ dak il-jum.
Waqt li tkellmet barra l-qorti wara s-sentenza, Huth qalet li din hija rebħa kbira, mhux għaliha biss imma għall-vittmi kollha.
Cosby, li ma deherx personalment waqt il-ġuri, ċaħad l-allegazzjoni.
F’xhieda permezz ta’ vidjow murija lill-ġurati, Cosby qal li ma jiftakarx lil Huth. Iżda qal li l-inċident ma setax iseħħ għax dak iż-żmien ma kellu l-ebda kuntatt sesswali ma’ xi ħadd li kellu taħt it-18-il sena.
Meta l-kawża ġiet ippreżentata f’Diċembru 2014, Huth, li llum għandha 64 sena, qalet li l-inċident seħħ fl-1974, meta kellha 15-il sena. Hija qalet lill-ġurati li reċentement ikkonkludiet li kienet żbaljata dwar is-sena u li dak li ġara seħħ fl-1975.
Il-karriera ta’ Cosby fl-industrija tad-divertiment damet għaddejja 50 sena.
Huwa magħruf l-aktar għar-rwol tiegħu bħala r-raġel u missier maħbub fis-serje kummiedja televiżiva tas-snin tmenin The Cosby Show.
Mill-2005 ‘l hawn, aktar minn 50 mara resqu biex jakkużaw lil Cosby b’attakk sesswali. Wara li nstab ħati li aggredixxa lil Andrea Constand f’Philadelphia, Cosby serva ftit inqas minn tliet snin f’ħabs tal-istat ta’ Pennsylvania qabel ma l-kundanna tiegħu ġiet invalidata fl-appell. Huwa nħeles mill-ħabs f’Settembru tal-2021.
Cosby kien l-ewwel personalità famuża li ġiet imfittxija u kkundannata fl-era #MeToo.
by Jackie Busuttil | 13/Dec/21 | Riċetti, Varjetà
Ingredjenti:
450g spinaċi tal-friża, imdewweb
200g ġobon Philadelphia
Żewġ sinniet tewm, midħunin
Nofs kuċċarina melħ
Nofs kuċċarina trab taċ-chili jew paprika ħelwa
Nofs kuċċarina bżar
Kuċċarina ħwawar imħallat
100g mozzarella maħkuka
500g għaġina tal-pizza
Bajda mħabbta biex tidlek il-wiċċ.
Żewġt imgħaref butir imdewweb u mħallat ma’ żewġ kuċċarini puree tat-tewm
Metodu:
- Saħħan il-forn għal 200 grad.
- Agħsar l-ispinaċi sew biex ma jibqax ilma.
- Fi skutella, ħallat l-ispinaċi u l-Philadelphia flimkien.
- Żid it-tewm, il-melħ, it-trab taċ-chili jew paprika ħelwa, il-bżar, u l-ħwawar imħallat.
- Ħawwad kollox sew.
- Iftaħ l-għaġina u fforma siġra tal-Milied billi taqtagħha f’żewġ trijangoli tal-istess daqs.
- Poġġi trijangolu wieħed fuq dixx tal-forn miksi bil-karta tal-forn.
- Ifrex it-taħlita tal-ispinaċi fuq it-trijangolu. Ara li tiksi l-għaġina kollha bit-taħlita.
- Imbagħad poġġi t-trijangolu l-ieħor fuq it-taħlita tal-ispinaċi.
- Agħfas il-ġnub tat-trijangoli flimkien biex tissiġillahom.
- Issa aqta’ flieli ta’ madwar pulzier minn kull naħa, tul is-siġra kollha.
- Ħalli madwar pulzier mhux maqtugħ fin-nofs.
- Dawwar u rembel il-biċċiet kollha li qtajt fil-ġnub.
- Idlek il-wiċċ tal-għaġina bil-bajda mħabbta.
- Aħmi għal madwar 30 minuta sakemm tara li saret sew minn fuq u minn taħt.
- Eżatt qabel ma sserviha, idlek il-wiċċ bit-taħlita tal-butir imdewweb u tewm.
L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net
by Jackie Busuttil | 06/Dec/21 | Riċetti, Varjetà
Ingredjenti:
3 karrotti mdaqsin, imqattgħin
3 bajdiet
200ml ħalib
200ml żejt
200g zokkor
375g dqiq self raising, mgħarbul
Biex tiksih:
200g ċikkulata skura
200g ġobon Philadelphia
Metodu:
- Saħħan il-forn għal grad 200. U idlek id-dixx li se tuża bil-butir.
- Ġo blender ħallat il-karrotti u l-bajd flimkien.
- Żid il-ħalib, iż-żejt u z-zokkor. U kompli ħallat sakemm ikollok qisha krema maħlula.
- Issa neħħi mill-blender u żid id-dqiq ftit ftit waqt li tħawwad kontinwament b’whisk b’idejk.
- Ferra’ t-taħlita fid-dixx li lestejt midluk bil-butir.
- Aħmi fil-forn għal bejn 35-40 minuta, jew sakemm iddaħħal toothpick u toħroġ niexfa.
Jekk se tiksi l-kejk:
Dewweb iċ-cikkulata u l-ġobon flimkien banjumarija u iksi l-kejk bit-taħlita.
L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net
by Jackie Busuttil | 31/May/21 | Riċetti, Varjetà
Għandek bżonn (għal turtiera ta’ 9 inches):
250g dqiq plain
Żewġ bajdiet kbar (temperatura tal-kamra)
200g zokkor
230g ġobon li jidellek (Philadelphia)
Żewġ imgħaref ħalib
108ml żejt (vegetable jew light olive oil)
Kuċċarina essenza tal-vanilla
Zewġ kuċċarini baking powder
Niskata melħ
350g frawli
Mgħarfa meraq tal-lumi
Biex tagħmel il-ġulepp tal frawli:
300g frawli mħallat fi blender ma’ 50g zokkor.
Metodu għall-kejk:
- L-ewwel, idlek id-dixx tiegħek u poġġi l-karta tal-forn fil-qiegħ.
- Issa ipprepara l-frawli.
- Aqta’ 200g mill-frawli f’biċċiet żgħar.
- Aqta’ l-150g li jifdal f’nofsijiet.
- Saħħan il-forn fuq 180 grad.
Nota: Il-ħinijiet li ġejjin huma għall-użu ta’ mixer tal-ikel elettriku. Jekk qed tagħmel dan bl-idejn, ikollok bżonn iżżid aktar ħin.
- Fi skutella kbira, ħawwad il-bajd u z-zokkor għal 5 minuti sakemm it-taħlita tkun ta’ kulur ċar u taqgħad ftit.
- Żid il-ġobon, il-ħalib, il-meraq tal-lumi, iż-żejt, u l-essenza tal-vanilla. Ħabbat b’veloċità baxxa sakemm l-ingredjenti kollha jkunu mħalltin.
- Fi skutella oħra, ħawwad flimkien id-dqiq, il-baking powder u l-melħ sakemm jitħalltu sew.
- Żid it-taħlita tad-dqiq mat-taħlita tal-ġobon u ħawwad b’veloċità baxxa sakemm id-dqiq ikun imħallat kompletament mal-bqija tal-ingredjenti.
- Tħallatx iżżejjed. Ieqaf ħallat hekk kif ma tkunx għadek tara d-dqiq.
- Ferra nofs it-taħlita tal-kejk fil-landa tal-kejk.
- Ifrex il-biċċiet żgħar tal-frawli fuq it-taħlita.
- Imbagħad agħtti bit-taħlita li jifdal.
- Agħtti l-wiċċ tal-kejk bil-frawli li kont qsamt min-nofs, ippressahom kemm kemm fit-taħlita.
- Aħmi għal madwar 50 minuta, jew sakemm toothpick imdaħħal fin-nofs joħroġ nadif.
- Ħalli l-kejk jibred kompletament qabel ma sservi.
- Servi ma’ ġulepp tal-frawli.
L-ikla t-tajba!
Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
by Tanja Cilia | 26/Apr/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Konna qed nilgħabu bil-kliem – mhux bid-diskors! – u għidt, kif dejjem ngħid, kemm hu sabiħ il-Malti.
L-Ingliżi għandhom corner, imma aħna għandna rokna u kantuniera.
L-Ingliżi għandhom selfie, u aħna għandna, jew almenu jista’ jkolna – selfie, selfek, selfu, selfha, selfna, selfkom, u selfhom… skont min jieħu r-ritratt u skont min jiġi fih.
Kulħadd daħaq, u fakkruni li bil-Malti, il-kelma hija stessu – imma ma ċedejtx. U kienu biss, li la m’għandniex ġens newtrali, il-kelma kellha tkun stessa, għax selfie huwa “xbiha”. Kien hemm min qabel miegħi, u kien hemm min qal li selfie huwa ritratt, u għaldaqstant, il-kelma tieħu nom tal-ġens maskil.
Jew, forsi, raġel jieħu stessu, u mara tieħu stessa.
Kos, kemm tixbaħ il-kelma selfish, hux, il-kelma selfies?
Ara tarawhiex bħali… hawn min jitfa’ għexieren ta’ ritratti fuq is-siti soċjali, biex kulħadd jgħaddi l-kummenti bħal “xi ġmiel” jew “kemm hu ħelu xagħrek hekk”…
Dan il-fenomenu narċissista tant ħa, li l-Oxford English Dictionary kien iddikjara li selfie hija l-kelma tas-sena fl-2013.
Hawn min jisħaq li huwa importanti li tgħix il-mument preżenti; u m’hemm xejn iżjed preżenti minn selfie, għax jurik kif int filwaqt u l-ħin li tkun ħadtu.
Kien fl-1839 li ttieħed l-ewwel “awto-ritratt”, kif issejjaħ dak iż-żmien. Robert Cornelius, dilettant tal-fotografija, spiżjar dilettant u spiżjar, li kien jgħix f’Philadelphia, irnexxielu jidħol f’ritratt li ħadu hu stess billi waqqaf il-kamera fuq tripied, ta l-ħabel lill-arloġġ, u ġera għal quddiem il-lenti.
Dawn il-mutetti m’għadx hawn bżonnhom, għax selfie jittieħed tipikament minn tablet, jew smartphone, jew webcam, b’mod instantanju.
Jingħad li l-kelma nnifisha kienet ivvintata fl-2002, meta Nathan Hope żagħżugħ Awstraljan, għalaq 21 sena. Waqt il-festin tiegħu, kien kemmxejn imlaħlaħ, iżda xorta dehrlu li kien kapaċi jieħu ritratt tiegħu innifsu; l-iżjed biex juri lid-dinja li kellu l-punti f’xoftu, fuq sit soċjali.
Il-kumment li tefa’ kien: u skużawni li dan mhux iffokat, għax dan selfie…
Nibtu l-Ħelfie (selfie tax-xagħar), il-Belfie (selfie tal-warrani), u l-Welfie (waqt li wieħed ikun qiegħed jagħmel xi eżerċizzju). U hemm ukoll, ħaġa tal-għaġeb, id-Drelfie, li wieħd jieħu meta jkun fis-sakra.
Hemm saħansitra sit minnhom invażat b’selfies li jittieħdu waqt funeral… f’uħud minnhom saħansitra jidhru l-kadavri fit-twiebet miftuħa.
Imma dawn in-nies jafu jistħu? Jew tant huma wiċċhom sfiq li anqas tgħaddilhom minn moħħom li għandhom jistħu?
Il-kelma selfie nnifisha turi li r-ritratt huwa xi ħaġa egoċentrika. X’jimporta li int mort Ta’ Pinu, jew it-Taj Mahal, jew il-Piramidi, jew is-Sydney Opera House? Mhux basta tieħu selfie? Ħalliha tinżel, lix-xemx, u tinseġ elf kulur fuq ix-xefaq. Mhux basta tieħu ritratt tiegħek innifsek quddiemha? Jekk mhux għal kollox isbaħ, imma għall-anqas, żgur iżjed importanti…
Hawn min jgħidlek biex ma tintremiex, u hawn min jgħidlek biex ma tiftaħarx, għax jisħtuk. Mela allura, l-ewwel iżżejjen il-paġni tiegħek b’għadd ta’ selfies, u mbagħad tgħid “Isma’, il-ġmiel mhux kollox…” Mela allura, qed tikkonferma li int taħseb li int sabiħa, u wara, tgħidilna li taħseb li għandek doni oħrajn ukoll.
Il-ħajja ta’ vera ta’ xi wħud twaħħdet mal-ħajja diġitali tagħhom. Nafu x’kielu, meta biddlu l-kulur ta’ xagħarhom, fejn marru, u ma’ min iltaqgħu iżjed milli t-telespettaturi ta’ The Truman Show kienu jkunu jafu x’qed jagħmel Truman Burbank [parti maħduma minn Jim Carey].
Il-lenti ta’ quddiemhom forsi ma tħallihomx ikunu “huma”, iżda jsiru “huma ta’ quddiem il-kamera”, artifiċjali u mimlija bihom infushom. Int trid tkun bħal qatta’ oħrajn li qabel joħorġu mid-dar jiġbdu ritratt? Int trid li titfa’ selfie f’xi wieħed minn dawk is-siti fejn jgħidulek “Jaqq kemm int ikraħ, mur aqbeż minn fuq is-sur…”?
Aħna nafu kif il-fotografi tal-midja jsusu wara l-personalitajiet biex jiġbdulhom ir-ritratti meta jkunu mhux f’tagħhom. U dawn, biex juruna li huma xorta sbieħ, u mhux dejjem ikunu libsin tracksuit kerha, jitfgħu ħafna selfies fuq is-siti tagħhom.
Snapchat, Tumblr, Facebook, Twitter, u siti oħra, lilna jagħtuna l-istess opportunità… għax jekk xi ħadd ma jaħmilniex pinġuti jitfa’ ritratt tagħna qisna x-xuxani, jew meta nkunu qed nirrabjaw, biex iwaqqgħuna għaċ-ċajt, aħna dlonk nitfgħu ħamsa, sitta, bil-kosmetiċi u b’maxta perfetta.
Aħna min aħna? Dawk li jidhru fir-rirtatti “mhux tagħna”; jew dawk tas-selfies, li qatt ma juruna mill-ġenb biex imneħierna ma jidhirx kbir, jew x’imkien fin-nofs? Jew dawn huma tliet diskrizzjonijiet foloz, għax l-awtentiċità ma titkejjilx?
Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista